Air Malta — Benefiċċji mogħtija liċ-chairman u d-diretturi
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi eżattament ittieħdu mill-ministeru tiegħu fir-rigward ta' l-onorarja u benefiċċji oħra li kienu jieħdu ċ-Chairman u d-Diretturi ta' l-Air Malta u kemm kienu ffrankati flus lill-kumpannija nazzjonali ta' l-ajru?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li wara li ġew irreveduti l-onorarja mħallsa liċ-Chairman u d-Diretturi tal-Air Malta huwa stmat li qed tiġi ffrankata s-somma ta' Lm 132,188 fis-sena.
Jista' il-Ministru jgħid, in vista tar-rapporti ppubblikati u mxandra dan l-aħħar, x'inhi l-pożizzjoni amministrattiva u finanzjarja tat-tarznari ta' Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4962 nireferi lil Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4934.
Kunsilli lokali — Użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel ta' l-istat
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel ta' l-istat li jippermettu lill-kunsilli lokali tal-lokalità tagħhom jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' l-istess skejjel wara l-ħinijiet ta' l-iskola u jekk dan isirx taħt xi forma ta' ftehim, eċċ? Jekk fl-affermattiv, jista' jqiegħed kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li m'hemmx regola jew prattika ġenerali li tapplika l-istess f'kull lokalita' ta' Malta u Għawdex. L-użu ta' l-iskejjel tal-gvern minn Kunsilli Lokali ivarja minn skola għal oħra kif ivarjaw ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom jintużaw l-iskejjel. Hemm każijiet fejn isir ħlas kontanti skond l-attivita' jew inkella ikun kumpens b'mod ieħor (eż. kiri ta' kotba, xi xogħol fl-iskola ). M'hemm l-ebda dokument patikolari li jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsilli lokali — Użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel tal-lokalità tagħhom wara l-ħinijiet ta' l-iskola u jekk dan isirx taħt xi forma ta' ftehim, eċċ.? Jekk fl-affermattiv, jista' iqiegħed kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara riċerka li għamel id-Dipartiment tal-Gvern Lokali fuq kemm huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel tal-lokalitajiet tagħhom, ninsab infurmat illi t-tagħrif hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sta. Venera — Triq Antonio Miruzzi - sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' il-Ministru jara li d-djar tar-residenti ta' Triq Antonio Miruzzi, Santa Venera jitqabbdu mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa ħarġet sejħa ghall-offerti għax-xoghol li hemm bżonn isir (Tender T22/2004 li għalqet fit-2 ta' April).
Ix-xogħol jinbeda wara li jingħażel il-kuntrattur.
Jista il-Ministru jara li d-djar tar-residenti fi Triq il-Brunżar, Santa Venera ma jibqgħux ibatu minn overflow ta' drenaġġ fi djarhom ma' kull ħalba xita li tagħmel?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ħsara li kien hemm fi Triq il-Brunżar ġiet irranġata u l-main issa huwa f'kundizzjoni tajba. Ir-raguni ta' l-overflow waqt ix-xita hija problema f'ħafna postijiet madwar Malta u minħabba l-fatt illi ħafna residenti jqabbdu l-ilma tax-xita mas-sistema tad-drenaġġ b'mod illegali.
Qed tiġi mistħarġa l-possibilta' li jitkabbar parti mill-main tad-drenaġġ biex tittaffa l-problema meta tagħmel ix-xita.
