Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċini approvati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini kollha li ġew approvati mill-Government Formulary List Advisory Committee (GFLAC) minn Marzu 2013 sal-lum u f’kull każ jgħid meta l-mediċina rispettiva ġiet approvata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-mediċini li jiġu rakkomandati mill-Kumitat Konsultattiv tal-Formolarju tal-Gvern (GFLAC), u approvati mill-Kumitat Konsultattiv fuq Benefiċċji għall-Kura tas-Saħħa (ACHCB) ikunu inklużi fil-formolarju tal-Gvern.

Formularju – lista ta’ mediċini mneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini kollha li ġew imħassra mill-formolarju tal-Gvern minn Marzu 2013 sal-lum u f’kull każ jgħid meta l-mediċina rispettiva ġiet imħassra mill-imsemmi formularju?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.

Servizz tal-IVF — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw koppji għas-servizz tal-IVF sal-lum? Minn dawn il-koppji kemm intgħażlu biex jingħataw is-servizz?

Response (MIZZI, KONRAD)

S’issa kien hemm mitejn u ħamsa u għoxrin (225) applikazzjoni minn koppji għas-servizz ta’ IVF fl-Isptar Mater Dei. Fl-ewwel eżerċizzju li sar f’Novembru tas-sena li għaddiet, l-ART Prioritisation Committee għazel l-ewwel tlieta u ħamsin (53) koppja.

Servizz tal-IVF – applikazzjonijiet mhux milqugħa

Question

Mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-koppji, jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet (każ b’każ), għaliex ma ntgħażlitx kull koppja (minn dawk li applikaw) biex tieħu s-servizz tal-IVF?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-koppji li ġew identifikati mill-Assisted Reproductive Technology (ART) Prioritisation Committee li ma kienux eliġibbli fuq is-sistema tal-gvern ma kienux jaqgħu fil-kriterji stabbiliti.

Embryo Protection Authority – koppji mhux magħżula

Question

Minħabba li l-protokoll u l-linji gwidi maħruġa mill-Embryo Protection Authority ma jistipulawx kriterji ċari, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra x’kienu l-kriterji wżati biex jintgħażlu l-koppji?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-protokol maħruġ mill-Awtorita’ (l-Embryo Protection Authority) jistipula biċ-ċar il-kriterji tal-IVF li għandhom ikunu applikati. Il-kriterja ta’ elegibilita’ tal-NHS tinkludi wkoll li s-servizz tal-IVF huwa ofrut biss lil ġenituri prospettivi li ma jistax ikollhom wild b’mod bijoloġiku u għal ommijiet prospettivi ta’ bejn il-ħamsa u għoxrin (25) u t-tnejn u erbgħin (42) sena.

IVF – operaturi

Question

Minħabba li t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5942, m’għandha x’taqsam xejn mal-mistoqsija oriġinali, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk l-operaturi li huma approvati mill-Embryo Protection Authority li joperaw trattamenti tal-IVF u għal kull każ jgħid meta dawn applikaw mal-awtorità u meta ġew approvati?

Response (MIZZI, KONRAD)

M’huwiex il-kompitu tal-Embryo Protection Authority li japprova jew le, operaturi għat-trattament tal-IVF.

Dentistrija — investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7292, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kif ġie indirizzat dan il-każ? Jista’ jgħid ukoll jekk ittieħdux passi kontra min ikkawża l-inkonvenjent lill-pazjenti fil-ġranet imsemmija fil-mistoqsija originali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nerġa nirreferi għar-risposta li diġa ngħatat għal mistoqsija sebat elef, mitejn tnejn u disgħin (7292). Inżidu li dawk kollha li attendew d-dipartiment dak inhar, fil-jiem ta’ wara ngħataw is-servizz li kellhom bżonn.

Skema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — reġistrazzjoni ta' pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bidla fis-sistema tar-reġistrazzjoni ta’ pazjenti mas-sistema tal-POYC? Jista’ jikkonferma li kien hemm każijiet fejn pazjenti ġew reġistrati mas-sistema, u anke nħarġulhom il-vouchers, meta la l-ispiżjar u lanqas it-tabib ma kienu ffirmaw il-formola tar-reġistrazzjoni? Fil-każ li dan hu minnu, ma jaħsibx li tali sistema se tkun qed telimina l-involviment neċessarju tal-ispiżjara u t-tobba? Min awtorizza din il-bidla fis-sistema?

Response (MIZZI, KONRAD)

Mill-1 ta’ Jannar bdiet titħaddem sistema fil-POYC li permezz tagħha pazjent li jkollu bżonn il-kartuna s-safra (Schedule Five (V)), jieħu s-servizz f’temp ta’ ġurnata waħda minflok ma jdum ġimgħat kif kien isir fl-imgħoddi.

Mediċina Propranolol

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-prezz tal-mediċina Propranolol 10mg (li l-pazjenti jixtruha mill-Isptar Mater Dei) żdied b'55%, minn €6.98 għal €10.82?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-prezz tal-mediċini dejjem jirrifletti l-prezzijiet tas-suq.

