Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – nefqa fuq reklamar jew avviżi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il Ministeru tagħha u l-entitajiet li jaqgħu taħtha nefqu fuq reklamar jew xi xorta ta’ avviżi oħra bi ħlas fuq il-media stampata, online, fuq ir-radju u awdjoviżiva minn April 2013 sal-lum? F’kull każ tista’ tgħid x’kien is-suġġett u x’kienet in-nefqa?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li n-nefqa fuq reklamar fil-perjodu konċernat hija kif indikata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-nefqa indikata tinkludi wkoll l-ammonti li għad jridu jitħallsu. Madwar ħamsa u erbgħin fil-mija tan-nefqa se tkun ffinanzjata minn Fondi Ewropej.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – publikazzjoni ta’ materjal stampat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie ppubblikat materjal stampat mill-Ministeru tagħha u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn April 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid x’kien is-suġġett tal-pubblikazzjoni, jekk kellux messaġġ mill-Ministru jew ta’ xi politiku ieħor, kemm-il kopja ġew stampati u fejn tqassmu? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid ukoll kemm swiet il-pubblikazzjoni u fejn ġiet stampata?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fil-perjodu konċernat ġew ippublikati 68 pubblikazzjoni ta’ materjal stampat. Ninforma lill-Onor. Interpellant, li minn dawn il-publikazzjonijiet, 11 minnhom kellhom il-messaġġ politku u ġew stampati minn 22 kumpaniji differenti minn madwar Malta u Għawdex. In-nefqa ta’ dawn il-publikazzjonijiet hija ta’ madwar €307,827.34 li €111,243.14 minnhom ser ikunu ffinanzjati minn Fondi Ewropej.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-2013 sal-lum u f’liema pożizzjonijiet u b’liema pagi u perkaċċi ġew impjegati dawn il-persuni? Minn liema lokalitajiet ġew impjegati dawn il-persuni?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tikkonċerna l-ħaddiema li ġew impjegati għall-ewwel darba fis-Servizz Pubbliku. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pagi w l-allowances konċernati huma stabiliti skont il-kuntratti rispettivi w l-iskali fis-Servizz Pubbliku.
Leg 13 PQ #868 Sitting 20 2017-07-19 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Eżamijiet għal skrivani mas-Settur Pubbliku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta l-aħħar saru eżamijiet għal Skrivani mas-Servizz Pubbliku? Kemm minnhom għaddew u kemm minnhom ġew ingaġġati s’issa? Sakemm se jibqa jgħodd ir-riżultat preżenti? Il-Gvern kemm fi ħsiebu jimpjega aktar minn fuq din il-lista fix-xhur li ġejjin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għal Skrivani ħarġet fil-gazzetta tal-Gvern Nru 19,606 datata 8 ta’ Lulju 2016. It-total ta’ dawk li għaddew mit-test u mill-interview hu ta’ tliet mija u tnax (312). Minn dawn s’issa ġew ingaġġati mija u sitta u għoxrin (126). Ir-riżultat preżenti jibqa’ jgħodd sentejn sat-8 ta’ Jannar 2019. Il-Gvern jimpjega skont l-esiġenzi tas-servizz.

Ċittadini ta’ Malta impjegati mal-istituzzjonijiet Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ċittadini ta' Malta impjegati mal-Istituzzjonijiet, Korpi Konsultattivi u Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, fejn huma hekk impjegati u kemm minnhom huma permanenti u kemm temporanji?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni hija miġbura strettament skont ir-regoli li jirrigwardjaw il-Protezzjoni tad-Data, liema regoli jistipulaw li din l-informazzjoni qed tingħata biex ikun hemm aġġornament fl-ingaġġ ta’ċittadini Maltin mal-istituzzjonijiet Ewropew u ma tistax tintuza għal finijiet oħra.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq li saru minn persuni ta’ nazzjonalita barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex li seħħ minn persuni ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija? Jista’ jagħti r-rendikont xahar b’xahar u lokalità b’lokalità mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata. Persuna li tkun wettqet l-att kriminali ikun possibli li jingħad jekk hux ċittadina Maltija je le wara l-każ ikun solvut.

Malta u Għawdex – rapport kriminali li saru minn persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ rapporti kriminali madwar Malta u Għawdex li saru minn persuni ta’ nazzjonalità li mhijiex Maltija? Jista’ jagħti r-rendikont xahar b’xahar u lokalità b’lokalità mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ kriminalità ġiet irrapportata? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kien hemm 17,941 każ li kien irrapurtat. L-informazzjoni mitluba tinvolvi xogħol sostanzjali. Għalhekk nitlob lill- Onorevoli Interpellant sabiex ikun iżjed speċifiku fl-informazzjoni li jrid.