Jista' il-Ministru jgħid kienx hemm xi żvilupp għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2369 u cioe' minħabba l-istat li tinsab fih u l-inkonvenjenza li qed toħloq lir-residenti, meta hemm il-ħsieb li Triq Dun Frans Camilleri (n/s in Carini Str), St. Venera tingħata t-tarmac?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżid ma' r-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2369.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2859 u cioe' jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Santa Venera mill-1994 'il hawn u kemm swiet kull biċċa xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sta. Venera — Skola San Franġisk t'Assisi - canteen
Question
Jista' il-Ministru jara li fl-iskola sekondarja San Franġisk t'Assisi, f'Santa Venera ikun hemm canteen adegwat għall-istudenti u li dan jitmexxa minn kuntrattur privat, u mhux minn membru ta' l-istaff, kif normalment isir fi skejjel oħra ta' l-Istat?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Mina bejn Ħal Qormi u Sta. Venera — Tindif/manutenzjoni
Question
Jista' il-Ministru jassigura li jsir it-tindif u manutenzjoni regolari fil-mina li hemm bejn Ħal Qormi u Santa Venera billi din hi wżata ħafna, minħabba l-perikli li hemm fil-bypass?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport tisspezjona din is-subway regolarment u meta jkun hemm bżonn tindif tinforma d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet biex isir it-tindif meħtieġ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-abbozz ta' regoli li saru mill-awtorità ta' Malta dwar it-trasport dwar traffic management, liema abbozz kien ippreżentat lill-kunsilli lokali f'Lulju li għadda, kienx finalizzat u jekk fl-affermattiv, meta se jkun ippubblikat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-abbozz ta' regoli qed jiġu mplimentati għall-fini ta' Traffic Management iżda hemm xi sezzjonijiet oħra li fihom qed isirilhom xi tibdil b'konsultazzjoni ma' l-Kunsill Lokali, l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b'Diżabilita' u l-Malta Environment and Planning Authority.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fl-iskejjel primarji ta' Ħal Qormi, Ħal Luqa, Ħal Kirkop u Santa Venera hemmx kunsilli skolastiċi? Jekk fl-affermattiv, meta beda jiffunzjona kull kunsill? Saret elezzjoni għall-membri? Il-President/a kien nominat lill-ministru mill-kunsill lokali tal-lokalità? Kemm-il darba ltaqa' kull kunsill minn dak iż-żmien 'il hawn? Jista’ jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-minuti ta' dawn il-laqgħat bl-iskop li wieħed ikollu idea ta' l-attivitajiet u s-suġġetti trattati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx inġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li van Subaru aħmar abbandunat fi Triq in-Nassab Ħal Qormi jitneħħa mill-pulizija peress li qed joħloq inkonvenjent u periklu għar-residenti ta' l-akwati?
Jista' il-Ministru jikkonferma l-eżistenza jew mod ieħor ta' water culvert li jgħaddi minn fost l-oħrajn toroq l-20 ta' Jannar, Ġorg Borg u Mifsud-Ellul, kollha f'Ħal Qormi? Jekk dan il-culvert jeżisti, jista' jikkonferma jekk jgħaddix minn taħt bini eżistenti u jekk iva, minn taħt liema? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-culvert? Meta tnaddaf l-aħħar dan il-culvert? Jippreżenta xi periklu għar-residenti dan il-culvert? Meta jidher li ilma minn dan il-culvert sbokka f'xi residenzi, x'assigurazzjonijiet jista' jagħti l-Ministru sabiex iserraħ ras l-istess residenti li ilmentaw mad-dipartiment sa minn Settembru li għadda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport waslitilha nformazzjoni li hemm culvert għaddej minn taħt il-bini fit-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant u qiegħda tivverifika x'wassal għal din is-sitwazzjoni, u fiċ-ċirkostanzi x'jista jsir biex din tkun tista' tiġi rrimedjata.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'għaxar snin ta kunsilli lokali, jiġifieri mill-1993 sal-lum, kemm-il persuna (u mhux kemm-il nominazzjoni intefgħet) ikkontestat l-elezzjonijiet lokali? Jista' ukoll jingħata rendikont ta kemm minn dawn kienu nisa u irġiel u kemm kien hemm żgħażagħ u anzjani? Kemm-il persuna ikkontestat aktar minn darba? Jista' jagħti r-rendikont lokal b'lokal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kien hemm 1,870 persuna li kkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mill-1993 sal-2003. 1,497 kienu rġiel u 373 nisa. L-etajiet tagħhom kienu hekk:
Eta`
Rġiel
Nisa
minn 18-il sena sa 25 sena
144
50
minn 26 sena sa 45 sena
640
152
minn 46 sena sa 60 sena
513
135
minn 61-il sena ’l fuq
200
36
Kien hemm 667 persuna li kkontestat l-elezzjoni aktar minn darba u dawn kienu 554 irġiel u 113 nisa.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella ‘A’ li turi kif l-1,870 persuna kkontestaw l-elezzjonijiet lokalita` b’ lokalita` u maqsuma bis-sess u bl-eta` u tabella ‘B’ li turi t-totali ta’ rġiel u nisa li kkontestaw aktar minn darba, maqsuma lokalita` b’lokalita`.
