Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #4582 Sitting 74 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz tal-IVF – Tender — mediċini

Question

Peress li t-tender tal-IVF ma jsemmi xejn fuq mediċini, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan is-servizz se jkun servizz offrut b’xejn mill-istat, min se jħallas għall-mediċini?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #4570 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Jazz Festival - promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ promozzjoni saret qabel ma ttella’ l-Jazz Festival f’Għawdex? Kemm kienet l-ispiża totali ta’ dan l-avveniment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-promozzjoni li saret qabel ma ttella' l-jazz festival f'Għawdex kienet tikkunsisti f'żewġ billboards promozzjonali f'Malta, tqassim ta' posters f'Għawdex u flyers u leaflets promozzjonali. L-ispiza totali minn naħa tal-Ministeru għal Għawdex kienet ta' €1004.82.
Leg 12 PQ #4572 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Bajjiet mhux tajbin għal għawm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid tul is-sajf li għadda, bejn Mejju u Settembru 2013, kemm-il bajja indikata fil-lista tal-bathing waters ma kenitx tajba għal għawm? X’kienet ir-raġuni? Kien hemm rapport ta’ infezzjonijiet marbuta ma’ tniġġis fil-baħar? Jekk iva, kemm-il rapport kien hemm u x’tip ta’ infezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li minn mindu fetaħ l-istaġun tal-monitoraġġ taż-żoni uffiċċjali għall-għawm jiġifieri minn Mejju 2013 sa’ llum, ingħalqet temporanjament biss il-bajja magħrufa bħala tax-Xama ġewwa San Pawl il-Baħar (Kodiċi tas-Sit Ċ22) minħabba żbroff ta’ drenaġġ fit-12 ta’ Settembru, 2013. Din il-bajja reġgħet kienet tajba għall-għawm fit-18 ta’ Settembru, 2013 u dan wara li ttieħdu diversi kampjuni tal-ilma baħar li rriżultaw f’livelli aċċettabbli għall-għawm. Il-pubbliku kien infurmat permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa fiż-żewġ okkażżjonijiet. Fir-rigward tal-aħħar domandi dwar rapport ta’ nfezzjonijiet marbuta ma’ tniġġis fil-baħar u t-tip ta’ nfezzjonijiet, nixtieq ninforma li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment mill-pubbliku f’dan ir-rigward. Lanqas fit-Taqsima Kontroll u Prevenzjoni ta’ Mard fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika ma ġew irrapurtati każijiet ta’ nfezzjonijiet marbuta ma` tniggis fil-baħar.
Leg 12 PQ #4573 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Bathing Waters – sospensjoni tas-servizz telefoniku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn is-servizz telefoniku tal-bathing waters kien għal xi żmien sospiż tul il-perjodu Mejju u Settembru 2013?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li s-sistema awtomatika li tforni l-informazzjoni dwar il-kwalita` tal-ilma baħar kienet taħdem b’mod regolari sas-16 ta’ Settembru, 2013. Din is sistema żviliuppat ħsara fis-software tagħha liema hsara mhux possibbli li tissewwa minħabba inkompatibilita mat-teknologija attwali. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali qiegħed jistħarreġ possibilitajiet oħra sabiex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz fl-iqsar żmien possibbli. Sadanittant id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħareġ ukoll stqarrija għall-istampa rigward dan u f’din l-istqarrija l-pubbliku ġie avżat li hemm diversi modi kif wieħed jieħu l-informazzjoni aġġornata billi jista` jċempel lid-Direttorat, jibgħat imejl kif ukoll permezz tal-websajt tal-istess Direttorat jew il-paġna tal-facebook.
Leg 12 PQ #4574 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema minn dawn il-mediċini li jidhru hawn taħt huma out-of-stock u kemm ilhom out-of-stock: a) Aspirin 75mg - Attak ta' qalb, puplesija b) Atorvastatin 20mg, 40mg u 80mg - Kolesterol ċ) Betamethasone 0.05% - Ġilda d) Betamethasone 0.1% Scalp Solution - Qoxra fil-ġilda e) Brimonidine 0.2% eye drops - Pressjoni għolja fl-għajnejn f) Bumetidine 1mg tablets - Pressjoni għolja fid-demm g) Cabergoline 0.5mg tabs - Parkinsons ġ) Calcipotril 50 mcg ointment - Ġilda h) Carvedilol 6.25mg, 25mg - rata ta' kemm tħabbat il-qalb ħ) Diclofenac Sodium 25mg - Itaffu l-uġiegħ i) Epanutin - Epilessija j) Fluoxetine 20mg tabs - Dipressjoni k) Haloperidol 1.5mg - Kura tas-saħħa mentali l) Insulin pen needles 8mm - kontroll tad-diabete m) Losartan 50mg - Pressjoni għolja fid-demm n) Metaprolol 50mg - Rata ta' kemm tħabbat il-qalb o) Nifedipine S.R. 20mg tabs - Kontra pressjoni għolja u ċirkolazzjoni ħażina p) Nortriptyline 25 mg tabs - Dipressjoni q) Omeprazole 20mg - Aċtu fl-istonku r) Phentyoin 100mg caps - Epilessija s) Potassium Chloride 600mg - Potassju t) Ranitidine 150mg - Kontra l-Aċtu fl-istonku u) Risperidone 2mg - Dipressjoni u Skizofrenija v) Rivotril - Dipressjoni w) Ropinerole 1mg - Parkinsons x) Sulphasalazine 500mg - Iritazzjoni fl-imsaren y) Testosterone - Tumur fil-moħħ z) Travoprost / Latanoprost eye drops 40 mcg - Glaucoma ż) Trifluoperazine 1mg - Psikożi u Skizofrenija