Cyberstalking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni fuq cyberstalking fl-aħħar ħames snin, sena b’sena? X’kien is-sess u l-etajiet tal-persuni mħarrka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx informazzjoni elettronika ta’ persuni li ġew imħarrka fuq cyberstalking per sebilli hija parti minn żewg kategoriji oħra.

First Qormi Scout Group – art jew proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministru jikkonsidrax li jgħaddi biċċa art jew proprjetà oħra f’Ħal Qormi lill-First Qormi Scout Group li jilqa’ fih numru sabiħ ta’ żgħażagħ u li llum m’għandhomxx post għalihom fejn jiltaqgħu bla xkiel? Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jgħaddilhom art li għadha ma’ ġietx żviluppata fil-Qormi Outdoor Sports & Fitness Park li hemm bejn Triq l-Imdina u Triq Manoel Dimech f’Ħal Qormi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi SportMalta qiegħed fi stadju avvanzat ħafna fil-proċess li jgħaddi l-art imsemmija, wara li fuq talba tagħhom stess, ġie kkunsidrat tali trasferiment. SportMalta laħaq qbil mal-Assoċjazzjoni tal-Iscouts li flimkien mal-First Qormi Scout Group se jkun qed jiffirma kuntratt meta dan jiġi approvat mill-Parlament fiż-żmien li ġej. Il-kuntratt ġie abbozzat u qiegħed jiġi finalizzat biex jitpoġġa għall-konsiderazzjoni tal-Kabinett, wara li d-deċiżjoni ġiet ukoll approvata mill-Bord tad-Diretturi.

Bypasss tas-Siġġiewi – speed camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-ispeed camera tal-bypass tas-Siġġiewi ma kelliex speed tolerance ta’ 10% bħal speed cameras f’toroq oħra madwar Malta? Għaliex sar dan? Jista’ l-Ministru jgħid jekk u kif ġiet aġġustata din id-diskriminazzjoni nkluż b’rifużjoni ta’ multi mħallsa jekk dawn kienu jaqgħu fil-parametri tal-ispeed tolerance?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq is-suġġett diġà ngħataw spejgi estensivi b’mod pubbliku u m’għandix xi nżid ma dawk l-ispjegi .

Reġistru Pubbliku – twelid reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati twelid mar-Reġistru Pubbliku ta' persuni li kienu twieldu barra minn Malta u f'liema pajjiż kienu twieldu, sena b'sena, bejn l-2011 u l-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi u s-Siġġiewi — serq u kriminalità

Question

Wara li aktar kmieni din is-sena gew misruqa minn darhom stess anzjani f’Ħal Qormi u s-Siġġiewi, u nisa anzjani oħra ġibdulhom il-ġiżirajjen jew serqulhom il-handbag waqt li kienu mexjin fit-toroq ta’ Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li l-mewġa ta’ serq u kriminalità hija biss allegazzjoni? Jista’l-Ministru jgħid jekk id-distrett ta’ Ħal Qormi u s-Siġġiewi hux moqdi tajjeb bin-numru ta’ pulizija u surġenti li għandhom u li jridu jlaħħqu wkoll mal-Korsa tal-Marsa? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu biex din il-mewġa ta’ kriminalità titrażżan u kemm kienu effettivi l-miżuri li ħa s’issa? Jista’ jgħid x’se jsir aktar sabiex in-nies ikunu jistgħu jerġgħu jimxu fit-toroq tal-irħula tagħna bla biża’? Jista’ jgħid x’se jsir aktar biex iserraħ moħħ in-nies li għadhom jistgħu jgħixu f’darhom bla biża’?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għal kull każ bħal ma hu deskritt f’din il-Mistoqsija Parlamentari, tintalab li ssir inkjesta Maġisterjali li ħafna drabi tiġi milqugħa u flimkien mal-Pulizija, dawn il-każijiet jiġu investigati. Dwar il-każijiet ġeneralment magħrufa bħala ‘snatch and grab’, infurmat illi l-Pulizija rnexxielha ssolvi tnax (12)-il każ minn erbgħa u għoxrin (24) każ li ġew irrapurtati matul is-sena 2016. Din is-sena kien hemm tlett (3) każijiet ta' snatch and grab li minnhom tnejn (2) ġew solvuti. Sfortunatament dan it-tip ta’ reat iseħħ f’lokalitajiet oħra u l-Pulizija tagħmel minn kollox biex tkompli ssolvi każijiet bħal dawn. Dwar ir-referenza għal-xogħol fil-Korsa tal-Marsa, dan hu xogħol li l-Pulizija minn dejjem għamlet u hija mistennija li tkompli tagħmel. Il-proċedura tal-Pulizija li tlaħħaq ma’ dan ix-xogħol bħal ma tlaħħaq avvenimenti oħra, hija normali. Ma jistax jingħad illi l-inċidenti msemmija f'din il-mistoqsija saru l-għaliex jew f'hinjiet fejn il-Pulzija kienu l-Marsa. Irid jingħad illi ġew intensifikati r-rondi bħala mezz ta' prevenzjoni. Il-Pulizija ser tibqa’ tinvestiga u tagħmel dak kollu possibli, biex dawn il-każijiet jissolvew, jitnaqqsu u possibilment jieqfu.

