Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28637 u jelenka d-direct orders kollha li huwa awtorizza fl-2015 u fl-2016? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25723, 25569, 24002, 21476, 14906, 13015, 12329, 8136, 6529 u 5489 u jgħid min kienu l-persuni li appunta fuq bażi ta’ position of trust mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ jista’ jgħid:
a. l-isem tal-persuna appuntata;
b. il-pożizzjoni li ġiet appuntata fiha l-persuna;
c. id-data li fiha ġiet appuntata l-persuna;
d. min għażel lill-persuna;
e. il-kwalifiki akkademiċi tal-persuna;
f. x’inhuma s-salarju u l-benefiċċji kollha tal-persuna appuntata;
g. min kien jokkupa l-pożizzjoni qabel, xi grad għandu llum u x’xogħol qed jagħmel illum;
h. jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel, kenitx ġiet appuntata fuq il-bażi ta’
position of trust
jew wara sejħa ta’ applikazzjonijiet; u
i. jikkonferma jekk il-persuna li kienet tokkupa l-pożizzjoni qabel ġietx imġiegħla tbiddel ix-xogħol tagħha jew inkella talbitx hi stess għal dan?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-ewwel parti tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29338.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29200, jista’ l-Ministru jgħid meta qed tkun miftuħa l-Fibromyalgia Clinic fiċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Floriana? Jista’ jikkonferma li minħabba nuqqas ta’ persuni speċjalizzati biex jaħdmu f’dan il-qasam, il-Fibromyalgia Clinic mhux qed tkun miftuħa kif indikat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Fibromyalgia Clinic fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana tkun miftuħa kull nhar ta’ ġimgħa wara nofs inhar. Ninformaha ukoll li din il-klinika baqgħat tinfetaħ kull gimgħa sa mill-bidu tal-ftuħ tagħha sal-lum.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25722, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti reġistrati li qed jistennew data biex jagħmlu operazzjoni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pazjenti rreġistrati jistennew biex jagħmlu operazzjoni sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2016 kien ta’ 14,009. Tajjeb li nfakkarha illi għal aħħar tal-2012 taħt gvern preċidenti, kif taf hi n-numru ta’ pazjenti jistennew għal-operazzjoni kien eluf aktar minn dak preżenti.
Bini tal-Parlament – Spezzjonijiet għal-Legionella
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispezzjonijiet għal-Legionalla fil-Bini tal-Parlament sarux għax kien hemm rapport li persuni setgħu kienu nfettati mil-Legionella?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispezzjonijiet inkluż it-teħid tal-kampjuni ma sarux għax kien hemm rapport li persuni setgħu kienu nfettati mil-Legionella iżda fuq rikjesta mill-persuna responsabbli mill-Kamra tar-Rappreżentanti għal testijiet fuq is-sistema tal-ilma.
Jista’ l-Ministru jgħid id-data eżatta ta’ meta nstabet il-Legionella fil-Bini tal-Parlament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li ttieħdu l-kampjuni neċessarji mill-bini tal-Parlament, fis-27 ta’ Diċembru, 2016 rriżulta li tnejn mill-kampjuni analizzati kienu kontaminati bil-batterju tal-Legionella.
Siti marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema data bdew l-ispezzjonijiet tas-siti fejn għandhom isiru l-attivitajiet marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema spezzjonijiet qed tirreferi.
Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali – Spezzjonijiet fuq is-siti marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema siti fejn għandhom isiru l-attivitajiet marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f’Malta ġew spezzjonati mid-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet f’siti marbutin mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għadhom għaddejjin u s’issa saru fil-Grand Master Palace, fil-lukandi: Kempinski, Corinthia Palace, Corinthia San Gorg, DB San Antonio, Grand Hotel Excelsior, Hilton, Intercontinental, Le Meridien, Radisson Blu Resorts, Pheonicia, Dolmen Resort, Palazzo Capua, The Palace u The Victoria, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Xara Lodge, L-Forti ta’ Sant Anġlu, Notre Dame Gate, il-Mużew Marittimu, Esplora Bighi, Montekristo Estate, Casino Maltese u Palazzo De Piro.
Mistiedna marbuta mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea — lukandi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-lukandi fejn il-mistiedna marbuta mal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed joqogħdu ġewx spezzjonati qabel ma’ Malta ħadet il-Presidenza? Jekk iva, meta ġew spezzjonati? Jekk le, għalfejn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika għal liema spezzjonijiet qed tirreferi.
Council for the Professions Complementary to Medicine
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ltaqa’ l-aħħar il-Council for the Professions Complementary to Medicine? Kemm-il darba ltaqa’ dan il-kunsill minn mindu nħatar f’Lulju 2016? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġenda tal-aħħar laqgħat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma l-Onor.i Interpellant li l-aħħar żewg laqgħat tal-Kunsill għall-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina kienu fis-19 ta' Diċembru 2016 u fis-16 ta’ Jannar 2017.
