Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur – każijiet pendenti quddiem il-Qorti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30465, tista’ l-Ministru tgħid għal kull każ meta nfetħu l-proċeduri quddiem il-Qrati indikati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant dwar is-segwenti: Ismijiet tal-kważi Data tal-bidu tal-proċeduri Pulizija vs Marphil Gauci (Qorti tal-Magistrati (Malta) Ġudikatura Kriminali) 9 ta’ Marzu, 2011 Pulzija vs Nazzareno Muscat (Qorti tal-Magistrati (Malta) Ġudikatura Kriminali) 4 ta’ Dicembru, 2014 Pulizija vs Mark Andrew Brincat et (Riferenza Kostituzzjonali) 7 ta’ Ottubru, 2014 Pulizija vs Mark Andrew Brincat et (Riferenza Kostituzzjonali) 7 ta’ Ottubru, 2014 Pulizija vs Chalcedon Vella (Qorti tal-Magistrati (Malta) Ġudikatura Kriminali) 2 ta’ Novembru, 2010 Pulizija vs Josef Gauci (Qorti tal-Appell Kriminali) 21 ta’ Novembru, 2013 Melita plc et vs Direttur Ġenerali (Affaijiet tal-Konsumatur) 26 ta’ Novembru, 2012 (Tribunal tal-Appelli għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur) (Deċiżjoni mogħtija fil-21 ta’ Frar, 2017 u Melita Limited appellat lill-Qorti tal-Appell fit-8 ta’ Marzu, 2017.) Benny Borg Bonello nomine vs MCCAA u Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) 12 ta’ Marzu, 2014 (Qorti tal-Appell)

Att dwar il-Kompetizzjoni – Direttur Ġenerali — sottomissjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30466, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) għażel li ma jagħmel ebda notifika biex sidien oħra ta’ pompi tal-petrol jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30466 fejn diġa ġie spjegat li d-Direttur Ġenerali m’hux obligat li jagħmel l-ebda notifika biex operaturi oħra fis-suq jagħmlu s-sottomissjonjiet tagħhom. Id-Direttur Generali fil-kors tal-investigazzjoni talab lil diversi sidien tal-pompi tal-petrol għall-informazzjoni.

Att dwar il-Kompetizzjoni – Direttur Ġenerali — sottomissjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30466, tista’ l-Ministru tgħid mingħand kemm-il sid ta’ pompi tal-petrol oħra, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) talab informazzjoni? Tista’ tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jafx kemm hemm sidien tal-pompi tal-petrol b’kollox f’Malta u Għawdex? Jekk iva, tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn sidien?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30482, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn skont it-tabella provduta fl-imsemmija tweġiba, f’sitt każijiet id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma pprovdiex informazzjoni lill-konsumaturi fuq il-ġurnali? Tista’ tispjega għalfejn f’żewġ każi d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ippubblika din l-informazzjoni f’aktar minn ġurnal wieħed? Tista’ tispjega għalfejn hemm din id-differenza fil-mod li dawn l-avviżi pubbliċi qed jidhru fuq il-ġurnali? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures ta’ kif jimxi l-Uffiċċju għall-Konsumatur f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li filwaqt li l-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jistabilixxi s-setgħa tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li joħrog avviż pubbliku, ma hemmx proċeduri speċifiċi dwar il-pubblikazzjoni tal-avviż pubbliku stabbiliti mil-liġi, kull każ għandu jiġi ttrattat fuq bażi individwali, in vista tal-partikolarità u tal-esigenżi ta’ kull każ.

