Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera — Klabb tal-boċċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol tal-gvern fit-twaqqif u l-bini mill-ġdid tal-klabb tal-boċċi, Santa Venera u kemm sewa lill-gvern u lill-istess klabb?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fis-sit imsemmi twaqqa' l-bini eżistenti u minflok inbniet latrina pubblika, kif ukoll inbena l-klabb tal-boċċi. Ix-xogħol kollu, twaqqiegħ u bini, sar mill-ħaddiema tal-Gvern f'isem il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera permezz ta' wieħed mill-każijiet tal-bidu tal-Joint Venture Scheme. Il-materjal ħa ħsieb għalih il-Kunsill Lokali u d-Dipartiment tas-CMD ipprovda l-mano d'opera L-ispiża tax-xogħol manwali li sar mid-Dipartiment tas-CMD għall-bini tal-klabb tal-boċċi kienet Lm3,035.58ċ. Minn dan l-ammont il-Kunsill iffranka Lm1,825.32ċ għax ħallas biss 60% tal-materjal (Lm904.72ċ) u 20% tal-mano d'opera (lm305.54ċ).

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malta għandu l-assi tiegħu ffriżati? Jekk dan huwa minnu, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni ta’ dan? X’passi se jittieħdu kontra l-kunsill?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma huwiex minnu li l-assi tal-Kunsill Lokali Ħaż Żebbuġ huma ffriżati. Għar-rigward it-tieni u t-tielet domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmilhom lill-Kunsill Lokali msemmi.

Siġġiewi — Triq it-Tank

Question

B’riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1159 u 11454 jista’ il-Ministru jgħid jekk il-propost feeder ġdid għall-provvista ta’ l-elettriku fi Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi bdietx issir mill-Enemalta? Meta se titlesta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Maltco Limited

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’sehem messu l-gvern mil-lotteriji organizzati mill-Maltco Limited mit-twaqqif ta’ l-istess Maltco Limited ’il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Żvilupp ta' art

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif żviluppatur privat li qiegħed jiżviluppa art li tagħti minn Triq Amleto Spiteri għal Triq San Franġisk, Ħal Qormi se jiżviluppa biċċa art li sal-lum tagħmel parti mit-triq u allura meqjusa bħala proprjeta' pubblika? Dan skond Notice PL0015/15. Peress li din it-triq hija viċin il-wied u kemm-il darba sofriet minn problemi ta' l-għargħar, peress li l-problemi ta' l-ilma ta' l-għargħar jiżdied jekk tidjieq it-triq; peress li din it-triq tagħmel parti mill-village core; u peress li biex iseħħ dan l-iżvilupp twaqqa' bieb li kellu valur arkitettoniku, jista' il-Ministru jassigura li l-MEPA tieħu inkonsiderazzjoni il-petizzjoni li qed tintbagħat separatament, tar-residenti ta' Triq San Franġisk li qed joġġezzjonaw għal din il-parti ta' l-iżvilupp?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif jaf l-Onor. Membru, il-Gvern ma għandux jedd jindaħal fuq applikazzjonijiet lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u għalhekk m’inhix f’posizzjoni nagħti assigurazzjonijiet. Nitolbok tgħaddi l-petizzjoni direttament liċ-Chairman ta’ din l-Awtorità.

