Jista’ il-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi ftehim biex Kunsilli Lokali jagħmlu xogħol ta’ tarmac li huma responsabbilta’ tal-Gvern Ċentrali, fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom, bil-ftehim li dawn jitħallsu lura tax-xoghol imwettaq minn naħa tal-Gvern Ċentrali? Jista’ il-Ministru jispjega kif jaħdem dan il-Proċess? Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli li daħlu għal dan il-ftehim u meta daħlu għal dan il-ftehim?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport nediet sistema fejn hi tidħol fi ftehim ma' Kunsill Lokali sabiex dan jagħmel xogħol li normalment huwa responsabilta ta' l-Awtorita minn fondi tiegħu bil-patt li dawn l-ispejjez jitħallsu lura mill-Awtorita f'perjodu ta' tliet snin. Xogħolijiet li jsiru b'dan il-mod ma jistawx ikunu ta' valur iktar minn LM75,000.
Il-Kunsilli li għamlu dan it-tip ta' ftehim huma Għargħur, Gudja, Iklin, Imġarr, Isla, Kirkop, Marsaxlokk, Mosta, Rabat, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Swieqi u Żejtun. Hemm 14 il-Kunsill ieħor li qegħdin jaraw jekk jistghux jagħmlu xi proġett taħt dan it-tip ta' ftehim. Madankollu, s'issa, in-numru ta' kunsilli li jistgħu jibbenifikaw minn dawn l-iskemi, f'xi żmien partikolari kien limitat għal 20.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lil Korporazzjoni Enemalta milli tixgħel żewg lampi fi Triq Anici Hal-Qormi li ilhom mwaħħlin fit-triq għal aktar minn ħames xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Kien hemm oġġezzjoni għal dawn iż-żewġ lampi u għalhekk ix-xogħol waqaf. Issa li ġew aċċettati fil-post fejn weħlu, ix-xogħol fuqhom ser ikompli u mistenni jitlesta sa nofs Ottubru.
Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali — Finanzjament tal-Kunsilli
Question
Wara li fl-aħħar laqgħa għas-Sindki, saret kritika għall-fatt illi d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali informa lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali illi 10% ta' l-allokazzjoni tagħha qed tigi miżmuma, jistax il-Ministru jikkonferma illi fil-fatt l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali u ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eżentati mill-proċeduri addottati mill-Ministeru fir-rigward tan-nefqiet minn Dipartimenti tal-Gvern u għalhekk il-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għandhom jiddisponu mill-ammont kollu allokat lilhom fl-aħħar budget skond id-disposizzjonijiet ta' l-Att dwar il-Kunsilli Lokali u l-Avviż Legali li jirregola l-Assoċjazzjoni ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ħadd ma hu eżentat minn miżuri li jkunu meħtieġa fuq bażi nazzjonali biex nilqgħu għal ċirkustanzi li jistgħu jinqalgħu. Bhal kull entita oħra li tieħu riżorsi mill-Gvern (jiġifieri mit-taxxi tal-poplu), il-kunsilli lokali ukoll iridu jaraw li għal din is-sena, għalissa ma jikkommettux aktar minn 90% tal-ammont provdut lilhom sakemm naraw kif se jirriżulta d-dħul tal-Gvern.
Wara li fl-aħħar laqgħa għas-Sindki saret rakkomandazzjoni sabiex il-President ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jibda jirċievi onorarja ekwivalenti għal dik ta' Sindku, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb, u f'każ li hemm tali ħsieb, meta huwa maħsub li jsir tibdil fl-Avviż Legali li jirregola l-Assoċjazzjoni sabiex il-President ta' l-Assoċjazzjoni jkun jista' jirċievi din l-onorarja ?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar l-onorarja tal-President ta` l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għadhom għaddejjin u fil-preżent il-proposti kollha qed jiġu evalwati.
Peress li fil-laqgħat kollha msejjħa għas-Sindki sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali kien hemm kritika għall-fatt illi għandu jkun hemm rispett u rikonnoximent akbar lejn is-Sindki billi jigu inkluzi ukoll fil-lista tal-protokol, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex qiegħed jikkonsidra li jagħmel proposti konkreti biex din il-materja tigi indirizzata ?
Response (BORG, TONIO)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-lista ta` Preċedenza maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F`dak il-każ ninforma lill-Onor. Membru li kemm is-Sindki kif ukoll il-membri tal-Kunsilli Lokali huma diġa` inklużi f`din il-lista. Qiegħda tiġi kunsidrata il-pożizzjoni tas-Sindki f`dil-lista.
Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — Kodiċi ta' Etika
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li l-Kodiċi ta' Etika li kien pubblikat mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ftit wara t-twaqqif tal-Kunsilli Lokali jiġi emendat biex jaġġorna ruħu ma' l-evoluzzjoni li seħħet fil- Kunsilli Lokali ? Jista' l-Ministru igħid jekk hemmx diskussjonijiet għaddejjin fuq dan l-istess suġġett ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm ma kienx hemm uffiċjalment dan il-ħsieb pero` s-suġġeriment tal-Onor. Membru ser jiġi kkunsidrat u dan għax huwa eżerċizzju tajjeb li wara għaxar snin ta` Kunsilli Lokali jsir eżami sabiex wieħed jara kif jista` jtejjeb dan. Il-punt in kwistjoni issemma mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Sindki — Traġitt bejn Malta u Għawdex - Gozo Channel
Question
Billi s-Sindki Għawdxin u l-Membri ta' l-Eżekuttiv ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali kienu jgawdu minn pass sabiex jaqsmu bejn Malta u Ghawdex fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mingħajr ħlas, liema konċessjoni kienet ġiet irtirata fil-31 ta' Dicembru 2002, jista' l-Ministru igħid jekk din il-materja, wara rappreżentazzjonijiet li saru mal-Kumpanija Gozo Channel mill-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hijiex qed tiġi rikkonsidrata, sabiex il-Kumpanija tkun qed tgħinhom jaqdu aħjar il-funzjonijiet politiċi tagħhom ?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kumpannija ddeċidiet li d-deċisjoni li kienet ttieħdet f'għeluq is-sena 2002 tibqa fis-seħħ.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jkompli ix-xogħol li nbeda ftit tal-ġimgħat ilu fi Triq il-Furnar Ħal-Qormi. Jista’ il-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol f'din it-triq kien wieqaf għal-diversi gimgħat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-ewwel fażi tax-xogħol fi Triq il-Furnar, li kien jikkonsisti fil-livellar, formazzjoni tat-triq, bini tal-bankini u x-xogħol fuq is-servizzi mistenni jitlesta sa l-aħħar ta' Lulju u wara mistennija toħroġ sejħa għall-offerti għat-tqegħid tat-tapit ta' l-asfalt fit-triq.