Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2865 li kienet imressqa fis-17 ta' Novembru 2003, li kienet titlob informazzjoni dwar kemm sar tarmac f'Ħal Kirkop mill-1994 sal-lum minn xi awtorita' jew dipartiment tal-gvern ċentrali; kemm swew flus u jekk ir-rendikont jistax jingħata sena b'sena u triq bi triq?
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4060 u 5259, jista' il-Ministru jgħid jekk wara li saru l-ispezzjonijiet mid-dipartiment tat-toroq, fil-fatt sarux l-evalwazzjonijiet tad-diversi proposti dwar culvert li għaddej minn taħt il-bini tat-toroq: 20 ta' Jannar, Ġorġ Borg u Mifsud Ellul f'Ħal Qormi? X'ġie konkluż?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
B’referenza għall-mistoqsija li għamel l-Onorevoli Interpellant, id-Direttorat għamel l-istimi tax-xogħol meħtieġ sabiex il-culvert jiġi id-devjat. Din tammonta għal somma sostanzjali.
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni li il-culvert eżistenti kien jeżisti ħafna żmien qabel ma nbnew id-djar fi Triq l-20 ta’ Jannar u rapport fuq problemi ta’għargħar daħal darba meta kienet saret il-maltempata tal-15 ta’ Settembru 2003.
Jista' il-Ministru jikkonferma li karozza tal-linja rotta 91 qiegħda topera b'mod ċirkolari mill-10.00 a.m. 'il quddiem u mhux mit-8.00 a.m.?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi sa l-10.00am l-iskedi ta’ vjaġġi huma operati mill-venda u kif diġa msemmi fil-mistoqsija parlamentari numru 8525, l-ħinijiet tat-tluq huma regolati mill-inspectors ta’ l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbbliku.
Wara l-10.00am ir-rotta topera fuq bażi ċirkulari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qed issir sorveljanza biex fuq Rotta 91 il-ħinijiet skedati jinżammu bir-rigorożita' kollha meħtieġa biex il-klijent jinqeda aħjar u allura biex ninkoraġġixxu aktar klijenti potenzjali jużaw it-trasport tas-servizz pubbliku? Ġie reġistrat xi abbuż?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi l-Enforcement Officers ta’ l-Awtorita qed jagħmlu spot checks fuq ir-Rotta 91 u li sal-lum, ma sabu l-ebda abbuż waqt dawn l-ispot checks.
Fl-aħħar 4 ġimgħat, l-Awtorita' daħlulha 2 rapporti t’ abbużi relatati maż-żamma tal-ħin, liema rapporti ġew investigati iżda ma tkomplewx jiġu ipproċessati aktar minħabba in-nuqqas ta’ xhieda.
Peress li l-iskop li għalih jitwaħħal l-arloġġ fuq il-venda huwa biex jgħin ħalli l-karozzi tal-linja jitilqu eżatt fil-ħin u mhux ftit wara jew qabel għad-detriment tar-residenti, jista' il-Ministru jitlob lill-awtorita' dwar it-trasport tagħmel applikazzjoni ġdida mal-MEPA biex jitwaħħal arloġġ fil-venda ta' Rotta 91, Ħal Qormi u jekk ikun hemm bżonn l-arloġġ ikun ta' għamla li jmur aktar ma' l-ambjent tal-post fejn irid jitwaħħal?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi preżentament, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta m’għandiex il-ħsieb li żżid aktar arloġġi fil-vened.
Wieħed irid jinnota illi meta twaħħlu l-arloġġi fil-vened ma kienx għad hemm Kunsilli Lokali li setgħu jixtru u jwaħħlu street furniture. Minħabba li illum hemm il-Kunsilli Lokali, l-Awtorita' ma ssib l-ebda oġġezzjoni illi dawn iwaħħlu arloġġi illi jmorru mal-ambjent li fih ser jitwaħħlu
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim mal-Malta transport authority biex sewwieqa li jsuqu vetturi fil-freeport ma jkollhomx għalfejn ikunu sewwieqa liċenzjati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita dwar it-trasport ta' Malta m’għandha l-ebda ftehim rigward sewqan ta' vetturi ġewwa il-freeport.
