Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18377, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali, bħala korp statutorju ta' gvern lokali b'personalita' legali u distinta, għandux l-obbligu li jwieġeb mistoqsijiet ta' membru parlamentari?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsijiet Parlamentari huma mezz kif l-operat tal-Gvern ikun kontrollat. Il-Mistoqsija Parlamentari hi intiża sabiex Ministru jispjega jew jiddefendi x-xogħol, deċiżjonijiet ta' 'policy' u azzjonijiet tad-dipartiment li jaqgħu taħtu. Peress li Kunsill Lokali m'huwiex dipartiment governattiv, anzi hu "korp statutorju ta' gvern lokali b'personalita' legali u distinta", il-Ministeru responsabbli mill-Gvern Lokali mhux tenut responsabbli għax-xogħol, policy decisions, u azzjonijiet ta' l-istess Kunsill Lokali iżda hu responsabbli, fost l-oħrajn, li jissorvelja l-operat. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant jista' jagħmel il-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali kkonċernat li minn naħa tiegħu, skond l-artiklu 45(ċ) ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali, hu obbligat jagħti kopja ta' kull dokument li jappartjeni lill-Kunsill Lokali.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill lokali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18377, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ir-risposta tiegħu tfissirx li jekk kunsill ikun qiegħed jabbuża mill-poteri tiegħu, id-dipartiment jieħu attitudni laissez-faire? Jekk dan mhuwiex il-każ, għaliex meta hemm talba mill-ex-Segretarju Esekuttiv in kwestjoni, id-dipartiment għadu ma ħax passi? Jekk min-naħa l-oħra d-dipartiment ħa passi dwar il-każ, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma?

Response (BORG, TONIO)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18377, ninsab infurmat illi d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ta direzzjoni lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Żebbuġ (M) illi t-talba ta' l-ex Segretarju Eżekuttiv għal informazzjoni dwar ħlas mogħti lilha, kienet leġittima u għaldaqstant kellha tingħatalha. Id-Dipartiment hu nfurmat illi l-Kunsill ser jgħaddi l-informazzjoni mitluba malli jkollu d-dettalji kollha u l-ex Segretarju Eżekuttiv ġiet infurmata b'dan. Minn naħa tiegħu, id-Dipartiment se jassigura li tali informazzjoni tingħata.

Importazzjoni minn Sqallija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu jsir bħalissa, u x'għandu fi ħsiebu li jagħmel aktar 'il quddiem, fuq ilmenti li qed isiru minn numru ta' importaturi dwar aġenti mhux neċessarjament reġistrati u li allegatament qegħdin iniżżlu x-xogħol minn Sqallija mingħajr ma jimlew id-dokumentazzjoni neċessarja, allura mingħajr ma jħallu audit trail b'dannu għall-istat u b'dannu għall-kompetizzjoni ġusta bejn l-istess importaturi?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal-Luqa — Rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jirrapporta lura lill-Parlament dwar ilment li qed jintbagħat separatament, rigward ir-rotot tal-karozzi tal-linja 32 u 34 li m'humiex jgħaddu kif indikat f'tabella mwaħħla fi Griq San Ġużepp, Ħal-Luqa "ħlief meta jiftlilhom" bir-riżultat li r-residenti jibqgħu jistennew ta' xejn? Peress li dan ir-rapport diġa' ġie mressaq għand il-kunsill lokali, Ħal-Luqa u anke għand l-Awtorita' dwar it-Trasport, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu diġa' u x'passi se jittieħdu issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' sabet li kien hemm xi xufiera li kienu qegħdin jiddevjaw mir-rotta. Infurmat ukoll li għal ċertu perjodu ta’ żmien, ir-rotta inkwestjoni kellha tiġi devjata u għalhekk il-karozzi tal-linja ma setgħux jgħaddu minn Triq il-Ġdida Luqa minħabba li kien hemm it-triq magħluqa biex isiru xi xogħlijiet. L-Awtorita diġa infurmat lill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex ir-rotta tiġi osservata mix-xufiera. Barra minhekk, għal dan il-għan, l-Awtorita' ser tissorvelja dawn ir-rotot biex tara li x-xarabanks jgħaddu minn Triq il-Ġdida Luqa huma u sejrin lejn il-Belt Valletta.

