Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati (full-time jew part-time) minn barra s-settur pubbliku fil-Ministeru tiegħu u fl-entitatjiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn April 2013 u Diċembru 2014 u jagħti l-informazzjoni entità b’entità u għal kull entità, jaqsam l-informazzjoni skont il-gradi li fihom ġew impjegati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-sit li llum huwa okkupat mill-Institute of Tourism Studies (ITS) se jibqa’ jintuża mill-ITS għal tul din il-leġiżlatura?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qed jikkonsidra kull opzjoni dwar l-ITS biex jagħmel minn dan l-istitut wieħed aktar relevanti f'xenarju ta’ settur ta’ turiżmu li qed jagħmel daqstant suċċess. Dan ukoll biex jagħti lill-istudenti l-aqwa faċilitajiet possibbli fid-dinja tal-llum.
Il-Gvern għalhekk, għalkemm m’huwa qiegħed f’diskussjoni ma’ ħadd, m’huwa qiegħed jelimina l-ebda possibilita’ kemm biex itejjeb il-faċilitajiet għall-istudenti kif ukoll jagħmel l-aqwa użu mis-sit attwali dejjem fl-aqwa nteress tas-settur turistiku
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-Gvern kien f’diskussjonijiet sabiex is-sit li llum huwa okkupat mill-Institute of Tourism Studiens (ITS) jinghata għal skopijiet kummerċjali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari 14615.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-performance tas-settur tat-turiżmu fl-2014 meta mqabbel mal-erba’ snin ta’ qabel u jaqsam dan ir-rendikont skont il-pajjiż li minnu kienu ġejjin it-turisti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tabella li turi l-andament tat-turizmu skond il-pajjiż għal dawn l-aħħar erba’ snin ibbażat fuq it-tlett indikaturi prinċipali li huma, in-numru tat-turisti, l-iljieli li jqattgħu Malta u l-ispiża tagħhom.
Kif japprezza l-Onorevoli Interpellant, meta tqabbel is-sena 2014 mas-snin ta’ qabel, dan juri rekord assolut skond it-tlett indikaturi hekk kif imsemmijja.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts ta’ Air Malta-xahar ta’ Diċembru 2014?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts tal-Malta Tourism Authority għax-xahar ta’ Diċembru 2014?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata.
L-Awtorita’ pero’ hija marbuta a tenur tal-Artikolu 9 tal-Kapitlu 409 tal-ligijiet ta’ Malta li tibgħat lill-Ministru l-financial statements tagħha u li l-istess Ministru hu obbligat li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati.
Il-Belt Valletta –artijiet u proprjetà tal-Gvern mogħtija lill-privat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ artijiet u/jew proprjetà fil-Belt Valletta li l-Gvern ta b’encroachment, kera jew ċens u għal kull każ jgħid:
(a) id-dettalji tas-sit/fond;
(b) il-proċess li bih ingħata (b’sejħa jew b’mod dirett jew b’tiġdid);
(ċ) it-termini u l-kundizzjonijiet ewlenin tal-kuntratt; u
(d) l-użu li ngħata s-sit/fond?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill Onor Interpellant biex jindika għal-liema perjodu qed jitlob dan it-tagħrif .
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-proġett tar-reklamazzjoni tal-art?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li wara li l-proposti sottomessi in konnessjoni mas-sejħa ta' nteress għar-Riklamazzjoni tal-Art ġew studjati u evalwati minn bord li twaqqaf għal ta’ l-apposta għal dan il-għan, l-istess sottomissjonijiet qegħdin bħalissa jiġu studjati f'iktar dettal mill-aspett ta' żvilupp urbanistiku w ambjentali mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’sar mill-Gvern matul l-aħħar 12-il xahar dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-EXPO 2015?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2014 inħatar il-Kummissarju Ġenerali ta’ Malta għall-Expo li huwa responsabbli mill-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-Expo sabiex setgħu jibdew id-diskussjonijiet mal-Organizzaturi tal-Expo dwar il-lokazzjoni tal-Padiljun ta’ Malta, it-tqassim tiegħu, il-kirja, u arranġamenti relatati sakemm ġie ffirmat il-kuntratt uffiċjali tal-parteċipazzjoni fl-aħħar ta’ Frar 2014.
