Jista' l-Ministru jagħti lista' tal-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? F'kull każ jista' jagħti l-ismijiet tal-persuni li jiffurmaw dawn il-bordijiet u/jew kumitati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellent li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min ġie maħtur bħala rappreżentant tal-Ministeru għal Għawdex fuq il-Kumitat Reġjonali tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD)?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttur tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku ġie maħtur bħala rapreżentant għall-Ministru għall Għawdex fuq il-kumitat reġjonali għall-Kunsil Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
In vista li riċentament fi Triq Grunju il-Qala (triq li tagħti għan-Nadur) twaħħlu tabelli li jgħidu li sar xogħol fuq din it-triq mill-Kunsill Lokali tal-Qala u l-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol li sar, kemm sewa u meta sar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li xogħol li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex jikkonsisti minn asfaltar f'din it-triq li beda f'April u għandu jitlesta sal-aħħar ta' Mejju u li sa issa ġie jisma €42,234. Dan huwa parti mill-proġett Walks and Trails on Rural Gozo li hu ko finanzjat mil-fond agrikolu Ewropew għall-iżvilup rurali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Sannat, fis-Sannat Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun jaf li it-triq li mir-Rabat twassal sa San Lawrenz li suppost kellha tkun lesta 5 snin ilu għadha sal-lum mhijiex lesta. Kellha tiswa €4,781,116 u minflokk huwa stmat li ġiet tiswa €8,782,161 jiġifieri €4 miljun aktar milli supost kellha tiswa. Minn din l-ispiża għadhom tħallsu biss €5,405,750 tax-xogħol li tlesta s'issa u għadu tlesta biss tlett kwarti tat-triq. Il-fondi ewropej li kienu allokati għal din it-triq intefqu kollha u €3470000 li għadhom iridu jintefqu biex titkompla u titlesta din it-triq iridu jitħallsu minn flus il-poplu Malti. Nifhem lill-Onor. Interpellant jaf li nefqa proposta mill-Gvern preċedenti għal bini ta' toroq f'Għawdex għas-sena li qegħdin fiha hija biss €1,250,000. Din in-nefqa iridu sal-aħħar tal-2015 biex titħallas it-triq kollha ta San Lawrenz. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant għandu jifhem li għalkemm it-Triq ta' Sannat hija parti mill-program tal-Gvern preżenti tal-bini mill-ġdid ta' toroq l-Ministeru għal Għawdex ma jistax jgħid mil-lum meta se jibda x-xogħol fuqha.
In vista tad-dikjarazzjonijiet li l-Prim Ministru għamel qabel l-Elezzjoni Ġenerali li jrid li dan il-Gvern ikun l-aktar Gvern femminista fl-istorja, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew appuntati nisa f'kull bord li nħatar s'issa u kemm jikkostitwixxu persentaġġ mit-total tal-membri ta' kull bord? Il-Gvern għandu policy dwar kemm hu l-persentaġġ minimu ta' nisa li għandu jkun hemm f'kull bord appuntat mill-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 1241. L-informazzjoni tkun tista’ tigi kkompilata ġaladarba l-proċess ikun ġie konkluż.
Tista' l-Ministru tgħid kif se jiġu estiżi l-Klabb 3-16 biex jakkomoda ġenituri li ma jaħdmux ħinijiet tal-uffiċċju u dan in vista tad-dikjarazzjoni li saret mill-Ministeru tagħha fi stqarrija maħruġa fid-29 t'April 2013 permezz ta' press release PR 0836 tad-DOI? Kif u b'kemm ħin se jiġu estiżi dawn iċ-ċentri tal-Klabb 3-16?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fl-istqarrija għall-Istampa li qed jirreferi għaliha fost ħwejjeġ oħra kont qed nuri fejn dan il-Gvern se jkun qed jaħdem biex jintlaħaq aktar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Jekk l-Onor Membru jixtieq aktar informazzjoni dwar il- Klabb 3 - 16 nitolbu jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lil Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-membri kollha tal-Core Group tal-MEUSAC u lil min jirrappreżentaw dawn il-membri? Kemm-il darba ltaqa' l-Core Group mill-bidu ta' Marzu 2013 sal-lum u x'kienet il-materja diskussa f'kull laqgħa?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li l-Core Group iltaqa' darbtejn mill-bidu ta' Marzu sal-lum.
