B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11159, jista' il-Ministru jgħid meta l-ADT se toħroġ il-permessi relatati mal-problema ta' vultaġġ baxx f'Ta' l-Għolja, Triq Ġdida, fi Triq it-Tank, Siġġiewi?
Siġġiewi — Ta' l-Għolja - vultaġġ baxx ta' l-elettriku
Question
Jista' il-Ministru jindaga għaliex ir-residenti ta' Ta' l-Għolja, Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi qiegħed ikollhom vultaġġ ta' l-elettriku tant baxx li lanqas jistgħu jixgħelu l-appliances kollha flimkien? Jista' jgħid kif u meta se tiġi riżolta din il-problema?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-problema ta' vultaġġ baxx hija kkawżata minħabba distanza twila mis-substation. Biex tittaffa din il-problema ġie propost feeder ġdid fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx li x-xogħol fuqu għandu jinbeda kif jinħareġ il-permess mill-ADT. Hemm ukoll ppjanata substation ġdida li l-proċess fuqha huwa diġa mibdi.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tal-kumitat konsultattiv għall-Bioetika? Meta twaqqaf? Taħt liema liġi twaqqaf?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kumitat konsultattiv tal-Bioetika ġie mwaqqaf fl-1993 u ħa post l-Kumitat Konsultattiv dwar l-Etika fis-Saħħa li kien stabbilit fl-1989. Dan il-Kumitat għandu l-iskop li jikkunsidra l-aspetti etiċi u l-implikazzjonijiet tal-materji kollha relatati mal-prattika tal-professjonijiet tas-saħħa kif ukoll l-aspetti etiċi u l-implikazzjonijiet ta' proċeduri bio-teknoloġiċi li jistgħu jiġu applikati lill-ħajja umana fil-fażijiet kollha tagħha.
Il-Kumitat mhux wieħed statutorju u għalhekk ma ġie mwaqqaf taħt l-ebda liġi.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel liċenzjati għat-tagħlim ta' l-Ingliż lil barranin? Min joħroġ dawn il-liċenzji? Liema huma dawk l-iskejjel li għandhom Director of Studies kwalifikat? Liema huma dawn id-diretturi? Fejn m'hemmx tali diretturi, min qed jimla' dan il-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-iskejjel li huma liċenzjati għat-tagħlim ta' l-Ingliż lill-barranin. Il-Bord ta' Sorveljanza tat-Tagħlim tal-Lingwa Ingliża bħala Lingwa Barranija ħareġ il-liċenzji lil 45 skola li jissemmew hemmhekk. Mill-istess lista jirriżulta liema skejjel għandhom Director of Studies kwalifikati, u min huma. Fejn ma hemmx tali direttur, uħud minn dawn l-iskejjel ma humiex joperaw, fil-każ tal-bqija, dan il-post qed jimtela minn wieħed mill-għalliema anzjani li huwa mistenni li jaqdi l-funzjonijiet kollha sakemm jiġi appuntat Director of Studies ġdid.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa jżommx statistika dwar infertilita'? Kemm hawn persuni li għandhom problema ta' infertilita'? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Kemm huma l-koppji li jiltaqgħu ma' din il-problema?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma żżommx din it-tip ta' informazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet trattata għall-infertilita' fl-isptar San Luqa fl-aħħar ħames snin? X'tip ta' trattament ingħataw? X'rata ta' suċċess kienet reġistrata wara dan it-trattament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Dipartiment tas-Saħħa — Trattament għall-Infertilita'
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-saħħa jżommx statistika dwar kemm-il persuna tiġi trattata għall-infertilita' fl-isptarijiet u l-kliniċi privati? Liema huma l-kliniċi u l-isptarijiet li jittrattaw l-infertilita'? Liema huma dawk l-isptarijiet li jużaw il-proċedura ta' l-IVF? Kemm persuni ġew trattati għall-infertilita'? X'kienet ir-rata ta' suċċess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa ma jżommx statistika dwar kemm il-persuna jiġu trattati għall-infertilita' fl-isptarijiet u l-kliniċi privati. L-informazzjoni l-oħra mitluba ma tinżammx anqas għax mhix parti mill-proċess ta' liċenzjar tal-isptarijiet kkonċernati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn laboratorji, sptarijiet, kliniċi privati li għandhom liċenzji mid-dipartiment tas-saħħa sabiex jagħmlu testijiet ġenetiċi? Liema huma dawn il-laboratorji/sptarijiet/kliniċi? Hemm minnhom illi huma mmexxija minn entitajiet pubbliċi u liema huma? X'tip ta' testijiet huwa awtoriazzat li jwettaq kull wieħed minnhom? X'inhi l-proċedura biex dawn jiġu liċenzjati? Isir xi forma ta' monitoring illi l-kundizzjonijiet tal-permess ikunu qed jiġu miżmuma minn dawk li jingħataw il-liċenzja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika matul is-sena 2004 ħareġ żewġ liċenzji lill-Medical Diagnostic Labortories sabiex jkunu jistgħu jsiru testijiet ġenetiċi. Laboratorji simili li huma mmexxejjin minn entitajiet pubbliċi ma jiġux liċenzjati.