Supplementary Financial Estimates 2016 – Professional Services
Question
B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vote 31, (31) Professional Services, jista' l-Prim Ministru jgħid kif is-somma approvata ta' €60,000 żdiedet bi €825,000 għal nefqa totali ta' kważi 15-il darba aktar mis-somma approvata fil-baġit 2016? Jista' jgħid fiex marret din in-nefqa u liema huma dawn il-Professional Services? Jista' jgħid ukoll jekk din in-nefqa addizzjonali saritx wara ħruġ ta' tenders jew sejħiet pubbliċi oħra jew jekk saritx permezz ta' direct orders?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li l-flus allokati fuq Item 31 – Professional Services żdiedu ad hoc minħabba servizzi professjonali speċifiċi mitluba. Dawn l-ispejjeż addizzjonali kienu kollha koperti b’approvazzjonijiet mill-Ministeru tal-Finanzi.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li waqt li l-estimi supplimentari għall-2016 huma 3.6% iżjed mill-baġit, fl-2001 l-estimi supplimentari ta’ Gvern Nazzjonalista kienu 5.5% tal-bagit ta’ dik is-sena u dawn żdiedu għal 7.7 % fl-2004. Fl-2008 kienu agħar - rekord ta’ 16% tal-baġit. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-2013 dan il-gvern sab ma' wiċċu deficit ferm ogħla minn dak imbassar, b'riżultat li pajjiżna reġa' ddaħħal fil-proċedura ta' deficit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet it-tielet darba f'10 snin li ġara hekk. Għal dis-sena iżda d-deficit mistenni jkompli niżel għal 0.5%. Dan il-gvern bil-kontra ta’ gvernijiet oħra fl-imgħoddi, huwa determinat li bil-fatti jaqta' l-iżbilanċ fiskali għal kollox biex Malta tibda tirreġistra bilanċ favorevoli għall-ewwel darba fi snin sħaħ.
Supplementary Financial Estimates 2016 – Projects Malta
Question
B'referenza għas-Supplementary Financial Estimates 2016, Vote 31, (5780) Projects Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid kif is-somma approvata ta' €1,100,000 żdiedet b'€2,075,000 biex in-nefqa totali laħqet is-somma ta' €3,175,000 (aktar minn tliet darbiet mis-somma approvata fil-Budget 2016? Jista' jgħid fiex marret din in-nefqa u liema huma dawn il-Professional Services? Jista' jgħid ukoll jekk din in-nefqa addizzjonali saritx wara ħruġ ta' tenders jew sejħiet pubbliċi oħra jew jekk saritx permezz ta' direct orders?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat minn Projects Malta li s-somma approvata telgħet b’ €1,924,976 u mhux b’ €2,075,000 kif qed jintqal mill-Onor. Interpellant. L-ammont allokat għaldaqstant jammonta għal €3,024,976. It-€3 miljuni kienu meħtieġa biex Projects Malta Ltd tilħaq l-objettivi tagħha li jirriflettu numru dejjem jiżdied ta’ proġetti ambizzjużi li l-Gvern qed jaħdem biex jimplimenta sabiex ikompli jtejjeb il-ħajja tan-nies. Minn dawn it-€3 miljuni, Projects Malta għaddiet subvention ta’ €590,000 lil 3 entitajiet li jaqgħu taħtha skont ftehimiet li saru : Trade Malta, Yachting Malta u l-iMrieħel Foundation. Intużaw €1.6 miljun għal servizzi legali, ta’ project management, perizja u oħrajn, b’rabta mal-proġetti li ġew delegati lilha sabiex jigu implimentati.
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li waqt li l-estimi supplimentari għall-2016 huma 3.6% iżjed mill-baġit, fl-2001 l-estimi supplimentari ta’ Gvern Nazzjonalista kienu 5.5% tal-baġit ta’ dik is-sena u dawn żdiedu għal 7.7 % fl-2004. Fl-2008 kienu agħar - rekord ta’ 16% tal-baġit. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li fl-2013 dan il-gvern sab ma' wiċċu deficit ferm ogħla minn dak imbassar, b'riżultat li pajjiżna reġa' ddaħħal fil-proċedura ta' deficit eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea. Din kienet it-tielet darba f'10 snin li ġara hekk. Għal dis-sena iżda d-deficit mistenni jkompli niżel għal 0.5%. Dan il-gvern bil-kontra ta’ gvernijiet oħra fl-imgħoddi, huwa determinat li bil-fatti jaqta' l-iżbilanċ fiskali għal kollox biex Malta tibda tirreġistra bilanċ favorevoli għall-ewwel darba fi snin sħaħ.