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #4575 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini out-of-stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jaghmel il-Gvern biex isolvi l-problema tal-mediċini out-of-stock? X’rimedji qed joffri lill-pazjenti li għandhom bżonn mediċini li huma out-of-stock?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

L-Ono. Membru għandha tkun informata li minkejja l-fatt is-sitwazzjoni tal-mediċina out of stock hija wirt mill-Amministrazzjoni ta’ qabel, dan il-Ministeru qed jagħmel minn kollox biex jindirizza din is-sitwazzjoni fl-iqsar żmien possibbli. B’mod proattiv qed jiġu ntroddotti kulturi u metodi ta’ amministrazzjoni u immaniġġjar ġodda ibbażati fuq sistemi u sisien moderni ta’ enterprise resource planning li jiffaċilitaw u jsaħħu l-firxa ta’ operat kollu tas-supply/value chain tal-Qasam tas-Saħħa. Ta’ min jgħid li, għalkemm dan il-proċess beda biss ftit tax-xhur ilu, diġa bdejna naraw il-frott ta’ din il-ħidma intensiva u fejjieda għaliex illum il-ġurnata l-list tal-mediċina out of stock naqset drastikament. Ta’ minn iżid li peresss lis-sitwazzjoni tal- out of stock hija ta’ natura dinamika u tista tvarja minn ġurnata għal oħra u minn lokal għall-iehor, hemm mekkanismu li jiffaċilita’ ir-redistribuzzjoni tal-istokk disponibbli skond il-ħtieġa. Barra minn hekk, peress lin-nuqqas ta’ mediċini jista ukoll ikun gej minn sitwazzjonijiet internazzjonali dan il-Ministeru, flimkien ma' Stati oħra Membri Ewropej li bħalissa jinsabu ukoll f’sitwazzjoni simili tagħhna, qed jipparteċipa f’laqgħat imtella apposta biex jiġu identifikati opportunitajiet biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni fuq livell Ewropew sabiex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema biex il-poplu jkollu aċċess għall-mediċini bl-aktar mod effettiv. Irrid ukoll insemmi l-impenn ta’ dan il-Gvern li fid-diskors tal- Budget , il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li l-Gvern qed jilqa’ proposti dwar dan is-suġġett permezz ta’ White Paper għaliex għal dan il-Gvern is-sitwazzjoni li għandna llum, u li l-Onorevoli Membru taf sew għaliex kienet fil-Ministeru tas-Saħħa m’hijiex aċċettabbli u għalhekk il-proċess li writna jrid jinbidel.
Leg 12 PQ #4576 Sitting 73 2013-11-06 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Dipartiment tal-Emerġenza – xogħol strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop wara x-xogħol strutturali li qed isir fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei? Meta beda dan ix-xogħol? Meta se jitlesta?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li x-xogħol strutturali li sar f’żona 2 qrib id-dipartiment ta’ l- Emerġenza sar bl-iskop li l-pazjenti li jkunu qed jistennew biex jintbgħatu f’sala, għal kuntrarju li kien isir qabel jibdew ikunu f’ambjent aktar dinjituż. Dan ix-xogħol inbeda f’ Ġunju 2013 u tlesta f'Ottubru ta din is-sena. Nixtieq infakkar ukoll li f’dan ir-rigward bħalissa għaddejin bil-preparamenti meħtiega sabiex jinbeda l-proġett tal-estenzzjoni fid-dipartiment tal-emerġenza fejn se jiżdiedu 68 sodda, attrezzati bil-kumditajiet kollha, simili ta swali oħra biex meta tinqala sitwazzjoni fejn ikun pazjenti li qed jistennew sodda, dawn ukoll ikollhom id-dinjità tagħhom
Leg 12 PQ #4564 Sitting 72 2013-11-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għas-Saħħa f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum irriżenjaw 54 persuna mill-kariga tagħhom, u dawn kienu fil-gradi ta’: Basic Specialist Trainee, Casual Substitute Clerk, Dental Surgery Assistant, Director Nursing and Midwifery Services, Economics Officer, General Practitioner, House Dental Surgeon, House Officer, Medical Administrator, Medical Director, Medical Laboratory Scientist, Occupational Therapist, Officer in Scale 8, Officer in Scale 12, Pharmacist, Pharmacy Technician, Principal Speech Therapist, Radiographer, Resident Specialist, Senior Physiotherapist u Staff Nurse. Ma tinżammx informazzjoni dwar ir-raġuni għalxiex impjegati jirriżenjaw.