Wieħed minn dawn il-laboratorji għandu permess biex jagħmel testijiet f'Malta li jinkludu testijiet ġenetiċi dwar paternita' u testijiet ġenetiċi ta' natura diagnostika. Il-laboratorju l-ieħor għandu permess biex jibgħat kampjun barra minn Malta għal testijiet ġenetiċi dwar paternita'.
Biex jiġu liċenzjati, dawn il-laboratorji għandhom japplikaw mad-Diviżjoni tas-Saħħa u l-liċenzja tingħata wara li ssir spezzjoni fuq il-post u jiġi verifikat li l-rikweżiti neċessarji huma sodisfaċenti.
Il-persuna liċenzjata hija responsabbli biex jiddokumenta kull test li jsir billi jżomm records rikjesti mill-istess kundizzjonijiet tal-liċenza kif ukoll dokumenti dwar quality assurance. Tali dokumenti u kundizzjonijiet oħra jiġu spezzjonati, investigati u riveduti fi spezzjoni annwali li ssir minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa qabel ma tiġi mġedda l-liċenzja jew kull meta jkun hemm bżonn.
Jista' il-Ministru jindaga fuq ilmenti li qegħdin jasluli minn Triq il-Fieres, f'Ħal Kirkop dwar supply baxx ta' dawl mill-korporazzjoni Enemalta għar-residenzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-investigazzjoni meħtieġa diġa saret u x-xogħol meħtieġ sejjer jinbeda.
Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jibda x-xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda f'Ħal Qormi? Jista' jgħid fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Dan huwa xogħol li se jsir b'ħaddiema tal-gvern?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' riabilitazzjoni f'Wied is-Sewda, f'Ħal Qormi mistenni li jinbeda f’Mejju ta’ din is-sena.
Ix-xogħol jinkludi tiswija u manutenzjoni fuq l-ilqugħ li hemm u tisħiħ u estensjoni tax-xogħol estensiv li diġa' sar fuq l-istess Wied fl-2004.
Dan ix-xogħol ser isir minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10112 illi tagħti rendikont dwar in-numru ta' rapporti lill-pulizija, jista' il-Viċi Prim Ministru jassigura li l-pulizija tkun preżenti biżżejjed biex tinħass b'mod effettiv?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minbarra r-ronda li ssir mit-Taqsima tal-Mobile u tad-Distrett, l-Għassa ta' dan il-lokal qed tkun miftuħa regolarment.
Pulizija — Vetturi li qed jostakolaw l-entraturi ta' l-iskola Liceo Vassalli
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija sabiex jassigura li ma jibqax ikun hemm karozzi u vannijiet li ta kuljum qegħdin, b'mod traskurat, jostakolaw l-entraturi ta' l-iskola Liceo Vassalli Tal-Ħandaq f'Ħal Qormi? Jista' ukoll jara li l-karrijiet, kabini kbar u spare parts kbar oħra li qegħdin jostakolaw l-aċċess għall-bankina ta' ma ' l-istess skola jitneħħew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-mezzi tat-trasport li jwasslu l-istudenti f'din l-iskola jibqgħu deħlin fil-grounds ta' l-istess skola minn fejn iniżżlu u jgħabbu l-istudenti. Pero' jekk id-direzzjoni ta' din l-iskola tħoss li hemm il-ħtieġa, jista' jintalab is-servizz tal-Gwardjani Lokali. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8524, 9266 u 9842, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' dwar it-trasport għadditlux informazzjoni korretta dwar permess għall-istallar ta' arloġġ fil-venda ta' rotta 91 f'Ħal Qormi?