Fis-26 ta'April 2013 saret laqgħa konġunta mal-Kunsill tal-M.C.E.S.D. flimkien mal-Ministeru għall-Finanzi, l-Onor.Prof.Edward Scicluna bis-suġġett ikun id-dokumenti ta' konsultazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għas-sena 2013.
Fit-3 ta' Mejju 2013 saret laqgħa oħra li matulha ġiet diskussa l-Green Paper tal- Kummissjoni Ewropea - Qafas għall-politiċi dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 ( KUMM ( 2013 ) 169 )
Jista' l-Ministru jgħid jekk tħallasx is-sussidju għall-ewwel tliet xhur ta' din is-sena (Jannar - Marzu) għall-istudenti Għawdxin f'Malta peress li dan normalment jitħallas fl-ewwel jiem ta' April? Jekk għadu ma tħallasx, x'inhi r-raġuni li kien hemm dan id-dewmien meta l-Ministru jaf li għall-istudenti Għawdxin dan is-sussidju huwa importanti ħafna biex iħallsu l-kera fejn joqogħdu u kontijiet oħra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-istudenti Għawdxin f'Malta tħallsu s-sussidju għall-ewwel tlett xhur ta' din is-sena.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – Kofinanzjament ta’ programmi u inizjattivi
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali, għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar il-proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropeja li minnhom hu responsabli l-Ministeru għal Għawdex u li fuqhom għadu għaddej ix-xogħol hija dik murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata r-refund u kif se jingħata dan ir-refund lil dawk li ħallsu taxxa fuq id-dħul żejjed fl-ewwel xhur ta' din is-sena issa li daħlu fis-seħħ rati ta' taxxi ġodda?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li meta r-rati tat-taxxa ġodda daħlu fil-payroll tal-employers, il-mekkanizmu tal-Final Settlement System (FSS) beda jaġġusta awtomatikament it-tnaqqis tat-taxxa biex it-taxxa li nzammet zejda fil-pagi li tħallsu fl-ewwel xhur tiġi kkunsidrata u sa l-aħħar tas-sena tkun inqatgħet it-taxxa preċiza. B’hekk fil-pagi li se jitħallsu fix-xhur li ġejjin, it-taxxa mnaqqsa bl-FSS se tkun anqas mis-soltu biex tikkumpensa għat-taxxa mnaqqsa zejda.
Is-sistema tal-FSS dejjem tagħti kaz it-taxxa li tkun nzammet fil-pagi preċedenti b’hekk tizgura li l-ħaddiem tinqatagħlu taxxa ezatt fuq l-impjieg tiegħu.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' mediċini li ġew imraħħsa fl-aħħar tliet snin u b' kemm ġew imraħħsa dawn il-mediċini wara ħidma mit-taqsima li hemm fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tittratta l-prezzijiet tal-mediċini? Il-Kumitat bejn l-istakeholders kollha biex ikompli dan ix-xogħol ġie ffurmat? Jekk iva, min huma l-membri ta' dan il-kumitat u kemm-il darba ltaqa' mill-bidu ta' Marzu 2013 sal-lum? Kemm hu stmat li jiġu mraħħsa mediċini matul is-sena 2013? Meta hu maħsub li jkun hemm aktar roħs fil-mediċini li jinbiegħu mill-ispiżeriji tagħna?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-Informazzjoni ta'medicini li raħsu kif mitluba mill-Onor.Interpellant.