Kapijiet ta’ skejjel u għalliema — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il transfer ħareġ lill-kapijiet tal-iskejjel u għalliema minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid xahar b’xahar kif ħarġu dawn it-transfers u x’kienet ir-raġuni warajhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC – strateġija għal aktar impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl tal-istatistika li turi żieda ta’ kważi 9% fin-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol, x’inhi l-istrateġija tal-Ministeru tiegħu u tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) sabiex nies li qed jirreġistraw għax-xogħol ikunu aktar employable?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-istrateġija tal-Ministeru u dik tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) hija waħda u hija li nies li qed jirreġistraw għax-xogħol ikunu aktar impjegabbli. Dan qed isir permezz ta’ għadd ta’ miżuri: L-ETC tgħin lil min jibda jirreġistra għax-xogħol billi tipprovdi pariri dwar kif sorsi fejn tfittex ix-xogħol, u x’tip ta’ xogħol il-persuna tista’ tikkunsidra abbażi tal-kwalifiki, l-ħiliet, l-esperjenza u d-dispozizzjoni tagħha. L- employment adviser tal-ETC igħin lill-persuna qiegħda biex tfassal pjan t’azzjoni personali bil-għan li dan iwassal għal impjieg. L- employment adviser jibqa’ jsegwi lill-persuna fuq bażi regolari sakemm din tibqa’ tirreġistra. L-ETC tgħin ukoll billi tħarreġ persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’oqsma relatati max-xogħol li huma jkunu jixtiequ jagħmlu. Bħalissa qed issir ħidma biex il-korsijiet tal-ETC jiġu riveduti u tinkiseb l- accreditation tagħhom mill-NCFHE. B’hekk min ilesti b’suċċess kors tal-ETC akkreditat, jikseb ċertifikat rikonoxxut u skont wieħed mil-livelli tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Bdew ħergin sejħiet għal offerti għall-provvista ta’ taħriġ, bl-ewwel tender tkun għall-provvista ta’ taħriġ fil-qasam tal-informatika. Minbarra pariri u taħriġ, l-ETC tgħin ukoll billi tipprovdi skema ta’ xogħol fil-kommunita’ lil persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol bil-għan li dawn jerġgħu jidħlu fir-rutina tax-xogħol u jiksbu ħiliet li jagħmluhom aktar impjegabbli. Għal persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol u li huma żvantaġġati, jeżistu skemi li bihom l-ETC tipprovdilhom esperjenza fuq post tax-xogħol bil-għan li dawn isiru aktar midħla tad-dinja tax-xogħol, jiksbu ħiliet u preferibilment isibu mpjieg wara. Il-programm Job Bridge qed isir biex jgħin persuni b’diżabilita’ biex jiksbu ħiliet soċjali biex isiru inqas dipendenti fuq il-ġenituri u jkunu jistgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol.