Ħal Qormi — Żvilupp ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif żviluppatur privat li qiegħed jiżviluppa art li tagħti minn Triq Amleto Spiteri għal Triq San Franġisk, Ħal Qormi se jiżviluppa biċċa art li sal-lum tagħmel parti mit-triq u allura meqjusa bħala proprjeta' pubblika? Dan skond Notice PL0015/15 u petizzjoni mir-residenti ta' Triq San Franġisk li qed jintbagħtu separatament.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hija l-MEPA li tawtorizza ċaqliq fl-alignment ta' toroq. Meta l-MEPA tawtorizza ċaqliq fl-alignment b'tali mod li tittieħed xi parti minn triq li tkun ikkunsidrata bħala tal-Gvern allura l-iżviluppatur ikkonċernat ikun meħtieġ li jagħmel talba lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sabiex jixtri l-art in kwistjoni u dan wara sejħa għall-offerti. Ovvjament qabel ma jsir dan l-iżviluppatur ma jkollu l-ebda dritt legali li jaħtaf din l-art anke jekk ikollu l-permess ta' żvilupp mingħand il-MEPA, u jekk jagħmel dan l-istess permess tal-MEPA jirrendi ruħu invalidu. Sal-lum it-Taqsima ma jidhirx li rċeviet xi applikazzjoni biex tiġi akkwistata xi art tal-Gvern fi Triq San Franġisk jew Triq Amleto Spiteri f'Ħal Qormi.

EU — Kaċċa/Insib

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar id-diskussjonijiet li qegħdin isiru ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta hija bbażata minn dejjem fuq dak li kien nnegozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea. Fejn tidħol kaċċa fir-rebbiegħa, bis-saħħa tat-tħaddim tad-deroga li kiseb il-Gvern Malti, li tinsab fid-dokument maħruġ fi tmiem in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, il-Gvern għadu jsostni li għad għandu l-intenzjoni li jżomm il-kaċċa tal-gamiem u summien fir-rebbiegħa. Fir-rigward ta’ l-insib għall-għasafar ta’ l-għana, Malta tirrispetta l-obbligi tagħha biex sa tmiem l-2007, in-numru ta’ għasafar ta’ l-għana li jistgħu jkunu minsuba jkun biżżejjed biex isostni d-diversità ġenetika ta’ l-ispeċi mgħammra fil-magħluq. L-intenzjoni tal-Gvern hi li, f’dawn il-parametri, jippermetti l-insib għall-għasafar ta’ l-għana wara dik id-data. L-impenn tal-gvern jibqa’ dak li jagixxi bil-qawwa, però, kontra l-prattiċi illegali li sfortunatament jitfgħu dawl ikrah fuq il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

EU — Kaċċa/Insib

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji dwar id-diskussjonijiet li qegħdin isiru ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta hija bbażata minn dejjem fuq dak li kien nnegozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea. Fejn tidħol kaċċa fir-rebbiegħa, bis-saħħa tat-tħaddim tad-deroga li kiseb il-Gvern Malti, li tinsab fid-dokument maħruġ fi tmiem in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, il-Gvern għadu jsostni d-diversità ġenetika ta’ l-ispeċi mgħammra fil-magħluq. L-intenzjoni tal-Gvern hu li, f’dawn il-parametri, jippermetti l-insib għall-għasafar ta’ l-għana wara dik id-data. L-impenn tal-gvern jibqa’ dak li jagixxi bil-qawwa, però, kontra l-prattiċi illegali li sfortunatament jitfgħu dawl ikrah fuq il-kaċċa u l-insib f’pajjiżna.

Dipartiment ta' l-anzjani — Handyman service

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il talba daħlet lid-dipartiment ta' l-anzjani għal handyman service matul l-aħħar sentejn? Jista' jagħti rendikont ta' x'tip ta' xogħol kien rikjest, eżempju xogħol ta' l-ilma, xogħlijiet ta' l-elettriku, mastrudaxxa eċċ.?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar sentejn in-numru ta' talbiet li daħlu fid-Dipartiment ta' Anzjani u Kura fil-Komunita' biex jagħmlu użu mis-servizz tal-Handyman kien ta' 2334. Ix-xogħol kien jikkonsisti l-iktar f'xogħol ta' plumbing, xogħol ta' dawl u xogħol ta' mastrudaxxa.
Leg 10 PQ #12294 Sitting 264 2005-05-09 Oral · Interim From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hijiex responsabbilta’ ta’ l-awtorita dwar it-trasport li tieħu ħsieb it-tindif tal-culverts fi Triq l-Imdina, Qormi? Jekk iva, meta l-aħħar li tnaddfu? Meta jmiss li jerġgħu jitnaddfu? Peress li xi residenti ilmentaw li dawn jinsabu maħmuġin bħalissa, jistgħu jitnaddfu fi żmien qasir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

