Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siġġiewi — Triq it-Tank

Question

B'riferenza għall-petizzjoni li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jitlob lill-awtorita dwar it-trasport tinvestiga l-problemi ta' flooding ta' numru ta' garaxxijiet li jinsabu fi Triq it-Tank, is-Siġġiewi minħabba li t-triq li suppost tieħu l-ilma li qed jgħerreq dawn il-garaxxijiet għadha mhijiex lesta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-triq msemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet spezzjonata minħabba li kienu saru rapporti minħabba problema ta' flooding li qed tinħoloq bl-ilma tax-xita. Din it-triq għadha mhux lesta minħabba li t-triq għadha mhux żviluppata skond l-iskema.Wara li saret din l-ispezzjoni saret talba lill-MEPA biex tinħadem survey ta' din l-area sabiex tkun tista' tiġi ppjanata culvert għall-ilma tax-xita biex tonqos il-problema ta' flooding sakemm titlesta t-triq.

Bring in Sites

Question

Jista' il-Ministru jispjega fil-qosor il-kunċett ta' bring in sites?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kunċett ta' bring-in site hu 'sit jew post viċin il-pubbliku b'erba' kontenituri fejn wieħed jista' jiddisponi fuq bażi volontarja minn skart domestiku riċiklabbli. Kull bring-in site ikollha kontenitur abjad għall-karti, kontenitur iswed għall-metall, kontenitur blu għall-plastik u kontenitur kannella għall-ħġieġ.’ Il-bring-in sites huma maħsuba għal skart riċiklabbli domestiku biss. Skart goff riċiklabbli li ma jidħolx fil-bin m’għandux jiġi depożitat fi bring-in site jew jitħalla madwar il-bins.

Kunsilli Lokali — Bring in Sites

Question

Jista' il-Ministru jispjega fil-qosor x'tip ta' arranġamenti saru mal-Kunsilli Lokali biex jibdew joperaw il-bring in sites?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, kull Kunsill ġie allokat is-somma ta' LM1,500 sabiex jintroduċi l-ewwel bring-in site. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd inkoraġġiet lill-Kunsilli Lokali kollha sabiex jingħaqdu f'reġjuni skond is-sistema eżistenti tad-dawl, biex jiffaċilitaw l-operat tal-bring-in sites u l-ispiża tkun waħda realistika minħabba l-economies of scale. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd ħadet il-kuntratti li tissuplixxi u topera l-bring-in sites wara sejħa għall-offerti.

Foster carers

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' familji li kienu qed iservu bħala foster carers, sena b'sena mill-2000 s'issa u kemm hu n-numru ta' tfal li kull sena kienu qed jingħataw dan it-tip ta' servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istituzzjonijiet għat-tfal

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' tfal li kienu qed jgħixu, sena b'sena mill-2000 s'issa, f'istituzzjonijiet immexxija mill-knisja jew minn xi enti oħra u x'inhuma r-raġunijiet li għalihom dawn it-tfal qed jgħixu f'dawn l-istituzzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ebda Dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Madankollu, d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali jżomm statistika dwar in-numru ta’ tfal f’istituzzjonijiet tal-Knisja jew entitajiet oħra li dwarhom titħallas xi forma ta’ allowance taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Ninsab infurmata li din l-istatistika hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna lill-istituzzjonijiet tat-tfal

Question

Tista’ il-Ministru tgħid x'għajnuna pprovda l-Gvern kull sena mill-2000 s'issa lill-istituzzjonijiet tal-knisja u enti oħra kif ukoll lil foster carers għat-tfal li jieħdu ħsieb?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Istituzzjonijiet tat-tfal

