B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14725, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna fl-użu tal-faċilitajiet taħt l-European Fund for Strategic Investments (EFSI)?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti break down dettaljat tal-investimenti barranin (FDI) f’Malta fis-snin 2012, 2013, 2014 u 2015 maqsuma skont is-setturi li fihom sar dan l-investiment?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jagħti break down dettaljat tal-investiment kapitali lokali f’Malta fis-snin 2013, 2014 u 2015 maqsuma skont is-setturi li fihom sar dan l-investiment?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ inċentivi li tħallsu lill-films jew audio-visual productions fis-snin 2013, 2014 u 2015 sena b’sena? Għal kull każ, jista’ jgħid:
a) x’kien l-isem tal-produzzjoni;
b) kemm intefqu flus f’Malta minn din il-produzzjoni;u
c) kemm tħallsu inċentivi u f’liema metodu tħallsu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-ammont ta’ flus li ntefqu f’Malta minn produzzjonijiet u l-ammont ta’ nċentivi li tħallsu hu kif ġej:
Ammont ta’ flus li ntefqu f’Malta (€)
Ammont ta’ nċentivi (€)
2015
104,989,536
18,841,240
2014
28,870,792
5,087,867
2013
4,411,491
1,010,140
Il-breakdown tal-figuri tal-ammont ta’ flus li ntefqu f’Malta minn produzzjonijiet u l-ammont ta’ nċentivi li tħallsu ta’ kull produzzjoni huwa ta’ natura kummerċjalment sensittiva u allura ser jingħata biss it-total.
Ngħarraf lill-Interpellant illi n-numru ta’ produzzjonijiet tal-2015 għadhom qed jiġu awditjati u għaldaqstant għadhom fuq bazi ta’ stima.
Il-flus jitħallsu direttament permezz ta’
bank transfer
wara li kull proġett jiġi awditjat minn awditur indipendenti u approvat mill-awtoritajiet konċernati.
Air Malta – ħaddiema — early retirement, voluntary redunancy jew skemi simili
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il impjegat f’kull grad tal-Air Malta ħa xi forma ta’ early retirement, voluntary redundancy u/jew xi skema simili ta’ tmiem tal-impjieg u kemm tħallsu komplessivament f’kull grad u jagħti l-informazzjoni mitluba skont il-grad li kienu jokkupaw l-impjegati konċernati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, billi ir-risposta tirrikjedi ammont ta’ xogħol u ħin biex tiġi mwieġba, jispeċifika l-perjodu li għalih qed jitlob l-informazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14686, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju/analiżi msemmi fit-tweġiba fuq l-edizzjoni tal-kunċert tal-MTV għas-sena 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
B’riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14686, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-analiżi dwar l-Isle of MTV sar kif kont infurmajt lil din il-Kamra fl-istess tweġiba. L-analiżi saru fuq tliet livelli. Wieħed li analizza l-kampanja fuq il-mezzi pubbliċitarji kollha tal–VIACOM, ieħor analizza kampanja nidpendenti ffukata fuq is-Social Media, u ieħor li tratta mistoqsijiet magħmula fuq kampjun ta’1800 ruħ maqsuma bejn 1,600 ruħ udjenza tal-MTV u 200 oħra li mhumiex.
Mill-analizi joħroġu rizultati relatati mal-pubbliċità ta’ dan l-avveniment, li permezz tiegħu qegħdin nippromovu l-Gzejjer Maltin. L-Awtorità Maltija għat-Turizmu ħadet ħsieb ukoll li l-analizi ikunu speċifikament immirati lejn is-swieq li fil-verità jinteressa s-settur turistiku tagħna, partikolarment fejn għandna rotot minn u lejn Malta.
Ir-riżultati miksuba meta wieħed jiġbor il-mezzi kollha publiċitariji tal-VIACOM u l-artist (twitter, facebook, instagram, eċċ) intlaħqu mhux anqas minn 315 miljun touch point, jiġifieri kemm il-messaġġ b’xi mod jew ieħor ikun miss ma’ konsumaturi.
F’kampanja separata ffukata fuq Social Media għal Malta Music Week u IoMTV, fuq Facebook waħdu intlaħqu mhux anqas minn 5.6 miljun persuna. Filmat li kien ittella fuq Facebook ukoll, kellu 1.7miljun View u 1.2miljun azzjoni (jiġifieri likes, shares, clicks u kummenti). Dawn huwa biss sommarju tat-tliet rapporti dettaljati li qed jiġu mqegħda fuq il-Mejda tal-Kamra: (i) IoMTV 2015 Report Debrief; (ii) Social Media Awarness Campaign; (iii) VIMN Contact report IoMTV 2015.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14688, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar xi proġetti saru jew qed isiru biex il-komunità Furjaniża tiġi kkumpensata għall-inkonvenjent li joħolqilhom il-kunċert tal-MTV?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14688, ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-frattemp saru u qed ikomplu jsiru diversi laqgħat mal-Kunsill Lokali Furjaniż dwar il-kollaborazzjoni u għajnuna għall-proġett fil-Furjana biex tibbenifika minnhu l-kommunità Furjaniza.