Direttur Ġenerali (Konsumatur) – ħruġ ta’ Avviżi Pubbliċi skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30481, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma jippubblikax l-Avviżi Pubbliċi li huwa ħareġ minn żmien għal żmien fuq ir-rivista “L-Għażla”? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-iStandard Operating Procedures ta’ kif jimxi l-Uffiċċju għall-Konsumatur f’dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li filwaqt li l-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jistabilixxi s-setgħa tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li joħrog avviż pubbliku, ma hemmx proċeduri speċifiċi dwar il-pubblikazzjoni tal-avviż pubbliku stabbiliti mil-liġi, kull każ għandu jiġi ttrattat fuq bażi individwali, in vista tal-partikolarità u tal-esigenżi ta’ kull każ. Il-proċedura hija li fejn il-kummerċjant ikkonċernat jonqos li jonora d-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi, huwa jiġi mwissi u jingħata l-opportunità li jimxi skont l-istess deċiżjoni u fejn jibqa’ inosservanti jinħareġ l-avviż pubbliku skont il-liġi. L-avviż pubbliku ma jinħariġx biss meta deċiżjoni tat-Tribunal imsemmi ma tiġix onorata imma wkoll għal kull ċirkostanza msemmija fl-istess artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għall-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30476, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn se jkunu ttieħdu kważi sentejn u nofs sabiex id-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea tkun inkorporata fil-liġi Maltija? Tista’ tispjega għalfejn kien hemm dan id-dewmien?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fil-proċess tal-abbozzar tar-regolamenti kellha ssir bosta riċerka, tiġi kkonsultata l-Kummissjoni Ewropea diversi drabi, ssir konsultazzjoni pubblika u evalwazzjoni tal-impatt tar-regolamenti f’Malta. Hekk kif jitlesta dan ix-xogħol kollu tkun inkorporata fil-liġi Maltija.

Uffiċċju tal-Konsumatur — Il-Każ Federation of Estate Agents – laqgħat ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30475 fejn il-Ministru konfermat li ma saru ebda laqgħat ma’ rappreżentanti tal-għaqdiet tal-konsumaturi u dawk tan-negozju dwar is-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et, u peress li jien ukoll staqsejt dwar ir-raġuni għalfejn s’issa ma sarux dawn il-laqgħat, tista’ l-Ministru tirrispondi għal din il-parti tal-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tgħid meta se jsiru dawn il-laqgħat sabiex l-organizzazzjonijiet imsemmija jiġu infurmati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma sarux laqgħat mar-rappreżentanti msemmija għax ma inhasx il-bzonn li dan issir ghax dawn l-organizzazzjonijiet għandhom fi hdanhom persuni li jafu jinterpretaw u jifhmu din id-deċizjoni. Madanakollu kieku saret xi talba lill-Uffiċċju biex issir laqgħa, l-Ufficcju kien jiltaqa’ maghhom.

Il-Każ Federation of Estate Agents — miżuri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30474, tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jinvestiga każijiet bħalissa l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u liema setturi dawn jikkonċernaw?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju qed jinvestiga 17 il-każ. Dawn jikkonċernaw is-setturi tas-servizzi finanzjarji, komunikazzjoni, transport, enerġija, divertiment, lotteriji, sports, tax-xorb u uniformijiet tal-iskola.

Il-każ tal-Federation of Estate Agents — evalwazzjoni tas-sentenza mid-Direttur Ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30472 u tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fit-3 ta’ Mejju 2016, li kkonfermat dik tal-21 t’April 2015, kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u r-rimedji li għandhom jittieħdu? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx, tista’ tispjega l-għala dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Mhux korrett meta l-Onor. Interpellant qed jgħid li s-sentenza ġiet ikkonfermata għax fil-fatt il-Qorti Kostituzzjonali ma qablitx ma’ parti mis-sentenza dik li l-proċeduri kkontemplati fl-Att imorru kontra l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kif kienet iddeċidiet l-ewwel Qorti. Ninforma lill-Onor Membru li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni kien ħejja position paper bl-analiżi tiegħu tas-sentenza fil-11 ta’ Mejju. Peress li l-analiżi tirrigwarda proċeduri li huma pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Uffiċċju m'huwiex f’pożizzjoni li jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-analiżi peress li il-każ huwa sub judice .

