Fondi tal-Unjoni Ewropea (Programming Period 2014-2020) — Għawdex
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm hu maħsub li jiġi allokat għal Għawdex mill-fondi Ewropej għall-programming period 2014-2020?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li huwa prematur li wieħed jidħol fid-dettal dwar dan minħabba illi r-regoli ta’ kif jistgħu jintefqu l-fondi għadhom mhux finalizzati. Filfatt dawn qegħdin jiġu diskussi fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu nixtieq nenfasizza li dan il-Gvern huwa kommess li Għawdex jibbenefika bis-sħiħ minn dawn il-fondi fis-snin li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid kif hu maħsub li jiġu utilizzati l-miljun ewro li ġew miksuba mill-MEUSAC mingħand il-Kummissjoni Ewropea proprju fi Frar li għadda biex jiġu utilizzati fuq erba' snin biex tingħata informazzjoni fuq diversi aspetti marbuta mal-Unjoni Ewropea? Il-communication plan dwar kif se jiġu utilizzati dawn il-fondi ġie finalizzat? Jekk iva, tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, HELENA)
Il-Miljun Ewro miksuba mill-M.E.U.S.A.C. mingħand il-Kummissjoni Ewropea huma intiżi biex il-M.E.U.S.A.C. iwassal tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini Maltin. Ewro 250,000 huma allokati għal kull sena fuq perjodu ta'erba' snin u dan l-ammont jintefaq skont kif miftiehem minn rappreżentanti tal-Ministeru tiegħi, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew permezz ta' Pjan Konġunt ta' Informazzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-pjan Konġunt ta'Komunikazzjoni għal din is-sena. Dan il-Pjan ġie ffinalizzat fl-istess mument li fih ġie iffirmat il-Ftehim mal- Kummissjoni Ewropea fl-4 ta'Marzu li għadda.
In-Nadur (Għawdex) — Triq Għajn Qasab - xogħlijiet
Question
Issa li se jibda l-istaġun tas-sajf u eluf ta' Għawdxin, Maltin u turisti kuljum jużaw Triq Għajn Qasab fin-Nadur biex immorru fil-bajja tar-Ramla, jista' l-Ministru jgħid meta se jinbnew il-ħitan tas-sejjieħ li waqgħu bil-maltemp matul l-aħħar xitwa? Kemm-il darba fil-ġimgħa tinkines u titnaddaf din it-triq u meta hu maħsub li jsir patching f'dik il-parti ta' din it-triq li għadha mhix re-surfaced?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni biex tiġi evalwata l-ħsara fil-ħitan u jiġi deċiż x'għandu jsir f' dan il-każ. Jiena infurmat ukoll li din it-triq tinkines minn darba sa darbtejn fil-ġimgħa skont il-ħtieġa u li t-triq qed isirilha patching fejn mhix re-surfaced
Issa li għalaq iż-żmien li fihom setgħu jintbagħtu l-ilmenti dwar it-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm minn 3,500 ilment kienu dwar trasport pubbliku f'Għawdex? Jista' jagħti lista tat-tip ta' lment li kien hemm fuq it-trasport f'Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Transport Malta rċeviet total ta’ 28 suġġeriment u/jew lment mill-pubbliku kif ukoll minn entitajiet diversi fir-rigward tas-servizz tat-transport pubbliku li jikkonċerna lil Għawdex. Lista ta’ dawn qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Matul il-ġimgha li għaddiet saru laqgħat mal-Kunsilli Lokali ta’ Ghawdex fejn ġew elenkati xi problemi relatati mat-trasport pubbliku.
Issa li nħatar il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li ġew maħtura mill-Ministru u l-kompetenza u esperjenza ta' kull persuna fil-qasam sportiv ta' kull persuna li ġiet appuntata minnu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li nħatru mill-Ministru fuq il-Bord tal-Kunsill Malti għall-Isport huma:-
Is-Sur Jonathan Barbara
Is-Sur Dunstan Attard
Is-Sur Keith Bartolo
Is-Sur Teddie Borg
Is-Sur Alfred Cachia
Is-Sur Christopher Cocker
Is-Sur Nikolai Gauci
Biex inħatru ntużaw l-istess kriterji bħas-snin ta' qabel.