Għalliema – Transfers – passi legali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm numru ta’ għalliema li ħarġitilhom transfer li mhux biss irrifjutaw it-transfer maħruġ lilhom, imma li saħansitra qed jieħdu passi legali kontra d-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-istess Ministru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li ma hemm l-ebda każ fejn inħareġ tansfer u ttieħdu passi legali kontra d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-istess Ministru. Jekk taf b'xi każ partikolari fejn ġara dak li qed tgħid l-Onor. Interpellanta, hija mitluba ġentilment tgħaddili t-tagħrif meħtieġ biex ninvestiga l-każ.

Transport Malta – Kap Eżekuttiv — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta l-kuntratt tal-impjieg tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jindika x’inhuma l-kredenzjali tal-individwu li wasslu biex hu jintgħażel għal din il-pożizzjoni? Jikkonferma li ma saret ebda sejħa pubblika għal dan il-post?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3910.

Proġetti ta’ toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li dan il-Gvern mhux se jaħdem fuq proġetti ta’ toroq ġodda? Jista’ jikkonferma jekk il-Ministru (jew persuna f’ismu) talabx lill-kunsilli lokali b’maġġoranza Laburista sabiex ma jagħmlux talbiet biex isiru toroq ġodda fil-lokalitajiet tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-toroq ġodda li jaqgħu taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta saru, qed isiru u se jibqgħu jsiru skont il-programm ta’ xogħol li qed jiġi mfassal u aġġornat. Ta’ min wieħed iżid li wara l-konsultazzjoni mal-kunsilli lokali żdiedu, mhux naqsu, toroq ġodda oħrajn. Niċħad li qatt għidt lil xi kunsilli lokali partikolari sabiex ma jsirux talbiet għal toroq ġodda, u mhux infurmat li xi persuna f’ismi qalet dan.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li offrew ir-riżenja tagħhom, kif ukoll lista tal-persuni ġodda li nħatru mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitivita’ u Tkabbir Ekonomiku. Bħalma jsir normalment qabel kull elezzjoni, iċ-chairpersons u l-Membri tal-Bordijiet u Kumitati offrew ir-riżenja tagħhom.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – Riżenja ta’ ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-unika rizenji kienu fuq il-Bord ta l-addozzjoni . Dr Ruth Farrugia minħabba li qegħda Chairperson tal-Kummisjoni Nazzjonali ta’Strateġija u Policy tat-tfal u Dr Ray Fenech u Ms Connie Griffiths Bianchi minħabba pressjoni ta xogħol. Minflok inħatru Dr Adrian Camilleri, Dr Francis Fenech u Dr Dione Mifsud.

Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-ufficju Segretarju Parlamentari ghad-Drittijiet ta’ Persuni b’Dizabilita’ u Anzjanità attiva f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ħadd li rriżenja mill-10 ta’ Marzu ‘l hawn.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien l-ebda persuna maħtura mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali f’kariga uffiċjali jew bord, li offriet ir-riżenja tagħha.
Leg 12 PQ #4562 Sitting 71 2013-11-05 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Finanzi f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Sur Anthony Valvo rriżenja u nħatar is-Sur Tony Meilaq. Il-Bord tal-ARMS ra li jkun fl-interess tal-kumpanija li titpoġġa taħt ic-chairmanship tal-WSC.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hi fin-negattiv.