Ħal Qormi – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati f’Ħal Qormi xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm disa’ mija u sbatax (917)-il każ ta’ serq irrapportat f'Ħal-Qormi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Gunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każijiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet mija u tlieta u tletin (133) każ ġew solvuti, filwaqt li l-oħrajn għadhom qed jiġu nvestigati.

Ħal Luqa – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati f’Ħal Luqa xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm erba’ mija u sitt (406) każ ta’ serq irrapportat f’Hal-Luqa mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każijiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet tmienja u erbgħin (48) każ ġew solvuti filwaqt li l-oħrajn għadhom qed jiġu investigati.

Siġġiewi – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati fis-Siġġiewi xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm mitejn u wieħed u sittin (261) każ ta’ serq irrapportat fis-Siġġiewi mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Lista ta’ dawn il-każjiet xahar b’xahar li tinkludi wkoll it-tip ta’ serq irrapportat, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-każijiet sebgħa u għoxrin (27) każ ġew solvuti, filwaqt li l-oħrajn qed jiġu nvestigati.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' każijiet ta’ serq irrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mis-sena 2013 sakemm inġabret din l-informazzjoni fit-13 ta' Lulju, 2017, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella tinkludi wkoll it-tip ta’ serq li ġie rrapportat. Madankollu, peress li ma tinżammx sistema elettronika biex jiġi indikat kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti, id-dettalji ma jistghux jingħataw.

Malta u Għawdex – każijiet ta’ serq b’armi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq b’armi li kienu rrapportati madwar Malta u Għawdex xahar b’xahar mill-2013 sal-lum? X’tip ta’ serq ġie rrapportat? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni meħtieġa għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MCCAA – ingaġġ ta’ impjegati ġodda permezz ta’ sejħa interna

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30917 li kienet titlob lill-Ministru tgħid kemm huma, liema huma u xi gradi huma l-pożizzjonijiet fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li ġew mimlija permezz ta’ sejħa interna minn Jannar 2013 sal-lum, u biex f’kull każ, telenka l-kwalifiki ta’ kull persuna li qed tokkupa dawn il-karigi, tgħid mil-liema lokalità ġejjin l-individwi li mlew dawn il-karigi, u tgħid x’inhu l-pakkett tas-salarju u perkaċċi marbut ma’ kull pożizzjoni, tista’ l-Ministru tagħti din l-informazzjoni kollha mitluba inkluż il-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-individwi li mlew il-karigi? Tista’ tgħid jekk hemmx xi diffikultà biex tagħti din l-informazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn izjed xi nzid mal-mistoqsija parlamentari 30917.

MCCAA — inspectors

Question

B' referenza għall-aħħar żewġ sejħiet li ħarġu biex daħlu l-aħħar żewġ gruppi ta' inspectors fl- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti wara kull sejħa u kemm għaddew f'kull call rispettivament? Kemm daħlu inspectors? Minn liema lokalitajiet ġejjin dawn l-inspectors u tista’ tgħid ukoll x’pakkett finanzjarju inkluż perkaċċi għandhom?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MCCAA — individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kap tas-Segretarjat tagħha li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux ukoll rwol uffiċjali fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid jekk ir-rwol ta’ dan l-individwu f din l-Awtorità hux b xi mod relatat mar-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema ġodda mal-Awtorità? Jekk l-individwu m’għandu l-ebda rwol uffiċjali, tista’ tispjega l-iskop tal-preżenza spissa tiegħu fil-bini ta’ din l-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-persuna msemmija huwa l-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru. Ir-riżorsi umani u l-ingaġġ ta’ ħaddiema mal-Awtorità huma f’idejn ic-chairperson tal-Awtorità u l-istaff tagħha.