Peress li dan l-aħħar il-Ministru għamel żjara lill-Fondazzjoni Arka u jingħad li din il-Fondazzjoni se tiġi megħjuna biex tkompli bil-ħidma sfiqa tagħha, jista' l-Ministru jgħid kemm se tingħata għajnuna lill-Fondazzjoni Arka mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2013? Jista' jgħid kif se tkun imqassma din l-għajnuna u għal liema skop se tintuża?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Fondi tal-Unjoni Ewropea (Programming Period 2007-2013) — Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jżomm mal-politika tal-Gvern preċedenti li mill-fondi Ewropej għall-programming period 2007-2013 jutilizza tal-inqas 10% għal Għawdex? Kemm huwa maħsub li jiġu utilizzati b'kollox fondi għal Għawdex f'dan il-perijodu? Kemm minnhom ġew użati s'issa?
Response (REFALO, ANTON)
Jien infurmat li minkejja l-proġetti li għandhom jitwettqu f'Għawdex bi flus Ewropej kienu tant waqgħu lura fit-twettiq tagħhom taħt il-Gvern ta' qabel li spiċċaw f'riskju li jintilfu l-fondi Ewropej allokati għalihom u minkejja li kien għad hemm fondi li l-gvern kien għadu anqas jaf x'se jagħmel bihom mill-gvern il-ġdid mill-ewwel jiem beda jaħdem b'impenn kbir u qed jagħmel ħiltu kollha biex Għawdex jieħu tal-inqas 10% tal-fondi Ewropej għall-programm finanzjarju Ewropew għas-snin li jagħlqu din is-sena.
Fondi tal-Unjoni Ewropea (Programming Period 2014-2020) — Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-fondi Ewropej għall-programming period 2014 - 2020 hux se terġa' tintuża l-istess politika li tal-inqas 10% jintużaw għal proġetti u inizjattivi f'Għawdex? Jekk iva, kemm se jkun t-total għal dan l-iskop? Jekk le, x'politika se tintuża?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-programm elettorali tal-gvern fejn jingħad "naraw li Għawdex ikompli jassorbi fondi Ewropej fl-istess livell u anke ogħla minn dak li sar fl-aħħar snin".
Tista' l-Ministru tagħti n-numru ta' familji li bbenefikaw s'issa mill-ispecialised fostering benefit li ġie introdott fil-baġit għas-sena 2012? Tista' tinforma lill-Kamra jekk din l-iskema hix se titkompla u jekk hemmx applikazzjonijiet li qed jiġu pproċessati?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol fuq is-site www.visitgozo.com? Kif ingħata dan ix-xogħol? Kemm sewa u min se jkun inkarigat mit-tmexxija u updating ta' dan is-sit?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-ispiża globali għall-iżvilupp u l-kontenut tal-portal tal-visitgozo hija ta' €85,083.76. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-sit u l-kontenut tiegħu se jkunu amministrati mill-Uffiċċju taċ-chief information officer u mid-Direttorat tat-Turiżmu u żvilupp ekonomiku ripettivament fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-vot li ġie allokat għal attivitajiet kulturali organizzati mill-kunsilli lokali kollha ta' Malta u Għawdex għas-sena 2013? Dan il-vot ġie mqassam? Jekk iva, liema kunsilli bbenefikaw, kemm ħa kull kunsill u x'attività/attivitajiet se jtella' l-istess kunsill u meta?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jispjega xi proċess qed jitħaddem sabiex dawk li se jibbenefikaw minn refund ta' taxxa fuq ix-xiri tal-ewwel residenza tagħhom (hekk kif tħabbret fil-baġit) jiġu mogħtija dan ir-refund?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi persuni biex jibbenefikaw minn refund ta’ taxxa fuq ix-xiri tal-ewwel residenza tagħhom iridu jiktbu lid-dipartiment għal dan il-għan u jibagħtu kopja tal-kuntratt u tad-dokument DDT1. In-nutara digà ġew mgħarrfa b’dan il-proċess.