Ħaż-Żebbuġ — Kunsill Lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-talba ta' l-ex-segretarju eżekuttiv tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ, Malta biex tingħata kumpens mingħand l-istess kunsill għal-leave li kien pendenti għas-sena 2004, liema informazzjoni tista' tinġabar mill-file personali tagħha, u għas-sigħat żejda li ħadmet bejn Ottubru 2004 u April 2005, liema sigħat kienu intenzjonati biex jgħoddu lejn il-ħinijiet ta' nofs ta' nhari tas-sajf ta' l-2005, liema nofs ta' nhari l-ex-segretarju eżekuttiv ma gawdietx minnhom, hijiex se tiġi milqugħa? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawn ma tħallsux, x'passi se jieħu d-dipartiment tal-kunsilli lokali fil-konfront ta' dan il-kunsill li issa għandu storja sħiħa ta' irregolaritajiet?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat bħala l-employer ta' l-ex Segretarju Eżekuttiv.
Leg 10 PQ #18058 Sitting 371 2006-03-28 Oral · Interim From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Ħal-Luqa — Rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga u jirrapporta lura lill-Parlament dwar ilment li qed jintbagħat separatament, rigward ir-rotot tal-karozzi tal-linja 32 u 34 li m'humiex jgħaddu kif indikat f'tabella mwaħħla fi Griq San Ġużepp, Ħal-Luqa "ħlief meta jiftlilhom" bir-riżultat li r-residenti jibqgħu jistennew ta' xejn? Peress li dan ir-rapport diġa' ġie mressaq għand il-kunsill lokali, Ħal-Luqa u anke għand l-Awtorita' dwar it-Trasport, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu diġa' u x'passi se jittieħdu issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

ETC — Skemi għal persuni b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' skemi u għajnuna toffri l-korporazzjoni għax-xogħol u taħriġ lill-persuni li għandhom xi forma ta' diżabilita' b'mod ġenerali u lil dawk li jbatu bl-epilepsy b'mod partikolari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ minn ħdan is-Supported Employment Section toffri assistenza personalizzata lill-klijenti li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u li jkunu fuq id-Disabled Persons Register tal-Korporazzjoni (RDP's) tkun xi tkun in-natura ta' diżabilita' Apparti s-servizzi li jingħataw lill-klijenti 'mainstream' u li dawn huma wkoll għad-dispożizzjoni tal-klijenti RDP's, attenzjoni partikolari tingħata minn żewġ Employment Advisors li jiffurmaw RDP Unit. Sabiex employers ikunu imħajjra jingaġġaw magħhom RDP's, l-ETC tħaddem tlett skemi ta' sapport u li huma: Il-'Bridging The Gap Scheme', fejn 'employer' joffri 'work exposure opportunity' mingħajr ebda 'commitment', filwaqt li l-ETC tagħti 'allowance' ta' 80% tal-minimum wage lill-RDP. Dan għal perjodu miftiehem bejn l-ETC u l-'employer' u li jkun ta' bejn 4 ġimgħat u 52 ġimgħat. L-'Employment & Training Placement scheme', fejn l-RDP ikun impjegat veru u propju. Għal perjodu miftiehem bejn l-ETC u l-'Employer' u li jkun ta' bejn 4 ġimgħat u 52 ġimgħa, l-ETC tissussidja s-salarju ta' l-RDPb'50% tal-'minimum wage'. Is-'Supported Employment Scheme' hija skema u li hija wkoll proġett ta' l-ESF. Din hija skema fejn is-sapport mogħti mill-ETC ikopri sussidji finanzjarji, il-provediment tas-servizzi ta' Job Coach u assistenza minn Occupational Psychologists. Eliġibbli għal din l-iskema huma dawk li jirreġistraw ma' l-ETC u li jirċievu pensjoni b'riżultat tad-diżabilita' tagħhom. Din l-iskema tħaddan 5 livelli ta' sapport, li jvarjaw skond il-każ. Ma hemmx limitu ta' żmien ta' kemm idum jingħata s-sapport, pero' kull każ jiġi rivedut wara sena kalendarja. L-ETC tħaddem ukoll żewġ ftehimiet ta' koperazzjoni ma' l-Eden Foundation u mar-Richmond Foundation, fejn klijenti li jkunu jbatu minn xi 'Intellectual Disability' jew 'mental illness' jiġu riferuti għall-fondazzjoni rispettiva għal taħriġ speċjalizzat u li jkun dirett li jiffaċilita' t-triq lejn xogħol bi qliegħ.

