Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31999 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

VGH – flus allokati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31848, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu b’kollox il-Vitals Global Healthcare (VGH) fis-sena 2016? Din il-figura tinkludi l-pagi jew le? X’sar mill-VGH b’dawn il-flus allokati lilhom mit-taxxi tal-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29182.
Leg 12 PQ #32000 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ftehim mal-Vitals Global Healthcare

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31847, jista’ l-Ministru jgħid f’liema fażi tal-ftehim mal-Vitals Global Healthcare (VGH) kien involut hu direttament? Jaqbel mal-fatt li l-kuntratt kien iffirmat personalment mill-Ministru Konrad Mizzi u mhux minn uffiċjal għoli fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31847, ninfurmaha illi kif inhu evidenti mill-kuntratti ppubblikati fid-19 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, il-firmatorju minn naħa tal-Gvern kien il-Ministru Mizzi.
Leg 12 PQ #32001 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Vaċċin tal-Meningitis B

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31846 jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern u tad-Dipartiment tas-Saħħa fuq it-tilqima tal-Meningitis B? U x’qed jagħmel il-Gvern biex ma jkunx hemm abbuż fil-prezz li qed tinbiegħ din it-tilqima?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31846, nitlobha tirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #32002 Sitting 497 2017-03-21 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Att tal-2016 dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31088, jista’ l-Ministru jgħid b’mod ċar għalfejn għadu ma ppublikax l-erba’ Avviżi Legali li kien qal li se jippublika marbuta mal-Att tal-2016 dwar il-Promozzjoni ta’ Stili ta’ Ħajja Sana u Kura ta’ Mard li ma Jitteħidx?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumitat interministerjali mwaqqaf skont il-Att imsemmi minnha għadu qiegħed jagħmel xogħol kif indikat mill-istess Att.
Leg 12 PQ #31991 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – konsulenzi minn individwu

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31845 jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas totali sena b’sena għas-servizzi legali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u l-kumpanija legali tiegħu għas-sena 2013, 2014, 2015 u 2016?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.
Leg 12 PQ #31992 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ħal Kirkop u Raħal Ġdid – Ċentri tas-Saħħa — privatizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal il-Ġdid se jkunu privatizzati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għandha informazzjoni żbaljata. Iċ-ċentru tas-saħħa li ser jinfetah f'Ħal Kirkop kif ukoll iċ-ċentru reġjonali f'Raħal Ġdid ser jitmexxu mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Leg 12 PQ #31993 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Boffa – Dipartiment tad-Dermatoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tad-Dermatoloġija fl-Isptar Boffa ġie pprivatizzat u jifforma wkoll parti mill-ftehim mal-Vitalis Global Healthcare?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l’ebda parti mill-isptar Boffa ma ġiet privatizzata.
Leg 12 PQ #31994 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Servizz tas-saħħa mentali f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li qed jippjana biex jipprivatizza s-servizz tas-saħħa mentali f’pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ftit tal-ġimgħat ilu twaqqaf bord tad-diretturi dwar is-saħħa mentali. Waħda mill-inkarigi prinċipali ta' dan il-bord hi li jipproponi strateġija olistika għall-kura tas-saħħa mentali.
Leg 12 PQ #31995 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Baby & Mother Hospital