Kura barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent intbagħat għall-kura barra minn Malta, bejn l-2000 u l-2010? Mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-pazjenti, jista' jindika l-kundizzjoni li għalihom ntbagħtu għall-kura?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Trattament barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħtu persuni għal trattament barra minn Malta bejn l-2010 u l-2013, sena b'sena, maqsumin skont liema pajjiż intbagħtu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Bejn l-elfejn u għaxra (2010) u l-elfejn u tlettax (2013) intbgħatu elf, erba’ mija, wieħed u sittin (1,461) persuna għal trattament barra minn Malta, l-maġġoranza ntbagħtu għall-kura l-Ingilterra. Pazjenti ntbagħtu wkoll għall-kura l-Italja, l-Awstrija u l-Isvizzera.

Sistema pubblika tas-saħħa — reġistru

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra r-reġistru li fih jinkludi l-benefiċċji, servizzi, interventi u t-trattamenti kollha pprovduti mis-sistema pubblika tas-saħħa, u l-ispiża u/jew it-tariffi ma’ kull tali benefiċċju, servizz, intervent u trattament hekk kif provdut fl-Att dwar is-Saħħa (Cap. 528)?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

ART Prioritisation Committee — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-ART (Assisted Reproduction Technology) Prioritisation Committee u x’remunerazzjoni u benefiċċji għandu/ha ċ-chairman u kull membru?

Response (MIZZI, KONRAD)

Iċ-Chairman tal-ART (Assisted Reproduction Technology) Prioritisation Committee huwa l-Professur Alfred Gatt u l-Professur Charles Savona Ventura, Dr. Patrick Sammut u s-Sa. Simone Attard huma l-membri. Iċ-Chairman biss jitħallas, skont il-ħinijiet li jagħmel u skont il-ftehim eżistenti li għandu l-Gvern mal-MAM.

Baġit 2014 — Vot Nru 0999 – Miscellaneous Receipts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6510 u 5921 u jagħti breakdown dettaljat ta’ fiex jikkonsisti l-Vot Nru 0999 bit-titlu Miscellaneous Receipts (Estimi 2014: paġna 316) u jagħtu elenku sħiħ ta’ kif inhu kompost l-ammont ta’ €1,800,000?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob biex din il-mistoqsija ssir lill-Ministeru konċernat.

Primary Health Care — Kap Eżekuttiv – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6533 u 5498 u ċjoè b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4208, jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-persuna konċernata?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Baġit 2014 — Line Item Nru 7137,Vot Nru XVI Capital bit-titlu – Karin Grech Rehabilitation Centre

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlmanetari 6520 u 5931 u jgħid għalxiex qiegħed inaqqas l-ammont allokat għax-xogħlijiet ta’ bini, upgrading u apparat fiċ-Ċentri tas-Saħħa taħt Line Item Nru 7137 taħt Vot Nru XVI Capital bit-titlu Improvements to buildings and equipment at Health Care Centres (Estimi 2014: paġna 330) b’60%?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob biex din il-mistoqsija ssir lill-Ministeru konċernat.

Sptar Mater Dei – spiża medja ta’ kull sodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6523 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5661, jista’ l-Ministru jagħti l-ispiża medja ta’ kull sodda (average cost per bed) ta’ kull sala u jagħti l-workings relatati ta’ kif jiġu allokati l­-overheads?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numri erbat elef, sitt mija, wieħed u sebgħin ( 4671). L-informazzjoni addizzjonali mitluba ma tistax tingħata minħabba raġunijiet kummerċjali.

Ministeru tas-Saħħa – nies kwalifikati

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi l-mistoqsijiet parlamentari 6525 u 5660 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-persuni li huma kkwalifikati fl-accounting, fl-auditing, u/jew fil-business management fid-dekasteru tiegħu u għal kull każ jgħid meta ġiet impjegata l-persuna, ġietx impjegata fuq bażi ta’ position of trust jew wara sejħa għall-applikazzjonijiet u x’inhi l-kariga tal-persuna llum?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni appuntati fuq bażi ta’ position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6529 u 5489 u jgħid min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ jista’ jgħid: l-isem tal-persuna appuntata; il-pożizzjoni li ġiet appuntata fiha l-persuna; id-data li fiha ġiet appuntata l-persuna; min għażel lill-persuna; il-kwalifiki akkademiċi tal-persuna; x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji kollha tal-persuna appuntata; min kien jokkupa l-pożizzjoni qabel, xi grad għandu llum u x’xogħol qed jagħmel illum; jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel, kenitx ġiet appuntata fuq il-bażi ta’ position of trust jew wara sejħa ta’ applikazzjonijiet; jikkonferma jekk l-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel ġietx imġiegħla tbiddel ix-xogħol tagħha jew inkella talbitx hi stess?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.