Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Karen Grech – Speech-Language Pathologists

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20578 u jgħid kemm hemm speech-language pathologists li qed jagħtu servizz fi ħdan l-Isptar Karen Grech? F’liema dipartiment qegħdin u x’servizz qed jagħtu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li gewwa l-Isptar Karen Grech hemm 7 speech-language pathologists’ u jagħtu servizzi tagħhom fl-in-patient wards kif meħtieġ.

Visas lill-barranin għal raġunijiet mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 20542 u 20222 u jgħid sena b’sena kemm ingħataw visas mal-wasla fl-ajruport (border visas) lill-barranin għal raġunijiet mediċi minn Marzu 2013 sal-lum? Lil liema nazzjonalità ngħataw? Jista’ jispeċifika n-numru ta’ visas skont in-nazzjonalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Formularju tal-mediċini — lista ta' mediċini li tneħħew

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19029 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' mediċini li tneħħew mill-formolarju tal-mediċini mill-2013 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jindika b'mod ċar kull mediċina għal liema kundizzjoni tintuża?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba qed tinġabar.

National Cancer Strategy

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23243, jista’ l-Ministru jgħid, il-Gvern, meta għandu pjan li jippubblika t-tieni National Cancer Strategy?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol intensiv qiegħed jitkompla sabiex jinbena l-Pjan Nazzjonali kontra l-Kanċer. Bħalissa qed isir l-Pjan t’Azzjoni b’numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjonijiet u riviżjoni ta’ dokumenti.

Sptar Mater Dei – pazjenti li ġew discharged re-admitted ftit ġranet wara

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 23242, jista’ l-Ministru jgħid minn Jannar 2015 sa Jannar 2016 (xahar b’xahar) in-numru (mhux persentaġġi) ta’ pazjenti li ġew discharged mill-Isptar Mater Dei biex reġgħu daħlu wara inqas minn ħamest ijiem?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2015 u Jannar 2016 il-medja ta’ pazjenti li ġew discharged mill-Isptar Mater Dei u reġgħu daħlu lura b’mod urġenti taħt l-istess speċjalità medika wara inqas minn ħamest ijiem, hija ta inqas minn 1% tat-total li gew discharged fix-xahar.

Dipartiment tas-Saħħa — investigazzjonijiet

Question

B’referenza għar-rapport li deher f’paġna 3 tal-ħarġa ta’ The Times of Malta tal-Erbgħa, 3 ta’ Frar 2016, jista’ l-Ministru jgħid x’investigazzjonijiet saru mid-Dipartiment tas-Saħħa fuq dan il-każ (fejn hemm rapportat li persuna li kienet taħdem fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani ppreżentat file maħruġ mill-Isptar waqt proċeduri oħra u li din il-persuna mhux suppost kellha dan il-file fil-pussess tagħha)? Min mexxa dawn l-investigazzjonijiet? Meta bdiet l-investigazzjoni u meta ġiet magħluqa? Jista’ jgħid għaliex ladarba rriżulta li persuna kellha f’idejha dokumenti privati li ttieħdu mill-Isptar, ma nħassx il-bżonn li jsir rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw kif inħareġ dan il-file?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li ngħatajt mill-amministrazzjoni tal-Isptar t’Għawdex jirriżulta li saret investigazzjoni interna biex jiġu stabbiliti l-fatti f’dan il-każ u jiġu suġġeriti miżuri f’dan ir-rigward. L-Amministrazzjoni tal-Isptar t’Għawdex saret taf b’dan il-każ fid-29 ta’ Ġunju 2015 u mal-ewwel inħatar bord ta’ inkjesta mill-istess management . Jirriżulta li meta l-bord talab id-dokument lill-rappreżentant legali tal-persuna in kwistjoni, biex ikun stabbilit eżatt il-każ, dawn id-dokumenti miktuba qatt ma ntbagħtu bil-konsegwenza li l-bord ma setax jistabilixxi l-fatti. Il-persuna li allegatament qed isiru l-akkużi kontriha kienet irreżenjat b’effett immedjat. Tajjeb li ngħid ukoll li ma sar l-ebda rapport lill-pulizija, mill-vittma dwar dan il-każ. L-amministrazzjoni tal-isptar ħadet passi amministrattivi biex tassigura li l-informazzjoni tkun protetta.

Ftehim Kollettiv – Allied Health Care Professions

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21475, 14908 u 13007 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim kollettiv għall-Allied Health Care Professions?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika għal-liema ftehim kollettiv qed tirreferi.