L-Awtorita tinforma illi il ġurisdizzjoni tagħha tapplika għal sewqan fuq it-toroq u mhux f’propjeta privata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8195, jista' il-Ministru jgħid liema kienet l-awtorita' li ma tatx permess li jitwaħħal arloġġ fil-venda ta' Ħal Qormi? Meta saret it-talba? Minn min saret? Għaliex ġiet rifjutata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi mill-1993, l-Awtorita' li qabel kienet imsejħa l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku kienet iddeċidiet li tinstalla arloġġi fil-vened kollha ta’ Malta sabiex tgħin tirregolarizza it-tluq ta’ l-iskedi ta’ tal-linja.
Rigward dan, l-Awtorita' kienet għamlet diskussjonijiet u laqgħat fuq il-post ma’ uffiċjali tal-MEPA, li dak iż-żmien kienet imsejħa l-Awtorita' ta’ l-Ippjanar. Dawn il-laqgħat saru bejn Marzu u April ta' l-1993.
Wara dawn il-laqgħat ġie stabbilit illi f’ċertu vened ma setawx jiġu mwaħħla arloġġi. Dan minħabba li l-arloġġi ma kinux kompatibbli mal-policies relatati mal-konservazzjoni ta’ postijiet urbani u ċentri ta’ l-irħula, liema policies kienu jitħaddnu dak iż-żmien mill-Awtorita' ta’ l-Ippjanar.
Minħabba f’hekk, ċertu vened li huma lokati f’dawn it-tip ta’ lokalitajiet f’Malta, bħalma hi l-venda ta’ Ħal Qormi, ma ġiex installat arloġġ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8195, jista' il-Ministru jgħid fin-nuqqas ta' arloġġ fil-venda ta' Ħal Qormi, x'qiegħed isir biex ikun assigurat li karozza tal-linja titlaq fil-ħin stipulat u mhux ftit qabel jew ftit wara minn fuq il-venda, anke meta r-rotta tkun qed topera bħala waħda ċirkolari minflok venda? Saru spezzjonijiet? Ġie żvelat xi abbuż?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi sa’ l-10.00 ta’ filgħodu, l-ħin tat-tluq qed isir skond l-iskedi u dan qed jiġi ikkontrollat mill-Ispetturi li għandha impjegati magħha l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u dan peress li t-Transport Assistants ta’ l-Awtorita' mhux qed jiġu dettaljati hemmhekk.
Mill-ispot checks li qed isiru mill-Awtorita' ma jidhirx li hemm xi abbuż u dan specjalment minħabba l-fatt li meta rotta tkun ċirkulari, il-vjaġġ bilfors jitwettaq għax il-vettura jkolla in-nies mgħobbija.kemm għall-Belt u kemm għal l-area ta’ Triq Aniċi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim mal-Malta transport authority biex sewwieqa li jsuqu vetturi fil-freeport ma jkollhomx għalfejn ikunu sewwieqa liċenzjati?
B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 8041, jista' il-Ministru jara li jeħel notice board b'itinerarju u arloġġ, b'mod partikolari ħdejn il-venda ta' Ħal Qormi San Ġorġ biex ikun assigurat li r-residenti jkunu nformati fi x'ħin suppost karozza tal-linja tgħaddi jew titlaq mill-venda u biex ikun assigurat li xufier jitlaq fil-ħin anke meta r-rotta tkun qed topera bħala ċirkolari minflok bħala venda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi t-tqegħid ta' skedi fil-venda u mal-Bus Stops hija responsabbilta ta' l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.
L-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta ser tinforma lil Assoċċjazzjoni tat-Trasport bit-talba ta' l-Onorevoli Interpellant.
Rigward it-twaħħil ta' l-arloġġ fil-venda ta' Ħal Qormi, jien nfurmat illi fil-passat l-Awtorita ma kinitx mogħtija l-permess li twaħħal arloġġ fil-venda ta' Ħal Qormi bħal ma twaħħlu f'vened oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk immigranti klandestini humiex jintbagħtu għal kura jew testijiet fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid x'miżuri ta' prekawzjoni qegħdin jittieħdu favur is-saħħa ta' dawk li normalment jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Meta jaslu immigranti klandestini f'Malta dawn jiġu screened immedjatament mit-tobba ta' l-Emerġenza (E&A) għal kull mard li jista' jkollhom u jingħataw t-trattament kollu li jistgħu jkollhom bżonn. Dawn wara jiġu screened aktar fil-fond mit-tobba tal-Port Health għal mard li jittieħed u jerġgħu jingħatu t-trattament fejn hemm bżonn.