Jista' il-Prim Ministru jgħid, f'għaxar snin ta kunsilli lokali, jiġifieri mill-1993 sal-lum, kemm-il persuna ikkontestat iktar minn lokalita' waħda, anke jekk fi snin differenti? Jista' iżid ukoll kemm-il persuna irnexxielha tiġi eletta f'aktar minn kunsill wieħed? Jista' jgħid min kienu dawn il-persuni u minn liema lokalitajiet kienu ġejjin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta’ persuni li kkontestaw aktar minn lokalita` waħda fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mill-1993 sal-2003 huwa ta’ 15. Kien hemm 3 persuni li ġew eletti f’aktar minn lokalita` waħda. Dawn kienu Spiru Formosa li tela’ fuq ir-Rabat Għawdex u fuq il-Fontana, Herman Schiavone fuq Birżebbuġa u fuq Marsaxlokk u Keith Patrick Grech fuq San Pawl il-Baħar u fuq Ta’ Xbiex.
Santa Venera — Triq il-Kbira San Ġużepp - proġett mill-WSC
Question
Jista' il-Ministru jispjega l-proġett li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma se tagħmel fi Triq il-Kbira San Ġużepp f'Santa Venera u l-Ħamrun? Kemm se jiswa dan il-proġett? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol? Jikkonsidra l-Ministru li dan ix-xogħol jibda minn naħa ta' Santa Venera billi hu magħruf li l-kunsill lokali ta' din il-lokalita' ma jdumx ma jibda xogħol ta' riabilitazzjoni u tisbiħ fl-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħalissa il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandiex pjanijiet dwar Triq il-Kbira San Ġużepp f'Santa Venera u l-Ħamrun. Jista' jkun li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal proġett li l-gvern ċentrali għandu biex jingħata wiċċ ġdid lil din it-triq. Kif dejjem jiġri meta jsiru proġetti bħal dawn, il-gvern ċentrali talab lill-Korporazzjoni jekk hemmx xi mains u house connections ta' l-ilma biex jinbidlu qabel ma jsir il-wiċċ il-ġdid tat-triq.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma min-naħa tagħha studjat x'infrastruttura għandha fit-triq u se tipproponi biex jinbidlu xi mains u house connections qodma. Din l-informazzjoni se tingħadda lill-gvern ċentrali fi żmien qasir. Peress li dan il-proġett huwa tal-gvern ċentrali, il-Korporazzjoni ma tidħolx f'meta u minn fejn se jinbeda l-proġett.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-allokazzjoni li kull kunsill lokali se jingħata għas-sena finanzjarja li ġejja u kif din hi mqassma?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2004-2005 għadha qed tinħadem. L-allokazzjoni ssir abbażi tal-formola li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att dwar Kunsilli Lokali. Din il-formola tinkludi diversi fatturi li jikkalkulaw kemm tiswa lil kull Kunsill sabiex dan jaqdi l-funzjonijiet statutorji tiegħu, kif ukoll għar-rigward taż-żamma u l-manutenzjoni ta` l-assi.
Hu mistenni li sa l-aħħar ta` Jannar 2004, din l-informazzjoni tkun ikkomunikata lill-Kunsilli Lokali kollha u l-informazzjoni mitluba tkun tista` titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.