Każi ta' vjolenza domestika

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm saru rapporti ta' vjolenza domestika kull sena mill-2000 s'issa? X'tip ta' vjolenza domestika kienet irrapportata u x'kienet l-azzjoni meħuda fir-rigward ta' dawn il-każi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub dwar is-sena 2005 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Self minn banek kummerċjali — Ħaddiema tad-DENIM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tal-Finanzi wasalx għal xi ftehim mal-banek kummerċjali fir-rigward ta' self li għandhom magħhom il-ħaddiema ta' DENIM Limited u fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jekk fl-affermattiv, kienu nformati dwaru l-ħaddiema ta' l-imsemmija fabbrika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kont ħabbart fid-diskors tar-replika tiegħi dwar il-Budget ta’ din is-sena, kienu saru diskussjonijiet mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi mal-Banek Konċernati li qablu li jagħtu zmien ta’ mil-anqas sitt xhur fejn il-pagamenti jiġu sospizi sakemm il-ħaddiema konċernati jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Id-dettalji ta’ l-individwi kollha ġew issa mogħddija lill-Banek mill-Ministeru tal-Finanzi u hu mistenni li l-Banek issa jagħmlu kuntatt mal-ħaddiema direttament.

Ħal Farrug — Zona Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu plots mill-gvern, jew minn xi enti tiegħu fiz-zona industrijali ta' Ħal Farruġ mill-1995 'il hawn? Jista' jgħid kemm minn dawn il-plots għadhom ma nbnewx u għaldaqstant liema plots mhumiex qegħdin jintużaw għal skop li dawn ġew mgħoddija lis-sidien preżenti? Hemm xi limitu ta' żmien sakemm wieħed jista' idum qabel ma jibda juża l-plot għar-raġuni li ġie mgħoddi lilu? Hemm xi limitu ta' żmien kemm plot simili jista' idum wieqaf milli jintuża? Kemm ilu mgħoddi lis-sid preżenti kull plot li għadu mhux jintuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li skond ir-records li għandha l-MIPL, mill-1995 'il hawn tqassmu 126 plot, li minnhom nbnew 99. Normalment, l-enfitewta jingħata żmien ta' sena u nofs minn meta joħorgu l-permessi kollha meħtieġa biex jtella bini solidu. Hemm każijiet li l-enfitewta damu aktar miż-żmien stipulat fuq il-kuntratt, imma r-raġunijiet ivarjaw minn każ għall-ieħor. Jista jkun minħabba il-permessi damu ma joħorġu, jew jinqalaw xi problemi waqt li jkun beda' ix-xogħol fuq il-bini. Hemm plots li għadhom mhux jintużaw għax ma sarx żvilupp fuqhom filwaqt li oħrajn minkejja li għadhom ma ġewx żviluppati, qed jintużaw bl-istrutturi li hemm fuqhom (ex-nissan huts jew bini ieħor antik ta' żmien l-Ingliżi). Oħrajn mhux qed jintuża ghax qed jiddependu fuq ċaqliq ta' inkwilini oħrajn biex jokkupaw il-plot li tkun ingħatat lilhom. L-informazzjoni dwar il-plots li "mhumiex qegħdin jintużaw għall-iskop li kienu mgħoddija lis-sidien preżenti" qed tinġabar minn għand il-Malta Enterprise li għandha l-inkarigu li ticcekja dwar l-użu u l-attivita li suppost issir skond it-termini tal-kuntratt.