Huwa biss wara dan kollu li jintbgħtu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi (fiċ-Chest Unit) biex isirulhom ċertu testijiet oħra. Sa issa ma kellna ebda indikazzjoni li kien hemm bżonn li jittieħdu xi prekawzjoni speċjali minħabba l-attendenza ta' dawn l-immigranti klandestini għand it-tobba ġewwa iċ-Ċentri tas-Saħħa.
Jista' il-Ministru jispjega r-riforma li seħħet fir-rotta tal-karozzi tal-linja 91? X'kien ir-raġunar wara dan it-tibdil? L-interess tar-residenti ta' Ħal Qormi ingħata piż f'din ir-riforma? Kif se jiġi assigurat li r-residenti Qriema jibqgħu jingħataw servizz xieraq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat illi l-iskeda tal-karozzi li topera fuq l-inħawi ta’ Ħal Qormi baqgħet l-istess sa l-10.00 ta’ filgħodu.
Wara l-10.00 ta’ filgħodu, ir-Rotta 91 titlaq mill-Belt Valletta kull siegħa, tibda mill-10.00 ta’ filgħodu sa 10.00 ta’ filgħaxija u tagħmel ir-rotta kif ġej:-
Valletta - Qormi, St. Edwards Str, Polyclinic, Ta’ Farsina, Triq Fredrick Mampel, Knisja ta’ San Ġorġ u tkompli bir-rotta normali lejn il-Belt Valletta.
Ir-Rotta 87 tibda mill-10.30 ta’ filgħodu sa 9.30 ta’ filgħaxija, kull siegħa mill-Belt Valletta u tgħaddi kif ġej:-
Valletta – Qormi (San Bastjan), Triq San Bartolomew, Triq Fredrick Mampel, Triq Aniċi, St. George’s school, Farsina, Mdina Road, tkompli lejn Ħaż-Żebbuġ, lura lejn Farsina, Knisja ta’ Ħal Qormi, Triq Aniċi, Vittoria u lura bir-rotta normali lejn il-Belt.
Il-bidla prinċipali li saret hija li ir-Rotta 91 tkun qed taħdem fuq bażi ċirkulari u
għaldaqstant, il-venda ta’ Ħal Qormi ma tkunx qed tintuża wara l-10.00 ta’ filgħodu. Il-passiġġier li jkun irid jirkeb jew jitla' mill-Venda ta’ Ħal Qormi irid jew jirkeb il-karozza minn ħdejn l-iskola, jew inkella jirkeb il-karozza aktar tard mil-venda meta din tkun fi triqtha lura lejn Farsina.
Bil-bdil li sar, il-Qriema ingħataw iċ-ċans li jilħqu Ħaż-Żebbuġ anki miċ-Ċentru ta’ Ħal Qormi.
L-Awtorita qegħda issegwi is-servizz sabiex jekk ikun hemm bżonn isir it-tibdil meħtieġ.
Jista' il-Ministru jispjega x'miżuri ta' prevenzjoni qegħdin jittieħdu mill-iskejjel u mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni kontra l-abbuż tad-drogi minn studenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe Schools Programme li huwa unit fi ħdan it-Taqsima ta' Student Services fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jorganizza seminars għall-istudenti u lezzjonijiet fil-klassi, speċjalment ma' studenti tal-forms 3-4-5. Parti mill-programm ta' prevenzjoni jinkludi staff developmental programmes, in-service training lill-għalliema biex jkunu mgħarfa bil-proċedura miktuba fil-policy nazzjonali ; Tackling Substance Abuse - Procedure for Schools.
Parti mill-kurrikulu ta' l-iskejjel jinkludi suġġetti bħal PSD, Home Economics, Reliġjon u Studji Soċjali li fis-sillabi tagħhom jkopru dan is-suġġett. Parti essenzjali huwa l-involviment tal-ġenituri fil-proċess edukattiv u formattiv taż-żgħażagħ. Dan jinkludi laqgħat għall-ġenituri, drammi u fora li fihom jiġu diskussi temi relatati mas-suġġett tad-droga.
