Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Furjana – stallazzjoni ta’ lift fi blokok ta’ flats

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux lest li jagħmel sforz materjali biex jindirizza l-problema ta’ ħafna anzjani li jgħixu fil-Furjana li minħabba nuqqas ta’ lift fil-blokk tagħhom ma jistgħux igawdu l-ħajja fil-komunità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha skema li tistalla lifts ġewwa blokki t’appartamenti tal-Gvern fejn dan huwa fiżikament possibbli. Sabiex jikkwalifikaw taħt din l-iskema tal-anqas wieħed mill-applikanti jew familjari tiegħu li joqgħod fil-blokk għandu jkollu diżabilità relatata ma’ mobiltà jew problemi ta’ mobiltà kif ukoll tal-anqas wieħed mill-applikanti jrid ikun inkwilin rikonoxxut mill-Gvern. Il-blokk irid ikun ta’ tlett sulari jew aktar mil-livell tat-triq waqt li trid tinħatar ukoll Assoċjazzjoni tar-Residenti bl-obbligu li taħtar rappreżentant li jieħu ħsieb li ssir il-manutenzjoni, tiswijiet u ħlasijiet tal-lift f’każ li dan jiġi nstallat. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant iħeġġeġ lil dawn l-anzjani li jgħixu fi proprjetà tal-Gvern sabiex japplikaw taħt din l-iskema.

Faċilitajiet għall-anzjani — pjanijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal din is-sena biex isir investiment f’faċilitajiet għall-anzjani fil-lokalità inkluż djar tal-anzjani, day care centres jew night shelters?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità se jagħmel manutenzjoni, ristrutturar u tisbieħ u wkoll xiri ta’ apparat fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Anzjani. Fil-futur qarib se jinfetaħ Night Shelter ġewwa Għajnsielem. Ħemm ukoll pjanijiet oħra li jirrigwardjaw Learning Hubs fil-Komunità.

Awtorità tad-Djar – investiment fuq stallazzjoni ta’ lifts fil-Furjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2013 u fl-2014 kemm nefqet l-Awtorità tad-Djar f’investiment f’lifts fil-Furjana?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, waqt li fl-2014 ma kienx hemm installazzjonijiet ġodda ta’ liftijiet, fl-2013, l-Awtorità tad-Djar installat tliet liftijiet fi blokki fil-Furjana li s’issa fuqhom ġiet imħallsa s-somma ta’ €81,405.

Il-Furjana – persuni li jieħdu benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu xi forma jew oħra ta’ benefiċċju soċjali fil-Furjana u jaqsam l-informazzjoni skont it-tip ta’ benefiċċju?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Identity Malta – management accounts

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-management accounts ta’ Identity Malta għax-xahar ta’ Diċembru 2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa Diċembru 2014 Identity Malta kienet topera b’subvension mill-Ministeru responsabbli minna.

Logħob illegali – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti b’rabta ma’ logħob illegali, sena b’sena, fl-aħħar sentejn? Jista’ jagħti din l-informazzjoni skont il-lokalità li fihom kienu residenti l-persuni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2013 u 2014 kien hemm żewġ (2) każi u tliet (3) każijiet rispettivament ta’ persuni li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ logħob illegali. Sa Frar ta’ din is-sena kien hemm tliet (3) persuni oħra li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom b’konnessjoni ma l-istess tip ta’ reat. Il-lokalitajiet li fihom kienu joqgħodu dawn il-persuni jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Pjanijiet għall-Isptar Boffa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li l-Isptar Boffa jsir sptar ieħor hijiex deċiżjoni finali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Wara li titlaq l-onkoloġija mill-isptar Boffa, dan se jibqa' jintużaw bħala sptar għal żmien definit. L-użu long-term tal-Isptar Boffa għad irid jiġi definit.

Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana – spejjeż fuq investiment u manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2013 u fl-2014 kemm nefaq il-Gvern f’investiment u manutenzjoni fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni mitluba hi kif ġej. 2013: Capital Expenditure: €1,333 Maintenance costs: €4,292 2014: Capital Expenditure: €71,934 Maintenance costs: €3,222

Marsa Power Station – użu tas-sit meta tingħalaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħalaq kompletament il-power station tal-Marsa u jgħid konkretament għal xiex se jkun qed jintuża dan is-sit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li uħud mill-installazzjonijiet tal-Marsa Power Station diġa’ ġew żarmati s-sena li għaddiet, waqt li impjanti oħrajn qed jiġu żarmati fi stadji differenti. L-aktar partijiet antiki, li jinsabu taħt l-art, ser jiġu konservati. Enemalta plc qed tevalwa l-użu ta’ din l-art wara li jitneħħew l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku eżistenti, fl-aħjar interess tal-Kumpanija u tar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona.
Leg 12 PQ #14701 Sitting 260 2015-05-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għall-Finanzi

Il-Belt Valletta, il-Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u SantaVenera –età ta’ popolazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-etajiet tal-popolazzjoni skont l-aħħar ċensiment fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u Santa Venera?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta, Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u Santa Venera — xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tax-xogħlijiet li saru minn Marzu 2013 ‘il hawn fuq toroq ġodda jew resurfacing ta’ toroq mill-Gvern ċentrali fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Furjana, Tal-Pietà, il-Ħamrun, il-Marsa u Santa Venera?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Programm tal-IIP — applikazzjonijiet

Question

Minn meta beda jitħaddem il-programm tal-IIP, jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet għall-programm tal-IIP l-Aġenzija Identity Malta u jista’ jaqsam l-informazzjoni skont il-pajjiżi li tagħhom huma ċittadini?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta beda jitħaddem il-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment, Identity Malta rċeviet 573 applikazzjoni għal residenza bi preparazzjoni għaċ-ċittadinanza. Il-parti kbira ta’ dawn l-applikazzjonijiet ġejjin mir-Russja u pajjiżi oħra tal-eks-Repubblika Sovjetika, mill-Golf Għarbi u l-Lvant Nofsani u minn pajjiżi oħra ġewwa l-Asja.

Programm tal-IIP – Persuni li għandhom aktar minn ċittadinanza waħda

Question

Minn meta beda jitħaddem il-programm tal-IIP, jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet għall-programm tal-IIP l-Aġenzija Identity Malta u jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn għandhom diġà aktar minn ċittadinanza waħda?

Response (ABELA, CARMELO)

Għall-ewwel parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 14691. Ninformah ukoll li bħalissa hemm 81 applikant tal-Programm t’Investitur Individwali ta’ Malta li diġa għandhom aktar minn ċittadinanza waħda.

Programm tal-IIP – aġenti approvati bħala intermedjajri

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-aġenti approvati biex iservu ta’ intermedjarji għall-programm tal-IIP?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni hija aċċessibbli fis-sit elettroniku tal-istess Programm: iip.gov.mt Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta dan id-dokument.

Programm tal-IIP – flus depożitati

Question

Minn meta beda jitħaddem il-programm tal-IIP, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew depożitati flejjes minn applikanti għall-programm tal-IIP fl-IIP Account?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Programm tal-IIP – dħul għall-kumpanija Henley and Partners

Question

Minn meta beda jitħaddem il-programm tal-IIP, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpanija Henley and Partners (jew kwalunkwe sussidjarja tagħha) għal dak li hi kkuntrattata li tagħmel skont il-ftehim li l-istess Henley and Partners għandha mal-Gvern Malti? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni bejn ħlasijiet li Henley and Partners irċeviet mill-Gvern Malti u ħlasijiet li rċeviet mingħand l-applikanti direttament?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet lill-Henley and Partners huma rregolati mill-ftehim bejn iż-żewġ partijiet, skont il-kuntratt li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Identity Malta m’għandhiex viżibbiltà tal-ħlasijiet li l-konċessjonarju jew l-aġenti tal-Programm jirċievu mingħand l-applikanti.

