Tista' il-Ministru tgħid jekk minn wara l-konferenza stampa li ta d-direttur tad-Dar tal-Providenza fit13 ta' Ġunju u li fiha ħabbar deficit ta' Lm700,000 akkumulat f'dawn l-aħħar tliet snin, kienx hemm kuntatti mar-rappreżentanti tad-Dar tal-Providenza? Jekk fl-affermattiv, fiex waslu dawn it-taħdidiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Press Conference li saret fit-13 ta’ Mejju u mhux f’Ġunju. Jekk dan hu l-każ wara din il-Konferenza Stampa jien kelli laqgħa mat-tmexxija tad-Dar tal-Providenza fil-25 ta’ Mejju 2005. Sussegwentement żort id-Dar fl-10 ta’ Ġunju fejn gew diskussi diversi suġġerimenti dwar kif il-Gvern jista’ jgħin lid-Dar. Preżentement dawn is-suġġerimenti qed jiġu studjati f’aktar dettal.
Jista' il-Ministru jgħid instabitx soluzzjoni għall-problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera - mistoqsija parlamentari 30300, seduta 665 tal-10 ta' Diċembru 2001 - u jekk fl-affermattiv meta beħsiebu jibniha mill-ġdid issa li suppost tlesta s-survey u l-pjanti għall-bini ta' ġibjun?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infuramt li b'referenza għall-problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar fi Triq il-Palazz l-Aħmar, St. Venera, id-Direttorat lesta survey ta’ din iż-żona biex tkun tista' tiġi proposta site għal dan il-ġibjun.
Sadattant id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta’ toroq ġodda u x-xogħol imsemmi se jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw. Il-ġibjun se jinbena mall-kumplament tax-xogħol meta tinbena t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet il-popolazzjoni ta' Santa Venera għall-finijiet tal-liġi tal-kunsill lokali, sena b'sena mill-1995 'il hawn? Kemm minnhom kienu Maltin u kemm kienu barranin? Kemm kellhom 'il fuq minn 18-il sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-popolazzjoni ta' kull lokalita' hija skond dik ippublikata ta' kull sena fil-Gazzetta tal-Gvern mill-Ministru responsabbli għall-Istatistika skond Artiklu 73 ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali.
Il-popolazzjoni ta' Santa Venera, mill-1994 'l hawn kienet hekk:
1994 6,394
1995 6,320
1996 6,300
1997 6,404
1998 6,774
1999 6,717
2000 6,656
2001 6,806
2002 6,859
2003 6,922
2004 8,038
2005 6,721
Għar-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet kollha tal-kunsilli lokali llum? Jista' jgħid meta dawn il-funzjonijiet ġew mgħoddija sena b'sena? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw funzjonijet u responsabbiltajiet oħra u meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet kollha tal-Kunsilli Lokali u s-sena li ġew fis-seħħ huwa kif murija fid-dokumenti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12742, peress li r-riferenza hija għal ħlas ta' salarji (ta' Novembru 2004) tard lill-impjegati tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, li jista' jikkostitwixxi abbuż ta' poter min-naħa ta' l-ex sindku, li ma ffirmax iċ-ċekkijiet biex joħloq pressjoni fuq l-impjegati biex joħorġu pagamenti rregolari, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li d-dipartiment tal-kunsilli lokali għandu jinvestiga dan il-każ? Jista' jgħid jekk dan ir-rapport hux qed jasal għand id-dipartiment għall-ewwel darba?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12744, peres li r-rapport li għandi huwa dwar xogħol ta' bdil ta' bozoz mill-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta b'direct order, peres li jidher illi x-xogħol ġie mogħti mis-sindku minn wara dahar il-kunsill u allura kien hawn nuqqas ta' osservaza tal-proċeduri finanzjarji stabbiliti, u peress li l-kunsill lokali huwa awtonomu u mhux indipendenti, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tal-kunsilli lokali għallinqas jinvestiga?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk xogħol fuq Sqaq il-Qenċ, Ħaż-Żebbuġ fil-fatt sarx mill-bdiewa b'materjal provdut mill-kunsill lokali jew inkella minn kuntrattur privat? Fil-fatt sar xi ħlas lill-kuntrattur privat?