Fl-aħħarnett dan kollu huwa megħjun mill-kooperazzjoni sħiħa bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Aġenzija governattiva Sedqa li jipprovdu programmi speċifiċi fl-iskejjel dwar l-abbuż tad-drogi. Fil-fatt id-diviżjoni għandha għalliema li huma sekondati ma l-istess aġenzija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sprall li jgħaddi minn taħt il-bankina ta'quddiem residenza 37, Triq Santa Katerina Qormi huwiex jitnaddaf b'mod regolari peress li r-residenti qed jilmentaw li qed ikun maħmuġ spiss, b'mod partikolari meta tagħmel ix-xita fejn qed jidher li qed jinstad u jħalli rwejjaħ insapportabbli? Jista' il-Ministru jgħid min bena dan l-isprall u għal-liema skop inbena? Għal fejn twassal il-bokka ta' dan l-isprall? It-tindif u l-manutenzjoni ta' dan l-isprall taħt ir-responsabbilita' ta' min taqa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li uffiċjali ta' l-awtorita' dwar it-trasport għamlu spezzjoni quddiem ir-residenza msemmija. Irriżulta li dan l-isprall iservi biex jinġabar l-ilma tax-xita għall-bir fl-istess residenza.
Peress illi l-issues imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Health Inspector tal-lokal, l-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1814 mibgħuta bil-miktub fl-1 ta' Ottubru, 2003 u cioe' kemm sar tarmac f' Ħal-Qormi minn Mejju 1994 sal-lum, minn xi awtorita’ jew dipartiment tal-Gvern Ċentrali? Jista’ ir-rendikont jinqasam sena b'sena u triq bi triq minbarra il-kilometraġġ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tat-toroq li ġew asfaltati f'Ħal Qormi fi żmienijiet imsemmija.
Barra minn hekk, bħalissa għaddej xogħol fi Triq Mario Pace u Triq Pawlu Farrugia filwaqt illi ħarġu sejħiet għall-asfaltar ta' toroq: l-Industrija, in-Nassab u Montebello.
Għaddejjin ukoll diskussjonijiet biex isiru toroq Santa Katerina, il-Kaċċatur, Sqaq Zenqa, Bertu Hyzler, ir-Ragħaj u Armal mill-kunsill lokali taħt l-iskema li biha l-awtorita' dwar it-trasport tirrifondi l-ispejjeż lill-kunsill lokali fi żmien tlett snin.
Din il-lista ma tinkludix toroq li saru mill-kunsill lokali f'dan il-perjodu.
Ħal Qormi — Skola ta' San Ġorġ - cameras tas-sigurta'
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1925, jista' il-Ministru jikkonfermali li cameras tas-sigurta' twaħħlu ma' l-iskola ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi sabiex jipprovdu aktar sigurta' fil-viċinanzi ta' l-iskola, jiġifieri fi Pjazza Federik Maempel?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 2860 u cioe' jista' jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Ħal Qormi mill-1994 'il hawn? Kemm swiet kull biċċa xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4060, jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar culvert li għaddej minn taħt il-bini ta' toroq l-20 ta' Jannar, Ġorġ Borg u Mifsud Ellul, f'Ħal Qormi? Hemm xi rimedji proposti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi d-dipartiment tat-toroq għamel l-ispezzjonijiet meħtieġa u hemm diversi proposti li qed jiġu evalwati.
Jista' il-Ministru jgħid minn meta l-Air Malta bdiet topera titjiriet chartered għal Lourdes u lura, kemm-il flight kienet organizzata sena b’sena sal-lum u x'kien in-numru ta' passiġġieri li garret ukoll sena b’sena sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Air Malta hija kumpanija kummerċjali li qed taffaċja kompetizzjoni kbira minn linji oħra tal-ajru ma nħossx li jkun prudenti li nippublika l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru peress illi din tkun tista tintuza kemm minn linji tal-ajru oħra kif ukoll agenti li jaħdmu ma' linji oħra u mhux mal-Air Malta.