Sptar tal-Onkoloġija — kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21473, 15956, 14900, 13994 u 13199 u jgħid jekk hemmx xi kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-bini u t-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija li huma in delay fix-xogħol kuntrattat lilhom? Fil-każ li hemm, jista’ jelenka min huma l-kuntratturi in delay, għal xiex kienu kkuntrattati u fiex u b’kemm qegħdin in delay?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Isptar Sir Anthony Mamo beda jopera minn Dicembru 2014, waqt li l-migrazzjoni kompluta minn Boffa saret f’Settembru 2015. Waqt illi x-xogħol f’dan l-isptar huwa komplut għad fadal numru żgħir ta’ snagging li qed isir.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — kuntratti, direct orders u kummissjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21472, 15964, 14905, 13241 u 12372 u jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sal-lum? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-i scope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provvista li jkopri; c. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba qed tinġabar.

Persuni appuntati fuq bażi ta’ position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21476, 14906, 13015, 12329, 8136, 6529 u 5489 u jgħid min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ jista’ jgħid: a. l-isem tal-persuna appuntata; b. il-pożizzjoni li ġiet appuntata fiha l-persuna; c. id-data li fiha ġiet appuntata l-persuna; d. min għażel lill-persuna; e. il-kwalifiki akkademiċi tal-persuna; f. x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji kollha tal-persuna appuntata; g. min kien jokkupa l-pożizzjoni qabel, xi grad għandu llum u x’xogħol qed jagħmel illum; h. jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel, kenitx ġiet appuntata fuq il-bażi ta’ position of trust jew wara sejħa ta’ applikazzjonijiet; u i. jikkonferma jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel ġietx imġiegħla tbiddel ix-xogħol tagħha jew inkella talbitx hi stess għal dan?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — lista ta' assignments

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21471 15966, 14901 u 13264 u jagħti l-lista ta’ assignments u/jew kummissjonijiet għall-konsulenzi, rapporti, studji u eżerċizzji oħra simili li tqabbdu mid-Dipartimenti u l-entitajiet kollha fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sa Novembru 2014? F’kull każ, jista' jgħid: (a) x’kien l-iskop tax-xogħol imqabbad; (b) meta tqabbad; (ċ) kemm sewa jew se jiswa; (d) kif intgħażel il-kuntrattur; (e) min għażel il-kuntrattur; u (f) meta tlesta x-xogħol jew se jitlesta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba qed tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – kuntratturi li jagħtu servizz

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li l-kuntratturi kollha li qed jagħtu servizzi lill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa mhux qed iħaddmu persuni f’kundizzjonijiet prekarji fosthom paga iktar baxxa minn dik stipulata mil-liġi u/jew kuntratti definiti li jridu jiġġeddu kull ftit xhur?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tiġdid ta’ kuntratti jew rebħ ta’ kuntratti ġodda qegħdin isiru skont iċ-Ċirkulari maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti, speċifikament ċirkulari 4/2015 fuq servizzi marbuta ma’ servizzi ta’ tindif, servizzi klerikali, servizzi ta’ sigurta’, kif ukoll servizzi ta’ careworkers. Ir-rati kuntrattwali mħallsa lill-kuntratturi huma ekwivalenti jew saħansitra ogħla mir-rati minimi indikati fl-imsemmija ċirkulari. Il-kuntratti mġedda jew mrebbħa jobbligaw lill-Kuntrattur jonora t-termini u kundizzjonijiet speċifikati f’din iċ-ċirkolari.

Dipartimenti tas-Saħħa u Sptarijiet – tilwim industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-Dipartimenti tas-Saħħa u Sptarijiet li fihom għandhom jew kellhom tilwim industrijali minn Jannar 2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jindika f’kull każ ma’ liema union hemm dan it-tilwim industrijali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Tobba speċjalizzati fil-Ġerjatrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna tobba li huma speċjalizzati fil-Ġerjatrija? X’qed jagħmel il-Gvern biex jattira tobba biex jispeċjalizzaw fil-Ġerjatrija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bhalissa hemm 1 Clinical Chairperson, 9 Consultants u 2 Resident Specialists specjalizzati fil-Gerjatrija. Hemm 4 Higher Specialist Trainees li qeghdin jistudjaw din l-ispecjalizzazjoni. Il-Gvern qed jaghti l-opportunita lil Foundation Doctors u l-Basic Specialist Trainees li jagħzlu li jispecjaliżżaw fil-mediċina, sabiex jaħdmu għal xi xhur fid-Dipartiment tal-Ġerjatrija. Is-sejħiet ghal-Higher Specialist Trainees joħorġu kull sena.