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8524, 9266 u 9842, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' dwar it-trasport għadditlux informazzjoni korretta dwar permess għall-istallar ta' arloġġ fil-venda ta' rotta 91 f'Ħal Qormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Jien infurmat li l-informazzjon li għaddieli l-Awtorità dwar it-Trasport fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 8524 hi korretta.
Tajjeb li wieħed ifakkar li l-arloġġi fil-vened tal-karrozzi tal-linja kienu twaħħlu bl-inizjattiva ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku fl-1993, ftit wara li kienet twaqqfet l-Awtorità għall-Ippjanar.
Peress li ma’ l-arloġġi kienu se jidhru wkoll ir-riklami, u allura kien se jkun hemm il-ħtieġa ta’ permess ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, kienu saru diskussjonijiet ukoll ma’ uffiċjali ta’ dik l-Awtorità.
Fid-dawl ta’ dak li jingħad fil-Pjan ta’ Struttura, li kien pubblikat fl-1992, l-uffiċjali ta’ l-Awtorità għall-Ippjanar kienu taw il-parir li arloġġi bir-riklami magħhom ma setgħux jitwaħħlu f’inħawi ta’ konservazzjoni bħal ma huma ċentri ta’ villaġġ, kif hu l-każ fir-rigward ta’ Ħal Qormi.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 4060, 5259 u 9837, jista' il-Ministru jikkonferma li l-awtorita' dwar it-trasport qed isserraħ ras ir-residenti ta' Triq l-20 ta' Jannar, Gorg Borg u Mifsud Ellul f'Ħal Qormi li dan il-culvert ma jippreżenta l-ebda periklu meta nafu li l-ilma minn dan il-culvert żbokka f'xi residenzi? Jista' jikkonferma jekk dan il-culvert jgħaddix minn taħt bini eżistenti? Jekk iva, minn taħt liema? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-culvert? Meta tnaddaf l-aħħar dan il-culvert? Jippreżenta xi periklu lir-residenti dan il-culvert? X'assigurazzjonijiet jista' jagħti l-Ministru biex iserraħ ras l-istess residenti li ilmentaw mad-dipartiment?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-għargħar fl-area msemmija huma riżultat tas-sistema naturali tal-qlib ta' l-ilma fil-viċinanzi tal-Wied ta' Ħal-Qormi. L-Awtorita' dwar it-Trasport irċeviet rapport dwar l-għargħar viċin dan il-culvert darba waħda biss, jiġifieri fil-maltempata tal-15 a' Settembru, 2003.
Kif diġa' kien konfermat f'mistoqsija parlamentari preċedenti, dan il-culvert għaddej minn taħt residenzi li nbnew wara li kien tlesta l-culvert. Għalhekk jidher li r-responsabbilita' tar-residenzi msemmija għandha tiġi attribwita' lill-periti responsabbli minn dan il-bini.
L-ADT m'għandiex pjanti ta' dan il-culvert. Dwar it-tindif tal-culvert, ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa responsabbilita' tal-Kunsill Lokali.
Qormi — Triq ir-Ragħar/Triq in-Nassab - bini ta' ċint
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li s-sidien ta' plot 6, Triq ir-Ragħaj/Triq in-Nassab, Qormi josservaw il-liġi billi jibnu ċint mad-dawra tal-plot imsemmi u jżommu l-post nadif mingħajr aktar detriment għar-residenti ta' l-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet stħarriġ u rintraċċat sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Huwa ġie mwissi sabiex jibni lqugħ mad-dawra ta' din l-art.
Jista' il-Ministru jindaga fuq ilmenti li qegħdin jasluli minn Triq il-Fieres, f'Ħal Kirkop dwar supply baxx ta' dawl mill-korporazzjoni Enemalta għar-residenzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Dipartiment tal-Kuntratti — Tenders għal toroq li saru f'Ħal Qormi
Question
Jista' il-Prim Ministru jagħti lista ta' tenders li ħarġu u l-ammonti li bihom ġew mogħtija, għal toroq li saru bit-tarmac f'Ħal Qormi mill-1994 sal-lum? Jista' jagħti r-rendikont triq bi triq u sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.