Talba quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16927 u problemi ta' flooding fi Triq it-Tank, fis-Siġġiewi, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba li għamlet l-awtorita' dwar it-trasport lid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet ma għandu ebda talba pendenti mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għall-esproprju ta' xi servitu fi Triq it-Tank, Siġġiewi. Permezz tan-Notifika Nru. 700 li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tal-1 ta' Settembru 2000, kien sar esproprju ta' dritt ta' taħt wiċċ l-art f'din it-triq sabiex isir id-dranaġġ.

Siġġiewi — Triq it-Tank

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16788 dwar problemi ta' flooding fi Triq it-Tank, Siġġiewi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li s-survey li kellu jsir ta' l-inħawi li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant tlesta u b'hekk id-Direttorat ipprepara l-pjanti neċessarji biex ikun jista' jinbena l- culvert imsemmi. Ser isir talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex tkun tista' ssir servitu (easment) biex ikun jista' jsir ix-xogħol fuq dan il-culvert. Id-Direttorat qed ihejji programm ta' xogħlijiet fuq diversi toroq u dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Siġġiewi — Triq it-Tank

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16315 u 16959 u l-problemi ta' flooding fi Triq it-Tank, Siġġiewi, jista' il-Ministru jgħid issa li tlesta s-survey tal-MEPA x'se jsir dwar il-culvert għall-ilma tax-xita biex tonqos il-problema ta' flooding sakemm titlesta t-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Inteprellant tingħata f'seduta oħra.

MEPA — Survey dwar l-ilma tax-xita

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16315 u l-problemi ta' flooding fi Triq it-Tank, fis-Siġġiewi, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal is-survey ta' din l-area, hekk kif mitlub mill-MEPA sabiex tkun tista' tiġi ppjanata culvert għall-ilma tax-xita?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-survey li ġie mitlub fil-viċinanzi ta' Triq It-Tank fis-Siġġiewi ġie mgħoddi lill-Awtorità Dwar it-Trasport (ADT) fil-11 ta' Jannar 2005.
Leg 10 PQ #16656 Sitting 343 2006-01-23 Oral · Interim From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq

Ħal Qormi — Culverts fi Triq Mdina

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga ilment li għamlu xi residenti minn Mdina Road, Qormi dwar culverts miżduda minn quddiem 178, Mdina Road lejn id-direzzjoni ta' Ħal Qormi peress li dawn l-istess residenti qed jilmentaw li wara li ġew mibnija l-culverts fi Triq San Dwardu f'Ħal Qormi u ġew imqabbda ma dawk ta' Mdina Road, qed tinħoloq sitwazzjoni fejn l-ilma minn Triq San Dwardu qiegħed ifur għal ġo Mdina Road? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Bring in Sites

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-Kunsilli Lokali li aċċettaw u dawk li ma aċċettawx li joperaw il-bring in sites fil-lokalitajiet tagħhom? Liema kienu l-Kunsilli Lokali li ma aċċettawx li jibdew joperaw il-bring in sites fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s'issa kienu ħamsa u sittin (65) Kunsill Lokali li aċċettaw li joperaw sistema ta’ bring-in sites fil-lokalità tagħhom. Tliet (3) Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex irrifjutaw li jintroduċu l-Bring-In Sites fil-lokalità tagħhom. Dawn huma l-Imdina, ż-Żurrieq u ż-Żebbuġ (Malta).