Il-Kunsill Lokali ssottometa lill-Awtorità Maltija għat-Turizmu l-proġett li jixtieq l-għajnuna għalih. Dan il-proġett qiegħed għal konsiderazzjoni tal-Awtorità sabiex ikun stabbilit b’liema rizors finanzjarju u/jew tanġibli ser tkun qiegħda tagħti l-għajnuna. Din id-deċiżjoni mistennija tkun ittieħdet fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jagħti timeline ta’ kif se ssir il-migrazzjoni tal-ITS mis-sit eżistenti għall-SmartCity Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qegħdin fi stadju avvanzat ta’ ippjannar tal– proġett tal-migrazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi mis-sit ezistenti f’San Ġiljan għal SmartCity. Aktar dettalji dwar dan jingħataw la darba din il-fazi tkun kompluta fix-xhur li ġejjien.
Belt Valletta – Proġetti/xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti/xogħlijiet infrastrutturali li saru mill-Kunsill Lokali fil-lokalità tal-Belt Valletta fis-snin 2013, 2014 u 2015 u għal kull proġett/xogħol jgħid:
a) fiex kien jikkonsisti;
b) meta sar;
c) min kien ikkuntrattat biex jagħmlu; u
d) kemm sewa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li matul is-snin 2013, 2014 u 2015 ma sarux proġetti/xogħlijiet infrastrutturali minħabba nuqqas ta’ fondi.
Madanakollu, il-Gvern, permezz tal-proġett Valletta 2018, qed jiffinanzja bosta proġetti kapitali u infrastrutturali fil-Belt Valletta fosthom saret Pjazza Kastilja mill-ġdid flimkien ma’ xogħlijiet f’Triq l-Ordinanza. Bħalissa għaddej xogħol f’Strada Stretta li qed tiġi rrennovata minn naħa ta’ fuq san-naħa t’isfel li jinkludi: xogħol fit-turġien kollu, wiċċ tat-triq ġdid, servizzi ġodda tad-dawl u kif ukoll lanterni ġodda apposta. Għaddej xogħol ukoll fuq ir-riġenerazzjoni tal-Biċċerija l-Antika li tinkludi wkoll l-infrastruttura tal-madwar kollha. Xogħlijiet oħrajn l-għaddejin fil-Belt Valletta bħalissa huma:
- Ir-riġenerazzjini tas-Suq l-Antik flimkien mal-privat.
- Ir-restawr fuq il-Knisja tal-Ġiżwiti
- Ir-restawr tal-faċċatta ta’ Palazzo Ferreria fejn illum hemm il-Ministeru tal- Familja u Solidarjeta’ Soċjali.
- It-tisbiħ ta' Pjazza San Ġwann, flimkien mal-arkati u l-faċċati tal-bini tal-Gvern fl-istess pjazza.
- Ir-restawr tal-Funtana tat-Tritoni u t-tkomplija tal-aħħar fażi tal-proġett tad-daħla tal-Belt Valletta.
Il-Belt Valletta – stabbilimenti ta’ divertiment u bars
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk l-istabbilimenti ta’ divertiment, bars jew postijiet simili li għandhom permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li joperaw tali attivitajiet fil-Belt Valletta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet, Full Development Applications, li ġew approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar relatati ma’ stabbilimenti ta’ divertiment u bars fil-Belt Valletta.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk l-istabbilimenti ta’ divertiment, bars jew postijiet simili li għandhom permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li joperaw tali attivitajiet f’San Ġiljan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ applikazzjonijiet, Full Development Applications, li ġew approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar relatati ma’ stabbilimenti ta’ divertiment u bars f’ San Ġiljan.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Financial Statement tal-Air Malta għas-sena li għalqet Marzu 2015?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-Financial Statements tal-Air Malta għas-sena finanzjarja li għalqet Marzu 2015 qed jitpoggew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dawn il-Financial Statements ilhom disponibbli b’mod pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-kumpanija sa minn Ottubru 2015.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ Financial Statements tal-ITS?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħal ma diga’ spjegajt f’Mistoqsija Parlamentari bin-numru 13633, datata 17 ta’ Frar 2015, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi ma jużax is-sistema ta’ accrued based accounting. Għaldaqstant, ma jistgħux ikunu forniti audited financial statements hekk kif mitlub.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ Financial Statements tal-MCC?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata.