CCF

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu jkun il-complement ta’ uffiċjali u ħaddiema oħra fil-ħabs? Kemm fil-fatt hu llum? Jekk hemm nuqqas ta’ staff meta hu maħsub li dan jimtela? Kemm kienu dawk li bdew il-kors ta’ taħriġ għal uffiċjali tal-ħabs? Kemm minnhom temmew il-kors b’suċċess? Meta hu maħsub li jiġu ngaġġati t-TCOs li fis-27 ta’ Marzu li għadda temmew b’suċċess il-kors ta’ taħriġ għal uffiċjal tal-ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent l-istaff complement tal-Ħabs hu kif ġej:- Direttur 1 Assistant Correctional Officer 3 Senior Correctional Officer 22 Correctional Officer 148 Trainees C.O. 38 Hemm ukoll 29 membru tal-Korp tal-Pulizija li huma assenjati xogħol fil-Ħabs, kif ukoll 4 impjegati ċivili. In-nuqqas ta' staff ser jimtela' fil-ġranet li ġejjin billi t-trainees isiru tal-post. Infurmat ukoll illi għal kors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien hemm 45 trainees, li minnhom 38 temmew il-kors b'suċċess.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill Lokali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinvestiga jekk it-terminazzjoni ta’ l-impjieg tas-segretarju eżekuttiv tal-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malta sarx skond il-liġi u l-proċeduri stabiliti? F’liema laqgħa, u allura f’liema data ġie deċiż li jiġi terminat il-kuntratt tax-xogħol tas-segretarju eżekuttiv? X’kien l-eżitu tal-vot fuq ir-riżoluzzjoni tat-terminazzjoni? Meta fil-fatt kienet l-aħħar ġurnata tax-xogħol tas-segretarju eżekuttiv? Meta nħarġet l-ittra jew l-istruzzjoni ta’ terminazzjoni ta’ impieg kien diġa’ hemm riżoluzzjoni tal-kunsill? Jekk le, fuq liema awtorita’ aġixxiet is-sindku biex tittermina dan l-impjieg? Jekk it-terminazzjoni ta’ l-impieg ma seħħitx skond il-proċeduri stabiliti, x’passi se jieħu d-dipartiment tal-kunsilli lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kuntratt tas-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Żebbuġ (Malta) skada fl-1 ta' Mejju 2005 u sa issa ma ttieħdet ebda deċiżjoni fuq it-tiġdid jew le mill-Kunsill.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill Lokali

Question

Jista’ il-Viċi Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-kunsilli lokali huwiex jinvestiga lill-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, Malta dwar amminstrazzjoni ħażina ta’ fondi? Jekk iva, x’inhu l-eżitu ta’ l-investigazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-dipartiment għall-Kunsilli Lokali kien ikkummissjona lid-Direttur ta' l-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet sabiex jinvestiga numru ta' allegazzjonijiet dwar amministrazzjoni ħażina ta' fondi mill-Kunsill Lokali Żebbuġ (Malta). Dan ir-rapport huwa lest u qiegħed jiġi studjat sabiex jittieħdu l-passi ulterjuri skond il-każ.

Santa Venera — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont tat-toroq li saru f'Santa Venera mill-1 ta' April 1994 sa l-aħħar ta' Marzu 2005? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena sena u triq triq bil-qisien ta' kull triq u kemm ġiet tiswa kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Sptar San Luqa — Skola medika

Question

Billi l-istudenti ta' l-iskola medika qed isibu diffikulta' fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom sakemm ikunu għal-lezzjonijiet minħabba r-ristrizzjonijiet li saru mill-kunsill lokal Pieta', jista' il-Ministru jara li dawn jingħataw, għal dak il-ħin biss, l-istess faċilitajiet li jgawdu l-ħaddiema ta' l-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti ta' l-iskola medika jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-istess skola li tagħmel parti mill-Universita' ta' Malta u għalhekk arranġamenti għal parkeġġ għandhom isiru ma' l-iskola kkonċernata. L-istudenti qatt ma kellhom provediment biex jipparkjaw il-karozzi tagħhom fl-Isptar San Luqa minħabba n-nuqqas ta' spazju.