Kunsill Lokali Żebbuġ — Bring in Sites

Question

Il-Kunsill Lokali Żebbuġ, Malta aċċetta li jkollu bring in site fil-lokalita' tiegħu? Jekk le, x'kienet ir-raġuni mogħtija mill-Kunsill Lokali għar-rifjut tiegħu? X'beħsiebu jagħmel il-Gvern Ċentrali biex ir-residenti tal-lokal ikunu moqdija xorta waħda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ kien aċċetta l-introduzzjoni tal-Bring-In Site fil-Lokalità tiegħu. Infatti l-ewwel bring-in site kienet ġiet introdotta f'dan il-Lokalità fl-2004. Għalkemm fil-bidu in-nies bdew jikkoperaw u l-bring-in site kienet tintuża tajjeb, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien xi residenti bdew jarmu ħafna skart mhux aċċettabbli madwar dawn il-bins. Dan l-iskart kien jikkonsisti l-iktar fi skart goff, skart domestiku u skart ieħor mhux riċiklabbli. Il-kumpanija WasteServ Malta Co. Ltd intervjeniet biex tikkontrolla din is-sitwazzjoni u tnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu fil-viċin u dawk li jagħmlu użu tajjeb minn din il-bring-in site billi żiedet il-frekwenza tat-tbattil u t-tindif tal-bring-in site u l-madwar. Billi dan kien rimedju temporanju għaliex in-nies kienu jħammġu kontinwament matul il-ġurnata, il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd installat kamera ta' sorveljenza. Mill-filmati li għandna, jidher li l-installazzjoni kellha effett pożittiv. Però, l-Kunsill Lokali kien diġa' għadda mozzjoni biex titneħħa l-bring-in site qabel ma l-kamera ġiet installata. Għalkemm il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd talbet biex din id-deċiżjoni tiġi rriveduta, din it-talba ma ġietx milquha. Il-Kunsill qabad u neħħa l-bring-in site huwa stess. Hemm diversi miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Gvern Ċentrali, iżda f'dan l-istadju jkun utli li wieħed jipprova jasal mal-Kunsill u s-Sindku l-ġdid.

Żweġijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu ċċelebrati żweġijiet, sena b'sena mill-2000 s'issa? Kemm minnhom kienu reliġjużi u kemm kienu ċivili? Fil-każ ta' dawk li żżewġu biċ-ċivil, kemm kienu ż-żweġijiet ta' Maltin ma' Maltin, ta' Maltin ma' barranin u ta' barranin ma' barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar żweġijiet bejn is-sena 2000 u s-sena 2005 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qrati — Separazzjonijiet ta' żwieġ

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu ppreżentati kawżi għal separazzjoni miż-żwieġ, sena b'sena mill-2000 s'issa? Kemm minnhom kienu deċiżi u x'kienet id-deċiżjoni ? Kien hemm minnhom li waslu għal separazzjoni bonarja ? Kien hemm minnhom li wara medjazzjoni u xi ħaġa oħra waslu biex irtiraw il-kawża?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi ta' separazzjoni li ġew ippreżentati fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili f'Malta u li ġew deċiżi jew ġew ċeduti għas-sena 2000 - 2005 huma kif indikat hawn taħt. a) Kawżi ta' separazzjoni ppreżentati: SENA NUMRU 2000 130 2001 110 2002 188 2003 163 2004 154 2005 (sat-13 ta' Diċembru) 142 b) Mill-kawżi ta' separazzjoni ppreżentati bejn l-1 ta' Jannar 2000 u t-13 ta' Diċembru 2005 ġew deċiżi 142. c) Mill-kawżi ta' separazzjoni ppreżentati bejn l-1 ta' Jannar 2000 sat-13 ta' Diċembru 2005 ġew ċeduti 193. Ninsab infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hija s-segwenti:- Sena Numru ta' kawżi għal separazzjoni personali Numru ta' kawżi li ġew deċiżi Numru ta' kawżi li ġew ċeduti (inklużi dawk deżerti u kanċellati) 2000 10 1 4 2001 9 1 5 2002 8 1 6 2003 4 4 4 2004 7 3 7 2005 8 4 5

Baċir Nru 1

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-iżviluppi fir-rigward ta' l-iżvilupp ta' baċir numru wieħed u l-madwar fil-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess issa daħal fil-fażi ta' djalogu maż-żewġ konsorzji li ġew short-listed li matulu l-istess konsorzja jingħataw id-dokumeni finali biex ikunu jistgħu jissottomettu l-proposti tagħhom.