Il-każ tal-Federation of Estate Agents

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30471 u tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) wara s-sentenza meħuda fil-każ tal-Federation of Estate Agents kontra Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) et mill-Qorti Kostituzzjonali fil-21 t’ April 2015 kienx għamel evalwazzjoni tal-impatt ta’ din is-sentenza fuq il-liġi tal-Kompetizzjoni u x’rimedji ssuġġerixxa? Jekk iva, tista’ tgħid meta dan sar u tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi? Jekk dan ma sarx tista’ tispjega għaliex?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li s-sentenza ġiet diskussa internament u fuq parir tal-Avukat Ġenerali ġie deċiż li s-sentenza tiġi appellata. Ta’ din l-istess opinjoni kien il-Bord tal Gvernaturi.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – bord ta’ Governanza – każ tal-Federation of Estate Agents

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30470, filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 2016 ikkonfermat li l-proċeduri kontemplati fl-Att tal-Kompetizzjoni jmorru kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Governanza kenitx unanima jew ittieħditx b’vot? Tista’ l-Ministru telenka l-parteċipanti kollha li kienu preżenti għal dik il-laqgħa?

Response (DALLI, HELENA)

Id-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta’ Governanza kienet unanima. Il-membri preżenti kienu: Mr Marcel Pizzuto Dr Gordon Cordina Ing Mario Cassar Ms Anna Spiteri Dr Phyllis Aquilina Mr John Abela Mr Joseph Sciberras
Leg 12 PQ #31591 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tax-Xandir — impjegati

Question

Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li qed iqumu dubji serji dwar il-kompetenzi tal-persuna maħtura biex tmexxi din l-Awtorità, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’laqgħat saru mal-ħaddiema dwar dan il-każ? X’passi se jittieħdu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-Prim Ministru ħa nota tal-ittra li ntbagħtet lilu mill-ħaddiema tal-Awtorità tax-Xandir u wassal dan it-tħassib liċ-Chairperson tal-Board. Infakkrek li l-Awtorità tax-Xandir hija awtorità mwaqqfa bil-Kostituzzjoni u allura bħala tali tgawdi minn awtonomija sħiħa. Deċiżjonijiet bħal li qed jiġu diskussi filfatt huma materja u suġġett tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir. Minkejja dan, il-Prim Ministru wassal il-messaġġ li deċiżjoni bħal din ghandha tittieħed b’konsultazzjoni sħiħa mal-ħaddiema biex tittieħed deċiżjoni fl-aħjar interess tal-Awtorità.

Awtorità tax-Xandir — Chairperson

Question

Wara li l-impjegati tal-Awtorità tax-Xandir kitbu lill-Prim Ministru dwar intimidazzjoni u bullying fuqhom miċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir u wara li l-Oppożizzjoni stqarret pubblikament li tilfet il-fiduċja li l-persuna magħżula għandha l-kompetenzi u l-ħiliet neċessarji biex tmexxi din l-awtorità importanti, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk irċeviex jew talabx għar-riżenja ta’ din iċ-Chairperson?

Response (BONNICI, OWEN)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – servizz tad-dawl mill-Enemalta — metodi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu jagħmel id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) dwar dak li ġie allegat fil-ġurnal lokali The Times of Malta fid-9 ta’ Frar 2017 rigward metodi qarrieqa sabiex konsumaturi jinqatgħalhom is-servizz tad-dawl mill-Enemalta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dan il-każ ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Kunsill u għalhekk għandu jiġi investigat mill-awtoritajiet kompetenti.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — servizz tad-dawl mill-Enemalta - metodi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu jagħmel il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar dak li ġie allegat f’ġurnal lokali fid-9 ta’ Frar 2017 rigward metodi qarrieqa sabiex konsumaturi jinqatgħalhom is-servizz tad-dawl mill-Enemalta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li dan il-każ ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Kunsill u għalhekk għandu jiġi investigat mill-awtoritajiet kompetenti.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — Il-każ Federation of Estate Agents – diskussjoni tas-sentenza