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma dawk l-istituzzjonijiet tal-knisja, jew dawk l-enti l-oħra li qed iżommu tfal bi problemi soċjali? Kemm kienu qed iżommu tfal kull sena mill-2000 s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16286 f’din l-istess Seduta. Ninsab infurmata li l-istituzzjonijiet tal-Knisja u entitajiet oħra li kienu jżommu t-tfal indikati f’dik it-Tweġiba kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Self minn banek kummerċjali — Ħaddiema tad-DENIM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tal-Finanzi wasalx għal xi ftehim mal-banek kummerċjali fir-rigward ta' self li għandhom magħhom il-ħaddiema ta' DENIM Limited u fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jekk fl-affermattiv, kienu nformati dwaru l-ħaddiema ta' l-imsemmija fabbrika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Direttiva 2002/91/EC

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-preparamenti biex tiġi implimentata direttiva 2002/91/EC ta' l-Unjoni Ewropea dwar bini aħjar biex tiġi ffrankata l-enerġija li għandha tiġi fis-sehh f'Jannar 2006?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li wara li dan l-aħħar inħareġ dokument għal konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti għal standards b’valuri minimi ta’ kif tintuża l-enerġija fil-bini u li jridu jkunu applikati kemm għal bini ġdid kif ukoll għal bini li jsirulu tibdiliet sostanzjali, qiegħed jitfassal l-abbozz ta’ l-avviż legali li ser idaħħal dawn ir-regolamenti fis-seħħ matul is-sena 2006. Hu maħsub li jingħata perijodu ta’ transizzjoni ta’ madwar 9 xhur biex jippermetti lill-periti u l-inġiniera jippreparaw il-proġetti ġodda għall-permessi meħtieġa skond dawn ir-regolamenti ġodda. Fil-każ ta’ ħruġ ta’ ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-bini fl-użu ta’ l-enerġija u spezzjonijiet regolari ta’ sistemi ta’ boilers u ta’ l-arja kondizzjonata, Malta qiegħda titlob estenzjoni ta’ tlett snin skond l-artikolu 15 tad-Direttiva, biex jilħqu jiġu mħarġa biżżejjed nies kwalifikati li jagħmlu dan ix-xogħol.”

Użu ta' enerġija alternattiva

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu maħsub li hawn djar domestiċi li qed jużaw xi forma ta' enerġija alternattiva (solar energy, solar water heaters, etc.)? Kif jikkompara dan ma' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba, fejn hu possibbli, qed tinġabar u risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Farrug — Zona Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu plots mill-gvern, jew minn xi enti tiegħu fiz-zona industrijali ta' Ħal Farruġ mill-1995 'il hawn? Jista' jgħid kemm minn dawn il-plots għadhom ma nbnewx u għaldaqstant liema plots mhumiex qegħdin jintużaw għal skop li dawn ġew mgħoddija lis-sidien preżenti? Hemm xi limitu ta' żmien sakemm wieħed jista' idum qabel ma jibda juża l-plot għar-raġuni li ġie mgħoddi lilu? Hemm xi limitu ta' żmien kemm plot simili jista' idum wieqaf milli jintuża? Kemm ilu mgħoddi lis-sid preżenti kull plot li għadu mhux jintuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Farruġ — Qasam industrijali

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jagħmel sinjal indikattiv ta' merħba fid-daħla tal-qasam industrijali ta' Ħal Farruġ, Luqa? Ma jaħsibx li dan ikun konformi ma' dak li sar f'daħliet ta' oqsma industrijali oħra u jkompli jsebbah u jagħti dehra professjonali ta' pajjiżna, speċjalment issa li sar ix-xogħol ta' bini ta' triq mill-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li peress li dan is-suġġeriment ta' l-Onor. Membru huwa validu se tittieħed azzjoni biex dan is-sinjal isir.