Barra r-rappreżentant tal-Gvern, ir-rapreżentant ta'l-istakeholders jiġu nominati minnhom stess u mhux mill-Gvern.L-istakeholders li jiffurmaw dan il-kumitat huma r-rapreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrappriża u Industrija,is-Sezzjoni lokali li tirrapreżenta l-Manifatturi fi ħdan din il-kamra,l-GRTU, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tar-Riċerka tal-Farmaċewtika, Il-Kamra tal-Ispizjara, l-Għaqda tal-Konsumaturi u uffiċjali fi hdan l-Awtorita ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Awtorita Maltija tal-Mediċini tal-Ministeru responsabbli għas-Saħħa kif ukoll tal-Ministeru responsabbli għall-Konsumatur.
Din is-sena l-Kumitat għadu ma ltaqax u jirriżulta li fit-tnax il-xahar ta'qabel dan il-kumitat iltaqa' darba biss. Jien tajt struzzjonijiet lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħi biex jara li x-xogħol ta' dan il-kumitat jitkompla.
Il-ftehim li hemm bħalissa dwar il-prezzijiet tal-mediċini huwa volontarju u għalhekk wieħed ma jistgħax jgħid kemm se ikun in-numru ta' mediċini li ser jorħsu. Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-importaturi fuq numru ta'mediċini li l-prezz tagħhom huwa ogħla mill-medja Ewropeja biex jitraħħas il-prezz ta' dawn il-mediċini.
Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li l-proċess tal-istudju finali fuq il-link permanenti bejn Malta u Għawdex se jitkompla? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess u kif beħsiebu jimxi l-Ministeru tiegħu fuq dan il-proġett? X'inhu mistenni li jsir matul is-sena 2013 u s-sena 2014 u x'inhuma t-timeframes li qed jitpoġġew?
Response (MIZZI, JOE)
Kif jaf l-Onor Interpellant, l-impenn tal-Gvern huwa li jkompli bl-istudji neċessarji fuq il-possibilita ta’ link permanenti bejn Malta u Għawdex. Nassigura lill-Onor Interpellant li l-Kamra se tkun qed tinżamm aġġornata bl-iżviluppi li jista’ jkun hemm.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti li ġew ingaġġati mill-Gvern kollu u entitajiet tiegħu f'kull livell mill-10 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti l-kundizzjonijiet mogħtija kif ukoll il-kwalifiki ta' kull konsulent? Jista' jagħti liema parametri ta' meritokrazija ġew użati biex intgħażlu dawn il-konsulenti u mhux oħrajn?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida ta’ konsulenti fl-Strategic and Priorities Unit, li nħarġu f’Mejju 2013.
Nassiguraw lill-Onorevoli membru li kull konsulent ingaġġat huwa espert u kwalifikat fil-qasam tiegħu. Differenti ferm mill-mod kif kienu jsiru l-affarijiet fl-amministrazzjoni preċedenti li l-Onor membru kien parti minnha.
Linji gwida għall-ingaġġ ta' membri fis-segretarjat privat
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-linji gwida għall-ingaġġ ta' membri fis-segretarjat privat tal-Ministri u Segretarji Parlamentari li ntużaw fil-Ħdax-il Leġiżlatura nżammewx? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida tas-snin 2008 - 2013 fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk inbidlu, jista' jgħid x'ġie mibdul u għal kull bidla li saret x'kienet ir-raġuni għal dawn il-bidliet? F'dan il-każ, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida kif inbidlu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 626 tal-ħdax-il leġiżlatura, liema tweġiba ingħatat fis-seduta numru 13 tal-4 ta’ Ġunju tal-2008. Nirreferi ukoll lill-Onorevoli Interpellant għad-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li nħareġ f’Marzu 2013 u kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta numru 23 tal-15 t’April 2013.