miżuri fil-baġit 2013 — taxxa fuq trasferiment ta' proprjetà
Question
Peress li fil-baġit mressaq fit-8 ta' April 2013 ġie mħabbar li meta persuna tittrasferixxi b'donazzjoni għall-ewwel darba proprjetà lill-ulied bl-iskop li din il-proprjetà tintuża jew tinbena mill-istess ulied bħala r-residenza unika tagħhom, ma jkunx hemm taxxa tal-boll fuq l-ewwel €250,000 tal-valur tal-proprjetà trasferita u fuq il-kumplament tal-valur tal-proprjetà jkun hemm it-taxxa ta’ trasferiment bir-rata kif inhi bħalissa, jista’ l-Ministru jispjega t-tax treatment li jrid jiġi applikat jekk din il-proprjetà trasferita eventwalment tiġi biex tinbiegħ mill-ulied?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed tigi ntrodotta wkoll miżura li torbot lil min qed jirċevi l-proprjetà għal ħames snin. Dan biex jevita li l-ulied jiddikjaraw li se jużaw il-proprjetà bħala r-residenza tagħhom, imbagħad ibiegħuha ftit wara.
Il-provediment rigward il-ħames snin jaqbel eżatt ma’ dak fir-regolamenti tal-Att tat-Taxxa fuq l-Income fuq trasferiment permezz ta’ donazzjoni. B’hekk jigi żgurat li s-sistema ma tiġix abbużata billi l-ewwel issir id-donazzjoni imbagħad tinbiegħ mit-tfal.
L-Att Dwar it-Taxxa fuq l-Income jgħid li jekk il-propjeta’ tinbiegħ minn min ikun irċieva d-donazzjoni wara li jgħaddu ħames snin, it-taxxa fuqha għandha tkun bir-rata ta’ 12% fuq id-differenza ,jekk ikun il-kaz, fuq il-valur tal-akkwist. Madankollu jekk il-propjeta’ tiġi trasferita fi zmien ħames snin minn meta tkun saret id-donazzjoni, il-bejjiegħ jista’ jagħzel li jħallas jew bit-12% fuq il-prezz tat-trasferiment, jew bil-35% fuq il-qliegħ, li jigi determinat billi mill-valur tal-bejgħ jitnaqqas il-valur tal-akkwist mill-persuna li għamlet id-donazzjoni lill-persuna li qed titrasferixxi.
Tista’ l-Ministru tiżvela xi pjan ġie mħejji sabiex persuni b’diżabilità jidħlu fi skemi ta’ supported employment? X’inċentivi hemm ippjanati għal dawk li se jħaddmu lil dawn il-persuni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern hu impenjat li jagħmel stock taking tal-impjiegi b’appoġġ li qed igawdu minnhom il-persuni b’diżabbilità. Fix-xhur li ġejjin se titħejja ‘data bank’ bil-ħiliet ta’ dawk li qed ifittxu impjieg jew li għandhom potenzjal li jaħdmu.
Waqt li se jissaħħu l-iskemi eżistenti, se jkun hemm sforz biex jinħolqu inizjattivi fil-komunità li ħa jinkludu taħriġ personalizzat għall-persuni b’diżabbiltà, għall-ġenituri, għas-support workers u anke informazzjoni u taħriġ għall-employers ħalli jkunu jistgħu jilqgħu għal din r-realtà.
Il-Ministeru hu impenjat ukoll li jirrevedi l-leġislazzjoni fejn hemm il-ħtieġa, itejjeb ċ-Ċentri għat-Taħriġ tal-Adulti u jinċentiva lis-settur privat biex jassimila aktar persuni b’diżabbiltà miegħu.