ADT — Siġġiewi - Vultaġġ baxx

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 11159, jista' il-Ministru jgħid meta l-ADT se toħroġ il-permessi relatati mal-problema ta' vultaġġ baxx f'Ta' l-Għolja, Triq Ġdida, fi Triq it-Tank, Siġġiewi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-permessi tat-trinek għax-xogħol msemmi (379/05 u 380/05) waslu l-Awtorita' dwar it-Trasport fl-1 ta’ Marzu 2005. Dak inhar stess, l-applikazzjonijiet intbagħtu lill-entitajiet kollha kif normalment isir. (Drainage Unit, Enemalta, Maltacom, Melita Cable, MEPA., Traffic Management Directorate, WSC, Kunsill Lokali Siġġiewi u Roads Directorate). Fl-14 ta’ Marzu, peress li l-Kunsill Lokali Siġġiewi kien għadu ma weġibx , intbagħtet reminder. Il-permessi inħarġu hekk kif waslet it-tweġiba mingħand il-Kunsill Lokali Siġġiewi.

Sptar San Luqa — Trattament għall-Infertilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet trattata għall-infertilita' fl-isptar San Luqa fl-aħħar ħames snin? X'tip ta' trattament ingħataw? X'rata ta' suċċess kienet reġistrata wara dan it-trattament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika ta' kemm pazjenti jiġu ttrattati għall-infertilita' fl-Isptar San Luqa. Pazjenti jingħataw servizz ta' investigazzjonijiet u jiġi preskritt it-trattament neċessarju. Ma jsirux interventi kirurġiċi biex jiġi assistit l-konċepiment. Minħabba li ma tinżammx statistika ma nistax nagħti figura eżatta dwar rati ta' suċċess iżda huwa stmat li r-rata ta' suċċess hija ta' 50% fl-ewwel sena ta' trattament u tilħaq medja ta' 60-70% fis-snin ta' wara.

Toroq

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10070, jista' il-Ministru jerġa' jagħti rendikont tat-toroq li saru bejn is-sena 1994 u s-sena 2005, peress li s-snin ta' bejn l-1994 u l-2002 huma nieqsa mil-lista mogħtija fit-tweġiba? Jekk ma jistax jagħmel dan, jista' il-Ministru jispjega għalfejn? Jista' jagħti wkoll lista ta' toroq mogħtija, minflok jispeċifika biss li sar xi industrial estate li jkun ifisser numru ta' toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn informazzjoni li nġabret mill-Awtorita dwar it-Trasport, it-toroq li saru fil-perjodu imsemmi f’Ħal Qormi jinkludu: Toroq Sena L/A Inc/ Dec Total Triq-Serer 2003 10,317.00 3,629.78 6,687.22 Triq N Baldacchino 2003 11,098.00 425.63 11,523.63 Triq id-Deheb Fin c/w Ix-Xitwa 2003 11,671.00 4,207.01 7,463.99 Triq id-Dragun 2003 7,338.00 1,949.84 9,287.84 Triq 10 ta’ Settembru 2003 7,664.67 -2,148.69 5,515.98 Triq il-Furnar 2005 8,901.00 -1,397.13 7,503.87 Triq Ġuże Muscat Azzopardi 2003 4,640.00 -573.36 4,066.64 Triq il-Poeżija 2003 1,778.00 -519.62 1,258.38 Triq San Ġakkin 2002 27,092.10 -416.98 26,675.12 Mrieħel Industrial Estate 2002 315,411.50 -63,425.03 251,986.50 Tal-Ħandaq Ind. Estate 2002 403,000.00 7,188.02 410,188.00 Triq Pawlu Farrugia c/w Triq il-Wied 2004 19,328.00 -7,579.97 11,748.03 Triq Marju Pace 2004 15,548.10 -2,577.98 12,970.12 Triq Marco Montabello 2005 21,577.00 21,577.00 Triq in-Nassab 2005 26,323.00 26,323.00 Il-lista tat-toroq li ġew asfaltati f’Ħal Qormi fi żminijiet imsemmija ser titpoġġa f'xi seduta. Din il-lista ma tinkludiex toroq li saru mill-Kunsill Lokali f’dan il-perjodu.