Wara li Malta ġiet allokata il-Padiljun, bdew ukoll il-preparamenti fuq tema sabiex din tiġi approvata mill-Organizzaturi. Fl-istess ħin tkomplew ukoll laqgħat kemm mal-Organizzaturi tal-Expo kif ukoll mal-pajjiżi parteċipanti l-oħra fil-Cluster sabiex naraw kif nistgħu nibbenefikaw mill-pjazza komuni li hemm f’nofs il-Cluster.
Wara li kienet ġiet approvata it-tema ta’ Malta mill-Organizzaturi, inħarġet sejħa (tender) għad-disinn u outfitting tal-intern tal-Padiljun li kien ibbażat fuq kunċett marbut man-naħal u l-għasel. Bdew ukoll diskussjonijiet mal-PBS sabiex jibdew jipproduċu filmati qosra b’temi speċifiċi li ser jintwerew fuq il-Padiljun, u tnedew ukoll diskussjonijiet ma’ Istitut tal-IT tal-MCAST li ser jieħu ħsieb il-programming tat-touchscreens fejn ser ikun hemm informazzjoni estensiva dwar storja, kultura, ikel, kummerċ, u turiżmu fost temi oħra.
Il-Padiljun ngħata lil Malta uffiċjalment fis-6 ta’ Frar ta’ din is-sena però għadhom għaddejjin diskussjonijet mal-Organizzaturi sabiex jitwasslu s-servizzi ta’ dawl u ilma sabiex il-kuntrattur ikun jista jibda jarma s-sett fil-post u biex jibda xogħol ieħor ta’ tisbiħ minn ġewwa. Ħarget sejħa għall-personnel li ser ikun hemm fuq il-Padiljun matul is-sitt xhur tal-Expo u bħalissa għaddejjin bl-interviews. Qed jitfassal ukoll pjan għal attivitajiet marbutin mal-ġurnata nazzjonali ta’ Malta li ser issir fis-16 ta’ Lulju 2015.
Apparti minn hekk, hemm ħsieb ukoll li jsiru attivitajiet oħra f’Milan li jkunu business- related u għal dan il-għan qed tintuża il-pjattaforma Expo Business Matching li twaqqfet mill-Organizzaturi bil-parteċipazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Milan. L-Organizzaturi tal-Expo għadhom jippreparaw aktar informazzjoni u regolamenti dwar postijiet fl-Expo site li jistgħu jintużaw mill-parteċipanti għall-attivitajiet tagħhom matul iż-żmien tal-Expo, kif ukoll dwar opportunitajiet għall-kummerċ ta’ ikel Malti. Ladarba jkun hemm din l-informazzjoni, jibdew isiru wkoll preparamenti għal attivitajiet li jkunu jistgħu jiġu organizzati.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ x’intefaq mill-Gvern s’issa in konnessjoni mal-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-EXPO 2015 u għal kull spiża jgħid jekk din saritx permezz ta’ tender jew direct order?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa s’issa kienet tikkonsisti f’€246,500 li hija l-kirja ta’ sitt xhur tal-Padiljun mingħand l-Organizzaturi. Kien hemm ukoll €80,811.70 li huwa l-ewwel pagament lill-kuntrattur li qed jaħdem fuq is-sett u l-outfitting tal-Padiljun minn ġewwa. Tħallas ukoll depożitu ta’ €26,784 għal appartamenti fl-Expo Village li l-Organizzaturi bnew għall-parteċipanti fejn ikunu jistgħu joqogħdu l-ħaddiema li ser ikun hemm fuq il-Padiljuni. Il-Padiljun u l-appartamenti ittieħdu direttament mingħand l-Organizzaturi skont ir-regolamenti tal-Expo. Fil-waqt li d-disinn u l-outfitting tal-Padiljun ingħata wara li ħarġet tender pubblika.
Matul is-sena li għaddiet tħallsu wkoll €9,000 fuq vjaġġi, akkomodazzjoni, u trasport intern għall-Kummissarju ta’ Malta u Project Leader sabiex dawn setgħu jmorru għal-laqghat li l-Organizzaturi tal-Expo sejħu matul is-sena kollha f’diversi lokalitajiet tal-Italja kif ukoll laqgħa fi Brussell. F’dan il-każ kien hemm ġbir ta’ quotations għall-akkomodazzjoni u mingħand linji tal-ajru fuq bażi ekonomika.