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Baby & Mother Hospital (li se jkun jinkludi s-servizzi tal-kura tat-tfal kif ukoll il-kura tas-saħħa tal-mara) se jkun privatizzat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jeżistu l-ebda pjani biex partijiet minn Mater Dei jiġu privatizzati.
Leg 12 PQ #31996 Sitting 496 2017-03-20 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Type 1 Diabetes – tqassim ta’ strips b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li pazjenti bid-Dijabete Type 1 qed jingħataw 200 strip għal xahrejn u 250 strip għax-xahrejn ta’ wara meta l-minimu ta’ strips li jużaw tfal bid-Dijabete Type 1 huwa ta’ 4 kuljum jiġifieri total ta’ 240 strip kull xahrejn? Dan qed iwassal biex pazjenti jkollhom jixtru l-istrips biex jiċċekjaw il-livell taz-zokkor fid-demm.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull pazjent li jbati mid-Diabetes Type1 huwa intitolat għal 4 BGTS (strips) kuljum; dan jammonta għal 224 BGTS kull 8 ġimgħat. Minħabba li f’kull bott ikun hemm 50 BGTS u mhux rakkomandat li dawn il-bottijiet jinfetħu biex ma tiġix kompromessa l-kalibrazzjoni tagħhom, l’eqreb ammont ta’ BGTS li l-ispiżeriji jistgħu jagħtu hu 250 BGTS. Għaldaqstant, bil-għan li kull pazjent ikun moqdi filwaqt u fl-istess ħin tiġi evitata l-ħela, l- POYC Unit , permezz taċ-ċirkolari PP02-17, iggwidat lill-ispiżeriji biex kull pazjent jingħata darba 250 BGTS (5 bottijiet) u meta jerga’ jmissu jingħata 200 BGTS (4 bottijet). Huwa kkalkulat li dawn l-ammonti jkopru ukoll lil dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn jiċċekkjaw iz-zokkor fid-demm 4 darbiet kuljum.
Leg 12 PQ #31851 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Skola medika ta’ Barts – studenti mill-Emirati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fid-diskussjonijiet li kellu f’Dubai, kif tħabbar f’istqarrija tal-15 ta’ Frar 2017, iddiskutiex il-possibbilità li studenti mill-Emirati jattendu l-iskola medika ta’ Barts?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fit-13 ta’ Frar ta’ din is-sena kif imħabbar fi stqarrija għal-istampa datata 15 ta’ Frar, kelli laqgħa kordjali mal-Ministru għas-Saħħa tal- Emirati Għarab Magħquda. Matul din il-laqgħa ġew diskussi s-servizzi tas-Saħħa fiż-żewġ pajjiżi u oqsma fejn tista’ tiġi żviluppata koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat fis-settur tas-Saħħa.
Leg 12 PQ #31852 Sitting 494 2017-03-14 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Vitals Global Healthcare — Orthopaedic and Trauma Surgery, Senior Specialist (Consultant)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-post ta' Orthopaedic and Trauma Surgery, Senior Specialist (Consultant) kif irreklamat fuq http://www.vitalshealthcare.com/ huwiex kuntratt ta' impjieg li se jitħallas mill-Gvern jew direttament mill-Vitals Global Healthcare u jekk dan huwiex kuntratt definit jew indefinit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għal-post ta’ Orthopaedic and Trauma Surgery, Senior Specialist (Consultant) kif irreklamat fis-sit msemmi minnha, il-persuna magħżula ser titħallas mil-Vitals Global Healthcare.
Leg 12 PQ #31845 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħol ta’ konsulenza legali l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jagħmel mal-Ministeru għas-Saħħa? , Jista' jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol ta’ konsulenza legali hux mal-Ministeru jew ma’ xi dipartiment partikolari fi ħdan il-Ministeru fosthom is-Central Procurement & Supplies Unit (CPSU)? Jista’ jgħid kemm hu l-ħlas li jingħata lil dan l-individwu għal din il-Konsulenza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-ditta legali tal-individwu msemmi minnha qed jagħti servizz ta’ konsulenza legali fejn meħtieġ fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet tiegħu u huwa mħallas €25 (VAT eskluża) fis-siegħa.
Leg 12 PQ #31846 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Vaċċin tal-Meningitis B

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern fuq is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' vaċċin tal-Meningitis B f'Malta? Jista’ jgħid jekk l-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżna hux qed jirrakomandaw li dan il-vaċċin jingħata lit-tfal/trabi jew hux qed jinħoloq paniku għal xejn? Il-Ministru jaf li hemm lok għal abbuż serju fil-prezzijiet li qed jinbiegħ dan il-vaċċin u li f'pajjiżna jinbiegħ għal €150 meta f'pajjiżi oħra jqum inqas min-nofs dan il-prezz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tilqim huwa wieħed mill-aqwa mezzi biex jiġi prevenut ċertu mard infettiv. Meta jkun hemm tilqima approvata, l-awtoritajiet tas-Saħħa jħeġġu lill-pubbliku li jkun f’riskju biex jieħu t-tilqima. Fil-fatt il-gvern diġa jipprovdi numru ta' tilqim mingħajr ħlas kontra d- Diptheria, Tetanus, Pertussis, Polio, Haemophilus Influenza type B, Hepatitis B, Measles, Mumps, Rubella, Human Papilloma Virus għal-bniet, u l-Influwenza. Bħalissa d-dipartiment tas-Saħħa qiegħed fil-proċess sabiex din is-sena i¿¿id it-tilqima tan-pneumococcus mal-lista ta' tilqim li jingħata mingħajr ħlas.
Leg 12 PQ #31847 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ftehim mal-Vitals Global Healthcare