ADT — Qormi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' dwar it-trasport (ADT) ikkunsidratx il-pożizzjoni tar-residenti meta approvat it-talba tal-kunsill lokali Qormi biex parti minn Triq Valletta issir one way (minn Mill Street sa Cannon Road)? Meta saret it-talba mill-kunsill? Meta ġiet approvata t-talba mill-ADT? Tista' l-ADT tikkunsidra li t-triq issir one way minn Mill Street sa Qormi football ground u tkompli bħala two way mill-istess football ground sa Qormi Road, b'dan il-mod ikun qiegħed xorta jittaffa t-traffic flow mid-direzzjoni ta' Mill Street għal Qormi Road u fl-istess ħin jaġevola lir-residenti fit-talbiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-talba finali, bil-pjanti emendati kif suġġerit mid-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, saret mill-Kunsill Lokali Qormi fil-11 ta' Ottubru, 2004. Dan sabiex Valletta Road issir one way minn k/m Mill Street sa k/m Cannon Road u din kienet parti minn skema ta' junction upgrading bejn Cannon Road, Valletta Road u Triq Correa li kienet tinkludi wkoll junctions oħra fl-inħawi. Saru laqgħat mal-Kunisll Lokali u, wara spezzjoni dettaljata fuq il-post minn uffiċjali tad-Diretorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u analiżi tal-pjanti sottomessi mill-Kunsill Lokali, l-approvazzjoni għall-junctionsħarġet fl-1 ta' Diċembru 2004.

Ħal Qormi — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' tenders li ħarġu u l-ammont li bih ġew mogħtija, għal toroq li saru bit-tarmac f'Ħal Qormi mill-1994 sal-lum? Jista' jagħti r-rendikont triq bi triq u sena b'sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn informazzjoni li nġabret mill-Awtorita dwar it-Trasport, it-toroq li saru fil-perjodu imsemmi f’Ħal Qormi jinkludu: Toroq Sena L/A Inc/ Dec Total Triq-Serer 2003 10,317.00 3,629.78 6,687.22 Triq N Baldacchino 2003 11,098.00 425.63 11,523.63 Triq id-Deheb Fin c/w Ix-Xitwa 2003 11,671.00 4,207.01 7,463.99 Triq id-Dragun 2003 7,338.00 1,949.84 9,287.84 Triq 10 ta’ Settembru 2003 7,664.67 -2,148.69 5,515.98 Triq il-Furnar 2005 8,901.00 -1,397.13 7,503.87 Triq Ġuże Muscat Azzopardi 2003 4,640.00 -573.36 4,066.64 Triq il-Poeżija 2003 1,778.00 -519.62 1,258.38 Triq San Ġakkin 2002 27,092.10 -416.98 26,675.12 Mrieħel Industrial Estate 2002 315,411.50 -63,425.03 251,986.50 Tal-Ħandaq Ind. Estate 2002 403,000.00 7,188.02 410,188.00 Triq Pawlu Farrugia c/w Triq il-Wied 2004 19,328.00 -7,579.97 11,748.03 Triq Marju Pace 2004 15,548.10 -2,577.98 12,970.12 Triq Marco Montabello 2005 21,577.00 21,577.00 Triq in-Nassab 2005 26,323.00 26,323.00 Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq li ġew asfaltati f’Ħal Qormi fi żminijiet imsemmija. Din il-lista ma tinkludiex toroq li saru mill-Kunsill Lokali f’dan il-perjodu.