European Medical Corps

Question

Peress li fil-15 ta’ Frar 2016 l-Unjoni Ewropea waqqfet il-European Medical Corps (EMC), jista’ l-Ministru jgħid jekk u kif se jkun involut pajjiżna f’dan il-proġett?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qeghdin isiru diskussjonijiet interni u interministerjali sabiex nindikaw kif Malta, tista' tippartecipa f'dan il-progett.

Sptar Monte Carmeli – YPU – kura liż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm u kemm kien hemm żgħażagħ għall-kura fil-YPU fl-Isptar Monte Carmeli minn Jannar 2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent gewwa l-Youth Residence hemm 5 persuni. Filwaqt li minn Jannar 2016 sal-15 ta’ Marzu 2016, kien hemm total ta’18 il-persuna, li kienu ghal-kura fil-Youth Residence. L-eta’ ta’ dawn il-persuni tvarja minn 8 sa 17-il sena.

Swine Flu – miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl tar-rapporti persistenti ta’ tixrid estensiv ta’ Swine Flu fil-Lvant tal-Ewropa u fil-Lvant Nofsani li qatlet numru sostanzjali ta’ persuni tul ix-Xitwa 2015-2016, x’miżuri qed jittieħdu fil-konfront ta’ persuni li qed iżuru pajjiżna minn din il-parti tad-dinja?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ghaqda Dinjija Tas-Sahha ma’ ghamlet l-ebda’ restrizzjoni ta’ vjaggar rigward l-Influwenza stagjonali, madankollu d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard għandna sistema ta’ sentinel surveillance biex insegwu l-izvilupp tal-influwenza f’pajjiżna. Sabiex innaqqsu l-firxa tal-Influwenza staġjonali f’Malta, il-mizuri li ttiehdu kienu: - kampanja biex tittieħed il-vaċċin kontra l-influwenza. Infatti ttieħdu 72,835 vaċċin - kampanja ta’ prevenzjoni għall-Influwenza li tinkludi mizuri ta’ iġene tajba u biex tevita kuntatt bla bżonn ma’ nies oħra. -Gie ippublikat fuljett dwar l-Influwenza u avviżi fuq il-social media.

Liġi tal-Identità tal-Ġeneru – Grupp Interdixxiplinari

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23729, il-Ministru hu konxju li bin-nuqqas tat-twaqqif tal-grupp interdixxiplinari, qed tinkiser il-liġi tal-Identità tal-Ġeneru? Huwa konxju li hemm numru ta’ familji li qed jistennew b’ħerqa kbira li jitwaqqaf dan il-kumitat? Jista’ jindika meta se jkunu konklużi dawn id-diskussjonijiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Qtar tal-Għajnejn Azopt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li qed jitolbu biex jerġgħu jibdew jużaw il-qtar tal-għajnejn Azopt għaliex il-qtar li qed jintuża minfloku qed jaħraqilhom għajnejhom? Hemm xi ħsieb li dan il-qtar jerġa’ jibda jingħata?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba ta’ dawk il-pazjenti li kellhom problema bil-qtar tal-għajnejn Dorsolamide u li l-Konsulent tagħhom irrakkomandalhom biex issa jibdew jużaw il-qtar tal-għajnejn Brinzolamide, ġiet milquha u dan il-qtar se jitqassam fil-ġimgħat li ġejjin.

Sptar Mater Dei – ħaddiema tas-sigurtà – Allied Health Assistants

Question

Jista’ jikkonferma li fix-xhur ta’ Frar u Marzu 2016, ħaddiema tas-sigurtà li jaħdmu mal-kuntrattur privat fi ħdan l-Isptar Mater Dei qed jitqabbdu jagħmlu xogħol tal-Allied Health Assistants? Jista’ jikkonferma li dawn il-ħaddiema mhumiex imħarrġa u mħallsa biex jagħmlu dan ix-xogħol li jinkludi assistenza lill-Medical Lab Scientists (li xogħolhom huwa li jipproċessaw it-testijiet tad-demm) imma qed ikunu mqabbda jagħmlu dan ix-xogħol biex jaġixxu bħala strikebreakers?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema tas-sigurtà bl-ebda mod ma qegħdin ikunu nvoluti mal-ipproċessar ta’ ‘samples’. L-Awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei se jibqgħu jagħmlu minn kollox biex jiżguraw kontinwità tas-servizz għall-pazjenti.