Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14688 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV – inkonvenjenzi lir-residenti tal-Furjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena l-Gvern hux se jikkunsidra li jikkumpensa, permezz ta’ inizjattivi immirati lejn il-komunità Furjaniża, lir-residenti tal-Furjana għall-inkonvenjent li joħolqilhom il-kunċert tal-MTV fil-Furjana?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tinsab f’taħdidiet mal-Kunsill Lokali tal-Furjana fuq propju dan li qiegħed jiġi mistoqsi mill-Onor. Interpellant. Il-Kunsill Lokali tal-Furjana qiegħed jiġi mitlub jipproponi proġetti li jistgħu jitwettqu ġewwa l-lokalità bl-għajnuna tas-segment tal-proġetti fi ħdan l-istess Awtorità. Tajjeb insemmu li dan il-kunċert jinsab fid-disa’ sena tiegħu u fis-sitt edizzjonijiet li seħħew taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-ebda inizjattiva ma ttieħdet u/jew twettqet, biex propju jiġu kumpensati r-residenti tal-Furjana għall-inkonvenjent li jinħoloq. Il-Pjan hu li dawn il-proġetti jkunu jistgħu jitwettqu fuq perjodu ta’ sentejn.

Belt Valletta – spazji ta’ parkeġġ riservati għal Ministeri u dipartimenti tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ spazji ta’ parkeġġ fil-Belt Valletta riservati għall-Ministri, Segretarji Parlamentari u uffiċjali u/jew dipartiment/entitajiet oħra tal-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward il-parkeġġ fil-Belt Valletta riservat għall-Ministri, Segretarji Parlamentari u uffiċjali u/jew dipartimenti/entitajiet oħra tal-Gvern, għadha tintuża l-istess prassi li kienet tintuża mill-Amministrazzjoni preċedenti.

Intrapriżi lokali – nuqqas ta’ kompetittività

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jieħu passi biex jassigura li intrapriżi lokali ma jibqgħux ibatu minn nuqqas ta’ kompetittività minħabba li individwi u operaturi barranin qed jimportaw prodotti u joperaw fis-suq lokali mingħajr ma jkunu qed josservaw l-obbligazzjonijiet regolatorji u fiskali kollha neċessarji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

La Vallette Manager Property Fund — kapital

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-każ tal-azzjonisti tal-La Vallette Manager Property Fund tal-Preferred Perpetual Securities (PPS) li kienu mwegħdin mill-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, li kienu se jingħataw il-kapital tagħhom lura fil-każ tal-PPS u jingħataw kumpens aħjar fil-każ tal-Property Fund?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob – rapporti dwar logħob ta’ flus illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet rapporti dwar logħob ta’ flus illegali l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA), kull sena f’dawn l-aħħar sentejn, maqsumin f’kull lokalità f’Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u fuq kemm ittieħdet azzjoni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija dwar il-Logħob hija kompetenti li tieħu azzjonijiet dwar logħob li jkun offrut minn operaturi liċenzjati minnha. Meta jidħol rapport dwar logħob ta’ flus illegali l-Awtorità tgħaddi din l-informazzjoni lill-Pulizija u meta mitluba tassisti lill-Pulizija fl-ispezzjonijiet u l-investigazzjoniet tagħhom. Dwar l-informazzjoni mitluba l-Awtorità ma żżommx dawn ir-records minħabba li mhix l-awtorità kompetenti li tinvestiga dawn ir-rapporti.

Diskussjonijiet bejn Malta Enterprise u l-Barts School of Medicine

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Malta Enterprise u l-Barts School of Medicine u jagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ fiex se jkun qed jikkonsisti dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’konferenza stampa li saret fit-18 ta’ Marzu 2015, il-partijiet konċernati li huma Malta Enterprise, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, l-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Barts u London School of Medicine & Dentistry iffirmaw il-ftehim li ser iwassal biex Barts jistabilixxu ruħhom fil-gżira ta’ Għawdex. Matul din il-konferenza stampa tħabbar mill-Prim Ministru li dan l-investiment jifforma parti minn investiment ta €200 miljun li l-Gvern ser ikun qed jagħmel fil-qasam tas-saħħa.

Malta Enterprise –ħidma mwettqa

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-ħidma li saret fl-2014 mill-Malta Enterprise barra minn pajji¿na, u jagħti l-informazzjoni maqsuma skont il-pajjiż li fih sar ix-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – benefiċċji lil membri fuq bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji taċ-Chairpersons, membri u segretarji tal-bordijiet, direttorati, entitajiet, kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull każ, jgħid x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji l-oħra li l-persuni msemmija għandhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Freeport Corporation – ingaġġ ta’ impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda (minn barra s-settur pubbliku) mal-Malta Freeport Corporation minn April 2013 sal-lum? Jista’ jagħti l-informazzjoni skont il-grad li fihom ġew ingaġġati u jgħid kemm hi l-ispiża annwali komplessiva tal-pagi, benefiċċji u spejjeż relatati mal-impjieg ta’ dawn il-persuni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Freeport Corporation ingaġġat 11-il impjegat ġdid minn April 2013 sal-lum. Dawn se jissostitwixxu impjegati li telqu minn April 2013 sal-lum. Ukoll, fl-aħħar ġimgħat, Malta Freeport Corporation Ltd waslet għall-ftehim ma waħda mill-entitajiet li topera ġol-Port Ħieles biex tirduppjalha s-servizz ta' sigurtà tagħha. Dan ifisser li l-Malta Freeport Corporation Ltd ma żiedet l-ebda spiża fis-salarji tagħha.

