Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali t’Għawdex – speċjalizzazzjonijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema speċjalizzazzjonijiet mediċi mhux qed jiġu offruti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed ma jridx jara l-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar St Luke’s kif inhuma llum, imma kif huwa propost li jiġi żviluppat. Meta l-Isptar ikun żviluppat fuq il-pjan li ħareġ fuq l-RFP, dan se jkun jista’ jaqdi ħafna mill-bżonnijiet ta’ taħriġ u placements għal Barts Medical School u St. Luke’s. F’każijiet speċifiċi it-taħriġ jista’ jsir f’postijiet oħra wkoll.

Infermiera tal-ambulanzi – uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħataw l-uniformijiet il-ġodda lill-infermiera tal-ambulanzi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirriżultalix li inbiddlu l-uniformijiet tal-infermiera.

Infermiera tal-ambulanzi – uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li m’hemmx biżżejjed uniformijiet u/jew PPE (helmets, ġgieget hi-vis, safety shoes, eċċ.) ta’ kull qies għall-infermiera tal-ambulanzi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Id-dipartiment tas-saħħa jipprovdi uniformijiet u PPE ta' diversi daqsijiet. F’każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm ħtieġa ta’ daqs akbar jew iżgħar minn dak provdut lill-individwu jingħata refund ekwivalenti għall-prezz tal-uniformi.

Infermiera tal-ambulanzi – uniformijiet — xiri

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm infermiera tal-ambulanzi li kellhom jixtru l-uniformijiet tagħhom għax ma kienx hemm mill-qies tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 14923.

Nurse in Charge tal-ambulanzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li n-nurse in charge tal-ambulanzi tad-Dipartiment tal-Emerġenza qed jaħdem bħala project manager/co-coordinator? Jikkonferma li din il-persuna ma taħdimx Ħdud u festi imma titħallas xorta tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Iċ-charge nurse tad-Dipartiment tal-Emerġenza huwa involut direttament fil-proċess ta’ ristrutturar li għaddej minnu dan id-dipartiment. Il-ħaddiem involut jaħdem skont l-esiġenzi tas-servizz kif indikat mill-maniġment.

Infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza – xiri ta’ polo shirts

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sejħa għat-tender għax-xiri ta’ polo shirts għall-infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza bħal parti mill-uniformi tas-sajf?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tender document huwa accessibli online.

Statistika tat-tuberkolożi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-aħħar statistika tat-tuberkolożi għas-snin 2013 u 2014 u jqabbel l-istess figuri mal-medja Ewropea?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ir-rata ta’ każijiet ġodda ta’ Tuberkulożi kien ta’ 11.9 f’kull 100,000 persuna f’Malta fl-2013 (50 każ), u 11.0 f’kull 100,000 persuna f’Malta fl-2014 (47 każ). Ir-rata ta’ każijiet ġodda fir-reġjun ‘EU/EEA’ kienet ta’ 12.7 f’kull 100,000 persuna fl’Ewropa fl-2013.

Servizz tal-Ambulanzi — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma tas-servizz tal-ambulanzi?

Response (MIZZI, KONRAD)

F'dak li jirrigwardja d-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, ir-riforma tas-servizz tal-ambulanza qed tiġi mplimentata.

Servizz tal-Ambulanzi – tneħħija ta’ nurse in charge

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn in-nurse in-charge, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tneħħiet mis-servizz tal-ambulanzi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Din l-impjegata wkoll intalbet taħdem skont l-esiġenzi tas-servizz kif indikati mill-manigment.

Servizz tal-Ambulanzi – Pre-Hospital

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mis-servizz tal-ambulanzi msejjaħ pre-hospital li għalih applikaw 23 persuna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riforma fid-Dipartiment tal-Emerġenza għaddejja b'ritmu sodisfaċenti u kif ippjanat.

Servizz tal-Ambulanzi – Pre-Hospital — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom l-applikazzjonijiet tat-23 persuna li applikaw għas-servizz tal-ambulanzi msejjaħ pre-hospital?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14919.

Operations Manager Ambulance Garage – esperjenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’esperjenza għandha l-persuna li nħatret bħala operations manager ambulance garage? Din il-persuna taf tuża kompjuter? Taf fiex jikkonsisti l-apparat tal-ambulanzi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegat inkwistjoni jgawdi esperjenza fil-kamp tal-immaniġġar ta' flotot kbar ta' vetturi. L-impjegat inkwistjoni ngħata t-taħriġ neċessarju fl-ambitu tal-esiġenzi li huwa mitlub jaqdi.

Fiżjoterapisti – interview

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta biħsiebu jimpjega l-fiżjoterapisti li ggradwaw, għamlu l-interview f’Awwissu 2014, u għadhom ma ġewx impjegati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-fiżjoterapisti diġà ħarġet.

Ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa – professional indemnity insurance

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13101 u jgħid liema huma dawk il-kategoriji ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li huma koperti bil-professional indemnity insurance?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tindika għal liema professjonisti qed tirreferi.

infermiera — Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13006 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim kollettiv għall-infermiera?

Response (MIZZI, KONRAD)

Mhux prassi tad-dipartiment tas-saħħa li dan it-tip ta’ ftehim kollettiv jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tobba — Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13005 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim kollettiv għat-tobba?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14912.

SART — twaqqif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx is-SART (Sexual Assault Response Team) kif stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Ċentri tas-Saħħa u Sptar Mater Dei – servizzi relatati ma’ vjolenza domestika u rape

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ servizzi qed joffru ċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Isptar Mater Dei fir-rigward ta’ vjolenza domestika u rape?

Response (MIZZI, KONRAD)

Każijiet ta' vjolenza domestika u ta' stupru jiġu rrapurtati lill-pulizija minnufih. Il-każijiet ta' stupru jiġu rreferuti lil team specjalizzat fl-Isptar Mater Dei fejn teżisti setup apposta biex il-każ jiġi ttrattat b'mod adegwat u ssir l-eżaminazzjoni forensika meħtieġa. Fil-każijiet ta' vjolenza domestika, it-tobba li jagħtu l-kura għandhom ukoll il-faċilità li jirreferu għand professjonisti oħrajn skont il-każ.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – pagamenti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13249 u jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li l-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jridu jħallsu għal xiri ta’ prodotti u materjali, servizzi (jiġifieri kull xorta ta’ xiri minbarra prodotti farmaċewtiċi) kif ukoll xogħlijiet, fl-aħħar ta’ Novembru 2014? Kemm hu ż-żmien ta’ dewmien (f’termini ta’ ġranet) lil dawn il-kredituri (dak li jissejjaħ ageing)?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Lista ta’ kuntratti, direct orders u kummissjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13241 u 12372 u jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sal-lum? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provvista li jkopri; c. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.