Santa Venera — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-aħħar parti ta' mistoqsija parlamentari 12541 u jgħid x'kienu l-marki u r-rimarki ġenerali li ngħata dan il-kunsill lokali fuq il-funzjonijiet tiegħu f'kull rapport, rapport rapport, sa l-aħħar ta' Marzu li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Siġġiewi — Vultaġġ baxx

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamenteri 11159 u 11454 jista' il-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq il-feeder il-ġdid u s-substation il-ġdida biex jittaffew il-problemi ta' vultaġġ baxx f'Ta' l-Għolja, Triq Ġdida fi Triq it-Tank, Siġġiewi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-feeder tkompla billi diġa twaħħlu l-arbli. Huwa pjanat li l-ġbid tal-linji li huwa estensiv jitlesta sa nofs Novembru u b'hekk il-problema tittaffa. Minn naħa l-oħra x-xogħol fuq is-substations ta' Triq G Delia u fl-iskola tal-Gvern huwa mibdi. Huwa ppjanat li substation ta' ġo l-iskola titlesta sa l-aħħar ta' din is-sena u b'hekk tissolva l-problema għalissa. Meta mbagħad titlesta s-substation fi Triq Guze Delia s-sena d-dieħla ikun hemm soluzzjoni permanenti f'akwati msemmija kollha.

NSO — Stħarriġ dwar l-użu ta' l-internet

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati ta' l-istħarriġ li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika dwar l-użu ta' l-internet mill-istudenti kif ukoll ta' kummenti, konklużjonijiet u materjal ieħor li waslet għalihom u nġabru mill-istess uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-istħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika dwar l-użu ta’ l-internet mill-istudenti. Dan l-istħarriġ jinkludi: a. Summary dwar dak li jagħmlu t-tfal u kif jaħsbuha l-ġenituri/guardians fuq: i. l-użu tal-kompjuter ii. l-aċċess għall-internet iii. l-użu ta’ l-internet iv. l-e mails v. Chatting, u vi. Laqgħat ma’ persuni li tkun saret konoxxenza tagħhom permezz ta’ l-internet. b. Metodoloġija ta’ kif sar l-istħariġ c. Riżultati

Ħamiem

Question

In vista tal-possibbilta' li l-ħamiem jista' iġorr il-virus ta' l-influwenza tat-tjur, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-gvern, partikolarment dwar dawk il-ħamiem li jintbagħtu lejn Malta minn barra f'tiġrijiet kif ukoll dwar dawk il-ħamiem slavaġ li hawn jiġġerrew fi pjazez u toroq ta' Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14949.

Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjan nazzjonali oriġinali dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali li kopja updated tiegħu tqiegħdet fuq il-mejda tal-Kamra fis-seduta 305 tat-18 ta' Ottubru, 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W93 f'Seduta Numru 164.

Ħal Farruġ — Qasam industrijali

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jagħmel sinjal indikattiv ta' merħba fid-daħla tal-qasam industrijali ta' Ħal Farruġ, Luqa? Ma jaħsibx li dan ikun konformi ma' dak li sar f'daħliet ta' oqsma industrijali oħra u jkompli jsebbah u jagħti dehra professjonali ta' pajjiżna, speċjalment issa li sar ix-xogħol ta' bini ta' triq mill-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq Fonzu Meli

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq Fonzu Meli, Ħal Qormi, responsabbilta' ta' l-ADT, tinbena u tiġi asfaltata għall-ewwel darba minħabba l-inkonvenjent li l-istat tat-triq bħalissa qiegħed joħloq lir-residenti u lill-operaturi kummerċjali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar t-Trasport qed tipprepara stejjem tax-xogħlijiet meħtieġa f’diversi toroq. Ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet mill-program tax-xogħlijiet ta’ l-ADT.

Ħal Qormi — Tindif ta' culverts

Question

Jista' il-Ministru jassigura li l-culverts li hemm fit-toroq ta' Ħal Qormi, inkluż Triq Mdina, Triq San Bartolomew, Triq Spiteri Fremond u Triq il-Kbira, jitnaddfu qabel ma jagħmel xi għargħar? Meta tnaddfu l-aħħar dawn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li xogħol ta’ tindif fuq culverts qed jiġi mwettaq mid-Dipartiment tat-tindif (cleaning services department) b’mod regolari fuq it-toroq li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali, jiġifieri dawk arterjali u distributorji. Mit-toroq msemmija, Triq l-Imdina biss hija distributorja u t-toroq l-oħrajn jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kunsill Lokali.