MITA – ingaġġ ta’ impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda (minn barra s-settur pubbliku) mal-MITA minn April 2013 sal-lum? Jista’ jagħti l-informazzjoni skont il-grad li fihom ġew ingaġġati u jgħid kemm hi l-ispiża annwali komplessiva tal-pagi, benefiċċji u spejjż relatati mal-impjieg ta’ dawn il-persuni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 66 persuna ġew ingaġġati ġodda (minn barra s-settur pubbliku) mal-MITA minn April 2013 sal-lum. L- ispiża annwali komplessiva tal-pagi, benefiċċji u spejjeż relatati mal-impjieg ta’ dawn il-persuni hija ta €1,406,204. Dettalji tal-grad li fihom ġew ingaġġati jinsabu kif ġej fit-tabella hawn taħt: GradNumru ta’ Impjegati Career Level 219 Career Level 343 Career Level 42 Career Level 6 2 Totali 66 Nixtieq niġbed l attenzjoni li matul l-istess perijodu l-MITA kellha 68 persuna li spiċċaw l-impjieg tagħhom. L-ispiża annwali komplessiva tal- pagi, benefiċċji u spejjeż relatati mal-impjieg ta’ dawn il-persuni li tterminaw minn April 2013 sal- llum kienet ta’ €1,748,144.

Malta Gaming Authority – ingaġġ ta’ impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda (minn barra s-settur pubbliku) mal-Malta Gaming Authority minn April 2013 sal-lum? Jista’ jagħti l-informazzjoni skont il-grad li fihom ġew ingaġġati u jgħid kemm hi l-ispiża annwali komplessiva tal-pagi, benefiċċji u spejjeż relatati mal-impjieg ta’ dawn il-persuni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Enterprise –investiment barrani

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tal-proġetti ta’ investiment barrani li ġew approvati mill-Malta Enterprise bejn Ġunju 2013 sal-lum? Għal kull każ, jista’ jgħid jekk dawn bdewx joperaw? Jekk iva, minn fejn qed joperaw u kemm qed iħaddmu nies, maqsumin bejn Maltin u barranin?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2013 sal-lum kienu approvati 64 proġett ġdid ta’ investiment barrani. Dawn kienu fis-setturi ta’: ICT, avjazzjoni, manifattura, farmaċewtika u bio-mediku, environmental and waste management, u oħrajn. Minnhom, 20 diga’ bdew joperaw. Talba għal dettalji dwar l-impjiegi attwali tagħhom għandha tkun indirizzata lill-ETC. Il-proġetti li diġa’ bdew jinsabu f’postijiet diversi: 14 f’siti privati, filwaqt li 6 kienu allokati spazju/ fabbrika f’zoni industrijali ta’ Malta Industrial Parks (MIP). Bħalissa Malta Enterprise u MIP qed jaħdmu biex dawk li għadhom ma bdewx jinstabilhom spazju adegwat u/ jew biex dak l-ispazju jitlesta skont il-ħtiġijiet tal-investituri. Ta’ min jinnota li bejn l-2011 u l-2012, jiġifieri fis-sentejn qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, kienu approvati 11-il proġett li minnhom bdew 6, u bejniethom iħaddmu 14-il ħaddiem.

Malta Industrial Parks – fabbriki, bini, artijiet u proprjetijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-siti/fabbriki/bini/art/proprjetà oħra li l-Malta Indsutrial Parks għaddiet lill-klijenti tagħha u/jew Malta Enterprise minn Ġunju 2013 sal-lum? Għal kull każ, jista’ jagħti: (a) dettalji tas-sit; (b) lil min inkriet il-proprjetà; (ċ) ir-raġunijiet għal xiex ingħata l-proprjetà; u (d) il-kirja li trid titħallas?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward misoqsija (d), l-informazzjoni ma tistax tingħata għax hija ta’ sensittivita’ kummerċjali.

Malta Industrial Parks –evictions minn proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ evictions ta’ siti/fabbriki/bini/art/proprjetà oħra li għamlet il-Malta Indsutrial Parks minn Ġunju 2013 sal-lum u għal kull każ jagħti d-dettalji tal-każ u r-raġunijiet għal xiex ġie deċiż li ssir tali eviction?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Servizzi elettroniċi permezz tal-eGovernment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ servizzi elettroniċi tal-e-Government li huma fully transaction based?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' servizzi tal-e-Government li huma fully transaction-based, maqsumin f'żewġ kategoriji. Waħda mill-kategoriji turi servizzi żviluppati bl-e-Forms, waqt li l-kategorija l-oħra turi s-servizzi żviluppati b’sistemi oħrajn.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ impjegati li hemm fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Proġett bejn il-Gvern u kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-proġett li l-Gvern kien daħal għalih mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jgħid x’sewa s’issa lill-Gvern Malti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.