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat pero' dan l-ilment ser jiġi investigat mid-dipartiment tal-Gvern Lokali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li impjegati tal-Malta drydocks assenjati mal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ tqabbdu jibnu ħajt tas-sejjieħ li huwa tal-privat?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat pero' dan l-ilment ser jiġi investigat mid-dipartiment tal-Gvern Lokali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-Malta communications authority milli tagħti repeaters lil Smash television biex ikun f'pożizzjoni li jipprovdi servizz xieraq fl-inħawi kollha ta' Malta?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex Smash tv twaqqaf milli jxandar b'mod diġitali b'mod immedjat meta l-liċenzja maħruġa lilhom ma tispeċifikax jekk huma jxandrux diġitali jew analogue?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li s-salarji ta' l-impjegati tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta, inkluż is-salarju tas-segretarju eżekuttiv, għal Novembru 2004 ħarġu tard għaliex is-sindku ta' dak iż-żmien ma ffirmax il-pagamenti? Jista' jiċħad l-allegazzjoni li waslet għandi li l-pagament ħareġ tard biex issir pressjoni żejda fuq l-impjegati biex jinħarġu pagamenti li ma kienx hemm flus għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jiċħad rapporti li wasluli li matul it-terminu 2002-2005 il-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ Malta approva numru ta' għotjiet ta' xogħlijiet wara li kienu diġa' ngħataw minflok qabel, skond kif jirrikjedu r-regolamenti? Jista' jikkonferma li l-kwotazzjonijiet kienu jinġabru mis-sindku u jingħataw mill-istess sindku qabel ma kien ikun hemm xi approvazzjoni tal-kunsill lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saru diversi allegazzjonijiet dwar għoti ta' xogħlijiet mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żebbuġ (Malta) bejn l-2002 u l-2005.
Dawn l-allegazzjonijiet ġew investigati u nstab li f'dawk il-każijiet li ma kienx hemm approvazzjoni minn qabel għax-xiri tas-servizz/oġġetti dawn eventwalment ġew approvati mill-Kunsill fl-istadju tal-approvazzjoni ta' l-Iskeda tal-Pagamenti.
Għaldaqstant il-ksur tar-regolamenti finanzjarji sar mill-Kunsill Lokali preċedenti b'mod kollettiv. Skond il-parir legali mogħti lid-Dipartiment (Gvern Lokali), ma jistgħu jittieħdu l-ebda passi fil-preżent peress li l-Kunsill Lokali responsabbli spiċċalu t-terminu tiegħu fl-aħħar ta' Marzu 2005 u ma jidhirx li hemm lok għal xi azzjoni legali oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li s-sindku tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta ta kuntratt ta' bdil ta' bozoz madwar Ħaż-Żebbuġ b'direct order mingħajr ma kien approvat mill-kunsill? Għal kemm kien jammonta l-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu t-total ta' residenti minn Santa Venera, sena b'sena mill-2001 'il hawn, li kienu u għadhom jieħdu xi forma ta' benefiċċju soċjali, allowances, pensjoni, eċċ.? Kull benefiċċjarju eċċ. kemm kien qed jieħu u kull meta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament irċeviet ittra mill-assistent direttur tal-lands department fit-12 ta' Mejju, 2005 sabiex tirritorna ċ-ċwievet ta' l-art in kwestjoni peress li d-dipartiment ma jridx iġeddilha l-kera ħabta u sabta? X'inhi r-raġuni li d-dipartiment ma jridx iġeddilha l-kera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-1996, lill-persuna msemmija, ġie mikri lilha sit fuq wara tad-dar tagħha, sabiex tużaha biss bħala ġnien. Skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, il-kerrej ma setgħax itella' l-ebda xorta ta' struttura, anke jekk din tkun ta' natura temporanja.
Madwar sentejn ilu, din il-persuna bdiet tiskava dan is-sit, mingħajr il-permessi meħtieġa u ġiet imwaqqfa, kemm mill-MEPA kif ukoll mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Fit-28 t'April, 2003, din il-persuna ġiet mitluba biex terġa' tibni l-ħitan li kienu jeżistu u tipprestina l-ħamrija għall-istat oriġinali.
Fl-14 ta' Settembru, 2004, din il-persuna talbet għall-permess biex tiskava l-art u d-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta infurmaha illi huwa kien lest li jikkonsidra din it-talba tagħha, dejjem jekk jottjeni l-permess meħtieġ mill-MEPA.