In vista tal-fatt li l-Prim Ministru jixtieq li l-Oppożizzjoni tagħti s-sehem tagħha b'nomini f'postijiet eżekuttivi, jista' jgħid jekk jaqbilx mal-proposta li jerġa’ jiddaħħal fis-seħħ l-Att dwar Nomini mill-Oppożizzjoni li kien introdott fid-disgħinijiet u kien ġie abolit fil-Leġiżlatura ta' bejn l-1996 u l-1998 u dan peress li l-Att jipprovdi qafas legali u trasparenti li jippermetti lill-Oppożizzjoni tipparteċipa fih?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Gvern lest jaħdem ma’ kull min irid il-ġid tal-pajjiż u l-bibien huma miftuħa wkoll għall-Oppożizzjoni. L-attitudni pożittiva tal-Gvern hija intiża biex tinkludi lil kull min jista’ jikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż. Il-Gvern qed jimxi b’mod li jinvolvi lill-oqsma kollha biex pajjiżna jimxi ‘il quddiem fl-oqsma kruċjali fejn ikun hemm inqas partiġġjaniżmu u iktar koperazzjoni fl-interess nazzjonali.
Ninnota b’dispjaċir li l-Oppożizzjoni irrifjutat li tieħu sehem f’team ta’ azzjoni bi-partisan għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Matul il-leġislatura, il-Gvern se jkompli jipprova jsib mod kif jikkonvinci lill-Oppożizzjoni taddotta pożizzjoni inqas negattiva.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm kien hemm kawżi pendenti quddiem is-sezzjonijiet kollha tal-qrati ta' Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mis-sena 2005 sal-lum? Jista' jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem l-istess sezzjonijiet tal-Qorti ta' Għawdex fl-aħħar ta' April 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
kunsilli lokali — skemi għall-għajnuna finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il skema ġiet imnedija biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-kunsilli lokali mill-bidu tas-sena sal-lum? X'inhu l-iskop ta' kull skema li ġiet imnedija? Kemm hemm flus ivvutati għal kull skema? Kemm-il kunsill lokali hu mistenni li jibbenefika minn dawn l-iskemi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa issa din is-sena kienu varati ħames (5) skemi għall-Kunsilli Lokali kif ġej:
Skema
Allokazzjoni
Numru ta’ Kunsilli Lokali
Kultura (Part 2)
€ 169,000
56
Sports
€ 29,842.88
36
Book Box
€ 8,800
7
Inizjattivi Specjali
€ 110,481
11
Libreriji
€ 26,807.82
47
L-iskop ta’ kull waħda minn dawn l-iskemi hu li tingħata għajnuna diretta lill-Kunsilli Lokali bl’għan ewlieni li jingħata stimolu lill-attivita’ kulturali, edukattiva u sportiva fil-lokalitajiet rispettivi.
Jista' l-Ministru jgħid xi skemi biex tingħata għajnuna lill-kunsilli lokali fil-ħidma tagħhom hemm ippjanati li jinħarġu minn issa sal-aħħar tas-sena? Jista' jagħti deskrizzjoni ta' kull skema li hemm il-ħsieb li tinħareġ, kemm se jkun il-vot allokat għal kull skema u kemm-il kunsill hu mistenni jibbenefika minn kull skema?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mis-Segretarjat Parlamentari li l-iskemi għadhom qiegħdin jinħadmu, kif jitfassal il-pjan dwar dawn l-iskemi, l-informazzjoni ser tiġi ippublikata.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq bl-ismijiet tal-istess toroq li saru mill-kunsilli lokali, wieħed wieħed, u sena b'sena għas-snin 2010, 2011, 2012 u din is-sena sal-aħħar ta' April 2013?
Response (VELLA, KARMENU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba li jkopru sa April 2013.
Jista' l-Ministru jagħti numru, anke approssimattiv, ta' kemm huma dawk li se jgawdu mill-proposta tal-baġit ta' 0% taxxa għal dawk li huma fuq il-minimum wage? Kemm hu stmat li se tiswa din il-miżura?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.