Kummissjoni dwar l-Użu tad-Droga u Alkoħol — rapport
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk ir-rapport konkluż mill-Kummissjoni dwar l-Użu tad-Droga u Alkoħol, wara konsultazzjoni wiesgħa ħafna u bis-sehem ta' diversi esperti, dwar sistema ġdida kif jiġu trattati persuni li jinqabdu jużaw id-droga l-ewwel darba hux se jiġi adottat, u jekk le x'direzzjoni se tittieħed f'dan il-qasam?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Kummissjoni dwar l-Użu tad-Droga u l-Alkoħol — politika nazzjonali
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-politika nazzjonali dwar l-użu tal-alkoħol li ġiet ippreparata mill-Kummissjoni dwar l-Użu tad-Droga u l-Alkoħol, wara konsultazzjoni wiesgħa u bis-sehem ta' esperti, jista' l-Ministru jgħid jekk hix se tiġi adottata minn dan il-Gvern u jekk le x'direzzjoni se tittieħed f'dan il-qasam?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'kien l-eżitu tal-laqgħa li kellu fil-bidu ta' dan ix-xahar mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea l-Kummissarju Olli Rehn? Wara din il-laqgħa kemm hu fiduċjuż il-Ministru li rnexxielu jikkonvinċi lill-Kummissjoni Ewropea biex tbiddel il-forecast tagħha u tiddikjara li d-deficit għal din is-sena se jkun ta' 2.7% kif proġettat mill-Ministru fil-baġit u mhux 3.7% kif proġettat mill-istess Kummissjoni Ewropea?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-eżitu tal-laqgħa se jkun rifless fir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-artiklu 126(3) tat-trattat li jiġi ippubblikat fid-29 ta' Mejju 2013.
Tista' l-Ministru tgħid preżentement kemm hemm pensjonanti li qed jaħdmu full-time u/jew part-time u li fl-istess ħin mhux qed jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom per konsegwenza ta' miżura li kien introduċa l-Gvern ftit tas-snin ilu?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-informazzjoni li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, in-numru ta’ pensjonanti li qed jaħdmu full-time u/jew part-time u li fl-istess ħin mhux qiegħed jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni tagħhom hu ta’ 10,171.
miżuri fil-baġit — taxxa fuq trasferiment ta' proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-miżura mħabbra fid-diskors tal-baġit tat-8 ta' April 2013, u li daħlet fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena, li t-trasferiment causa mortis tad-dar residenzjali tal-persuna li tmut favur l-ulied tagħha se jkun eżenti mit-taxxa ta' trasferiment se tapplika wkoll għal dawk il-każijiet fejn l-anzjan/a (omm jew missier) kien/kienet residenti f'dar tal-anzjani jew post ta' kura fis-snin ta' qabel il-mewt tiegħu/tagħha?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant illi qabel daħlet fis-seħħ din il-miżura ma kenux jitqies l-ewwel 35,000 elf euro tal-valur ta’ dar ta’ abitazzjoni sakemm din kienet ir-residenza ordinarja tal-persuna li minnha origina. It-trasferiment causa mortis u kienet tapplika wkoll għal dawk il-każijiet fejn l-anzjan/a (omm jew missier) kien/kienet residenti f'dar tal-anzjani jew post ta' kura fis-snin ta' qabel il-mewt għalhekk se tibqa' din il-prattika.
miżuri fil-baġit — benefiċċji għal persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti stima ta’ kemm huma dawk li se jibbenefikaw mill-miżura li ġiet mħabbra fil-baġit fejn familji jistgħu jieħdu deduction fejn hemm persuni b’diżabilità residenti f’respite homes? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi pjan li dawn il-benefiċċji jiġu estiżi wkoll għal persuni b’diżabilità li jibqgħu jgħixu fid-djar residenzjali tagħhom fejn isiru spejjeż speċifikament minħabba d-diżabilità tagħhom?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.