Meta dan l-aħħar, id-Dipartiment ta' l-Artijiet sar jaf illi l-MEPA diġa' oġġezzjonat għal dan, minħabba li l-area hija ta' wirt storiku, kif inhu spjegat aktar fid-dettal fir-riposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7732 tal-11 t'Ottubru, 2004, u li sal-lum, din il-persuna baqgħet ma bnietx il-ħitan li kienu jeżistu u tipprestina l-ħamrija għall-istat oriġinali, infurmaha illi l-kirja mhux se tiġi mġedda wara l-iskadenza tas-sitt xhur kurrenti, jiġifieri wara t-30 ta' Ġunju li ġej, u ntalab biex jirritorna ċ-ċwievet.
Billi d-dipartiment ta' l-artijiet fl-2001 oġġezzjona għat-trasferiment ta' l-art/faċilita' lil St Venera boċċi club - mistoqsija parlamentari 30299/seduta 674 tad-19 ta' Diċembru 2001 - jikkonsidrax il-Viċi Prim Ministru li wara l-bini mill-ġdid ta' l-istess klabb, u allura l-investiment li sar, id-dipartiment ta' l-artijiet jibdel id-deċiżjoni li ħa dakinhar u jittrasferixxi l-art/faċilita' lil dan il-klabb?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet kien oġġezzjona għat-trasferiment tal-art lil St Venera Boċċi Club għax kien infurmat dak iż-żmien mill-Kunsill Malti għall-Sport, illi kien hemm oġġezzjoni għal dan mill-Awtorita' tal-Ippjanar.
Illum li l-Club inbena mill-ġdid u huwa ssuġġeriet li jerġaw jinfetħu taħdidiet mall-Kunsill Malti għall-Sport sabiex jiġi mogħti titolu lill-istess Club.
Jista' il-Ministru jgħid instabitx soluzzjoni għall-problema li joħloq l-ilma tax-xita li jinġabar fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera - mistoqsija parlamentari 30300, seduta 665 tal-10 ta' Diċembru 2001 - u jekk fl-affermattiv meta beħsiebu jibniha mill-ġdid issa li suppost tlesta s-survey u l-pjanti għall-bini ta' ġibjun?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-art totali li taqa' fil-konfini ta' kull kunsill lokali? Kemm mill-art hi diġa' mibnija - built-up area - f'kull lokalita' u kemm mill-art diġa' mibnija hi residenzjali jew semi-industrijali, industrijali, eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ta' min jinnota li :
a) L-inħawi indikati bħala mibnija jinkludu faċilitajiet urbani oħra inklużi toroq fiż-żoni ta' l-iżvilupp. Jeskludu inħawi li jistgħu jinbnew iżda li għadhom ma ġewx żviluppati. Dawn il-figuri huma riċenti billi ġew maħduma fuq ritratti mill-ajru meħuda fis-sena 2004;
b) Il-kolonna "art industrijali" tinkudi art industrijali li qegħdin fl-iskemi ta’ l-iżvilupp jew f'żoni li huma immaniġġjati mill-Malta Industrial Parks. Din il-figura tinkludi kemm il-bini kif ukoll it-toroq;
c) Il-kolonna "art mhux industrijali" tinkudi il-bini li hemm fl-iskemi ta' l-iżvilupp, imma li jeskludu dawk il-faċilitajiet industrijali li jinsabu fl-iskemi ta' l-iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid, issa li l-iżvilupp tal-Bank of Valletta f'Santa Venera tlesta, kemm kien l-ammont ta' flus li dan il-bank poġġa għad-dispożizzjoni ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar biex wara li jitlesta x-xogħol ikunu wżati għal xi proġett jew embellishment fil-lokalita'? Saru konsultazzjonijiet mal-kunsill lokali Santa Venera dwar dan? X'kienu d-deċiżjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-iżvilupp imsemmi kien ġie approvat b'kundizzjoni fejn l-applikant kien marbut b'garanzija bankarja ta' LM50,000, sabiex ikopri l-bini mill-ġdid ta' Wignacourt Gatejew ir-riabilitazzjoni ta' l-Akwadott skond id-diskrezzjoni / l-approvazzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u sabiex ikopri it-titjib tar-roundabout ta' Mdina Road/Fleur de Lys Road.
Saru xi diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera, iżda ma kien hemm l-ebda eżitu finali u l-kwistjoni għadha pendenti.