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30473, peress li staqsejt meta saru dawn id-diskussjonijiet, tista’ l-Ministru tgħid meta saru l-laqgħat mal-Avukat Ġenerali? Tista’ tgħid ukoll kelliex laqgħat mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) f’dan ir-rigward u jekk iva, meta saru dawn il-laqgħat? Peress li l-Ministru kkonfermat li hemm diversi proposti leġislattivi, tista’ telenka dawn il-proposti? Tista’ tispjega għalfejn il-Ministru għaddiet proposta waħda lill-Oppożizzjoni; dik li tiġi emendata l-Kostituzzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li nhar it-18 ta’ Mejju 2016 u nhar is-27 ta’ Lulju 2016 saru laqgħat bejn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Avukat Ġenerali. Peress li jinħtieġ zewg terzi tal-Parlament l-oppożżizjoni kienet ipprezentata bl-emendi kostituzzjonali. Il-proposti legizlattivi jitressqu fil-parlament kif ikunu finalizzati.

Draft Leniency Regulations – investigazzjoni dwar kartelli

Question

Wara li l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar Draft Leniency Regulations dwar investigazzjonijiet fuq kartelli kienu konklużi fl-2013, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn dawn ir-regolamenti qatt ma daħħlu fis-seħħ?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Draft Leniency Regulations imsemmija minna qed jiġu reveduti minħabba s-sentenza kostituzzjonali riċenti.

Siġġiewi – Għassa tal-Pulizija – nuqqas ta’ riżorsi umani

Question

Fid-dawl tal-mewġa ta’ serq u kriminalità li għaddejja bħalissa u l-ilmenti tal-pulizija li m’għandhomx biżżejjed riżorsi biex jaħdmu, jista’ l-Ministru jgħid x’nuqqas ta’ riżorsi umani hemm fl-għassa tas-Siġġiewi u kif qed jaħseb li jirrimedja dan in-nuqqas? Jista’ jikkonferma li l-Għassa tas-Siġġiewi kważi dejjem mingħajr Surġent? Jista’ jgħid għaliex l-Għassa tas-Siġġiewi hija ttrattata bħal tat-tieni diviżjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà infurmajt lil din il-Kamra, m’hemm l-ebda bażi konkreta għall-allegazzjoni li qed jagħmel, fir-rigward ta’ xi “mewġa ta’ serq u kriminalità”. Fir-rigward tar-riżorsi umani, dawn huma bbażati skont l-esiġenzi f’kull lokalità u fil-fatt żdiedu żewġ surġenti fid-Distrett numru 2 ‘D’ Siġġiewi. Nassigura lill-Onor. Interpellant li kuntrarjament għal dak li qal, l-ebda Għassa jew xi Sezzjoni tal-Korp qatt ma ġew jew jiġu trattati bħala “tat-tieni diviżjoni”.

Awtorità tax-Xandir — binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema binja qed topera sal-lum l-Awtorità tax-Xandir? Min hu s-sid ta’ din il-proprjetà? Jista’ jgħid ukoll hux minnu li l-Awtorità tax-Xandir se tiċċaqlaq minn dan il-bini u x’inhi r-raġuni? Jista’ jgħid min ta l-approvazzjoni għal dan iċ-ċaqlieq?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tax-Xandir — operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed tippjana li tibda topera l-Awtorità tax-Xandir? B’liema kundizzjonijiet u b’liema valur qed jinxtara jew jinkera l-post il-ġdid li se tibda topera minnu l-Awtorità tax-Xandir? Xi proċess sar biex din ix-xirja jew kirja sseħħ? Saret sejħa pubblika? Kif ġie assigurat li jkun hemm proċess trasparenti u mingħajr kunflitti ta’ interess? X’inhuma l-istimi li saru biex jiġi rranġat il-post il-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.