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-involviment tiegħu fil-ftehim tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare? Jista’ jgħid jekk il-Ministru Mizzi ddiskutiex dan il-kuntratt miegħu qabel ma ġie ffirmat? Jekk iva, meta sar jaf b’dan il-ftehim għall-ewwel darba?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kunċett ta' public private partnership fil-qasam tas-Saħħa sabiex jerġa' jagħti l-ħajja lill-isptar San Luqa u sabiex isir refurbishment qawwi fl-isptar Karen Grech kif ukoll sabiex jinbena sptar ġdid f'Għawdex, kien ilu jiġi diskuss minn kmieni fil-legiżlatura. Il-PPP kellu jinkludi bini ta' skola medika għal Barts, kif ukoll skola tan-nursing u kellu jinkludi sptar ta' rijabilitazzjoni. Is-servizzi għal-Għawdxin u Maltin kellhom ikunu mingħajr ħlas waqt illi kellu jidħol il-kunċett tat-turiżmu mediku.
Leg 12 PQ #31848 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Vital Global Healthcare – xogħlijiet fl-isptarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jafx x’suppost kellhom jagħmlu s’issa (sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija) il-Vitals Global Healthcare fl-isptarijiet tagħna? Huma on track? Jekk iva, x’għamlu s’issa li jiġġustifika l-flus li tħallsu s'issa mit-taxxi tal-poplu? Kemm tħallsu s'issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waqt li x-xogħol ta’ preparamenti, taħriġ u recruitment jinsab on track, wara xi dewmien fil-ħruġ ta’ permessi ambjentali, x-xogħol tal-bini fuq l-iskola Medika ġdida għal-Barts mistenni jibda fi żmien qasir.
Leg 12 PQ #31849 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mount Carmel – każijiet ta’ gastroenteritis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni wara l-każ ta’ gastroenteritis li seħħet fl-Isptar Mount Carmel u li ġiet irrapurtata fil-media nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Marzu 2017? Kemm kien hemm pazjenti li ġew affettwati minn din l-infezzjoni? Kemm kien hemm pazjenti li ttieħdu l-Isptar Mater Dei? Saret investigazzjoni fuq dan il-każ? Jekk iva x’irriżulta minn din l-investigazzjoni? Jekk le, hemm ħsieb li dan isir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qegħda tinvestiga dan il-ka¿. Kienu 2 pazjenti li kellhom jintbagħtu Mater Dei għal kura.
Leg 12 PQ #31850 Sitting 493 2017-03-13 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Type 2 Diabetes – tqassim ta’ strips b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitqassmu l-istrips b’xejn lill-pazjenti b’Type 2 Diabetes sabiex ikunu jistgħu jiċċekkjaw id-demm?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31023.

Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx – rappreżentant għall-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lil min innomina biex jirrappreżenta l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali fuq il-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx kif stabbilit mil-liġi li għaddiet unanimament mill-Parlament fis-6 ta’ Jannar 2016? F’liema data eżatta saret din in-nomina?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Dr. Marisa Scerri (Direttur Ġenerali (Politika Soċjali) hija r-rappreżentanta tal-Ministeru tal-Familja U Solidarjeta’ Soċjali fil-Kunsill dwar Stili ta’ Hajja Sana u Mard li ma Jitteħidx. In-nomina saret fis-17 ta' Marzu 2016.

Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx – rappreżentant għall-Ministeru għall-Ġustizzja, Kulturà u Gvern Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lil min innomina biex jirrappreżenta l-Ministeru fil-qasam tal-Gvern Lokali fuq il-Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx kif stabbilit mil-liġi li għaddiet unanimament mill-Parlament fis-6 ta’ Jannar 2016? F’liema data eżatta saret din in-nomina?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-uffiċjal magħżul biex jirrapreżenta lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fuq Kunsill Konsultattiv dwar Stili ta’ Ħajja Sana, hu d- Direttur Ġenerali (Gvern Lokali). In-nomina saret fis-27 ta’ Ġunju 2016.