Nserraħ moħħ l-Interpellant illi l-Bord u t-tim ta’ ġestjoni ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi qed jaħdem b’għaqal sabiex tittieħed kull opportunita’ ta’ nfluss kif ukoll jiġu kkontrollati l-ispejjeż sabiex l-entita’ tkun sostenibbli u kompetittiva fl-ambjent tas-settur tal-konferenzi illi kull ma jmur qed jikber.
Santa Venera – Proġetti/xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti/xogħlijiet infrastrutturali li saru mill-Kunsill Lokali fil-lokalità ta’ Santa Venera fis-snin 2013, 2014 u 2015 u għal kull proġett/xogħol jgħid:
a) fiex kien jikkonsisti;
b) meta sar;
c) min kien ikkuntrattat biex jagħmlu; u
d) kemm sewa?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mitluba tal-proġetti/xogħlijiet infrastrutturali li saru mill- Kunsill Lokali ta’ Santa Venera matul is-snin 2013, 2014 u 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid meta s-sit tal-Cafè Premier se jgħaddi għand il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li saru diversi laqgħat bejn il-partijiet konċernati li f’dan ir-rigward li kienu pożittivi immens.
Id-Direttorat tar-Restawr, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, ngħata l-inkarigu li jgħin lill-Kunsill Lokali sabiex isir dak kollu meħtieġ sabiex dan is-sit jiġi trasformat skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba mill-Kunsill stess. Wara konsultazzjonijiet bejn il-partijiet, id-Direttorat għadu kif għadda pjanti ġodda lill-Kunsill tal-Belt Valletta biex issa jkun f’pożizzjoni li dan jagħmel it-talba formali għad-devoluzzjoni tas-sit de quo.
Nieħu l-opportunita’ li nirringrazzja lill-partijiet kollha tal-koperazzjoni sħiħa li ntweriet mhux l-inqas mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li għarfu, b’għaqal, iżewġu l-ħtiġijiet tagħhom ma’ ċerti ħtiġijiet ta’ aċċess tal-Bibjoteka Nazzjonali sovrastanti.
Il-mira tal-Gvern hi li jsir dak kollu meħtieġ biex il-Kunsill Lokali jibda jopera minn dan is-sit f’din is-sena stess.
Fil-fehma tiegħi, bis-saħħa ta’ dan il-proġett ir-residenti tal-Belt u sa ċertu punt anke nies oħra li jidħlu l-Belt se jaraw titjib importanti fil-mod kif jirċievu numru ta’ servizzi li jkollhom bżonn minn żmien għal żmien.
Belt Valletta – lista ta’ permessi maħruġa mill-MEPA
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi li nħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal żvilupp fil-Belt Valletta fl-2014 u fl-2015? Għal kull każ, jista’ jgħid:
a) fiex kien jikkonsisti;
b) meta sar;
c) min kien ikkuntrattat biex jagħmlu; u
d) kemm sewa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjoniiet li ġew approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul is-snin 2014 u 2015 fil- Belt Valletta. Għal kull applikazzjoni qed tingħata il-proposta tax-xogħlijiet u id-data tad-deċiżjoni. L-Awtorità m’għandiex informazzjoni dwar min kien ikkuntrattat biex jagħmel ix-xogħol u kemm sewa.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern tax il-pjazza (kollha jew parti minnha) ta’ quddiem is-Suq tal-Belt lill-kumpanija li ngħatat il-kuntratt biex tirriġenera u tamministra s-Suq tal-Belt, b’titolu ta’ ċens jew kera jew fuq bażi ta’ encroachment? Jekk iva, jista’ jagħti t-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom din ingħatat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-suq tal-Belt u parti mill-pjazza ta’ quddiem l-istess binja jiffurmaw il-konċessjoni kollha li ser tingħata lill-kumpanija biex tiġġenera u tamministra din il-proprjetà b’titolu ta’ ċens, għal perjodu ta’ 65 sena. L-emfitewta huma marbuta li jagħmlu kontribuzzjoni ta’ mitejn u ħamsin elf ewro (€250,000) għal xogħol ta’ tisbieħ fiż-żona madwar il-bini tas-Suq inkluż il-parti tal-pjazza konċessa lilhom. Kemm il-darba ix-xogħol ta’ tisbiħ ma jsirx jew inkella tintefaq somma inqas mill-ammont indikat, allura din il-kontribuzzjoni jew parti minnha trid titħallas lill-Gvern skont it-termini tal-kuntratt taċ-ċens. Ngħarraf lill-Onor Interpelant li l-konċessjoni kienet approvata b’mod unanimu mill-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ftit tal-jiem ilu.