Dekasteru tal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — direct orders mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tad-direct orders bid-dettalji ta’ kull direct order li ngħataw minn dawn l-entitajiet matul l-2014: (a) il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar; (b) Mimcol; (ċ) MGI; (d) Projects Malta; (e) MITA; (f) MCA; (g) MGA; (h) Malta Enterprise; u (i) Malta Industrial Parks?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #14685 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm sewa l-kunċert tal-MTV imtella’ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, kull sena minn kemm ilu jsir dan il-kunċert f’pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed nippreżenta rendikont tan-nefqa totali biex jittella l-Kunċert Isle of MTV sena b’sena, mill-2007 sal-2014 fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed jirrimarka li bil-kuntratt li sibna f’Marzu tal-2013 u li kien iffirmat f’Novembru tal-2012 mill-Ex Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu s-Sur Peter Portelli, kieku ma ġiex rinegozjat mal-organizaturi s-somma tal-ħlas kienet se tibqa togħla kull sena. Bir-reviżjoni tal-kuntratt iffirmat minn dan il-Gvern, l-Gvern preżenti ser ikun franka mhux anqas minn €200,000 fuq medda ta’ tliet snin. Mhux biss, iżda tajjeb ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-somma totali tinkludi kampanja fuq is-Social Media, sabiex inkunu nistgħu nippromovu l-kunċert u nilħqu aktar swieq internazzjonali.
Leg 12 PQ #14686 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV – benefiċċji għall-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt sarx studju u/jew analiżi dwar il-benefiċċji li pajji¿na jieħu mill-organizzazzjoni tal-kunċert tal-MTV f’pajjiżna u jekk iva, jista’ jpoġġi dawn l-istudji/analizi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ilu jittella’ l-kunċert tal-Isle of MTV, qatt ma kien sar studju u/jew analiżi dwar il-benefiċċji li jħalli dan l-avveniment għal pajjiżna. Wara l-kunċert tas-sena l-oħra, li kien l-ewwel wieħed minn meta ġejt fdat bit-tmexxija ta’ dan il-Ministeru, tajt struzzjonijiet sabiex mill-edizzjoni li kien imiss, jiġifieri ta’ din is-sena 2015, jibda jsir studju/analiżi fuq il-kunċert. It-tim tar-riċerka fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu beda jikkrea parametri li bihom jkunu jistgħu jiġu stabbiliti diversi aspetti dwar dan l-avvenimenti. Bir-riżultati ta’ dan l-istudju u analiżi ser ikollna informazzjoni vitali għall-istrateġija tal-marketing għas-swieq li jattiraw il-ġenerazzjoni żgħażugħa. Mhux talli kellu jkun dan il-Gvern biex jagħmel dan it-tip ta’ studju, imma wkoll dan il-Gvern kellu jkun strumentali sabiex innegozzja kuntratt ġdid li wassal biex saħansitra ġew frankati għexieren t’eluf t’Ewro.
Leg 12 PQ #14687 Sitting 258 2015-05-04 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunċert tal-MTV – inkonvenjenzi lir-residenti tal-Furjana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu din is-sena biex fl-organizzazzjoni tal-kunċert tal-MTV fil-Furjana, jittaffa l-inkonvenjent lir-residenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taħdem qatiegħ mal-Kunsill Lokali tal-Furjana, sabiex tiżgura li residenti fiż-żoni li jistgħu jkun affetwati b’inkonvenjent minħabba dan il-kunċert jiġu mismugħa u li tittieħed azzjoni mmedjata fuqhom. Bħal kull sena, t-tim organizzattiv taħt it-tmexxija tal-Awtorità jagħmel sensiela ta’ laqgħat flimkien mal-istess Kunsill, fejn kemm jista jkun jiġu antiċipati problemi ta’ nkonvenjent. L-Awtorità tieħu l-inkarigu f’idejha b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrasttura, għat-tindif fiz-zoni kollha li jiġu effetwati minħabba l-Kunċert. Fil-fatt l-operazzjoni tat-tindif tibda minnufih malli jintemm il-Kunċert, bl-isforzi kollha biex sas-sebħ tal-għada fil-għodu r-residenti jisbħu f’żoni nodfa u kollox jerġa' lura għan-normal. Tajjeb ngħidu wkoll li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu taħdem id f’id mal-forzi tal-ordni u sigurta, biex jkun żgur li regolamenti u l-liġijiet jiġu osservati, fir-rigward tal-ħinijiet għal provi tas- sound u anke tal-kunċert innifsu.