Legislature:
Category:
Reset
Active:

pensjoni kontributorja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li jieħdu pensjoni kontributorja fl-aħħar ta' Frar 2013?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-numru ta’ persuni li tħallsu pensjoni kontributorja sa l-aħħar ta’ Frar 2013 kien ta’ 78,171 skont kif jidher iżjed l-isfel: Pensjoni għal Irtirar 57,613 Pensjoni għar-Romol 15,710 Pensjoni għal Invalidita’ 4,848

pensjoni tal-invalidità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li jieħdu pensjoni tal-invalidità fl-aħħar ta' Frar 2013?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni li tħallsu Pensjoni Għal Invalidità sa l-aħħar ta’ Frar 2013 kien ta’ 4,848.

pensjoni mhux kontributorja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li jieħdu pensjoni mhux kontributorja fl-aħħar ta' Frar 2013?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-numru ta’ persuni li tħallsu pensjoni mhux kontributorja sa l-aħħar ta’ Frar 2013 kien ta’ 4654.
Leg 12 PQ #1496 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu ppjanat li jidħlu cruise liners f'Għawdex fil-perijodu tas-sajf, ċjoè minn Ġunju 2013 sa Settembru 2013? Dan in-numru kif jikkompara mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet (2012)? Kemm hi l-mira tal-Gvern ta' turisti li jaslu fuq cruise liners f'Għawdex matul is-sena sħiħa 2013, u din kif tikkompara ma’ dik tas-sena 2012?

Response (VELLA, KARMENU)

Jekk it-temp jippermetti huma ppjanati li jidħlu Għawdex 9 cruise liners fil-perijodu Gunju 2013 sa Settembru 2013. Dan huwa l-istess numru li kellna fl-2012. Dan għandu jammonta għal 1492 passiġier. Tul is-sena 2012 kien hemm 14-il cruise liner li daħlu Għawdex u dawn kienu qed iġorru total ta’ 3,539 passiggier. Fl-2013 huwa ppjanat li jkollna 16 – il cruise liner li hu stmat li ser iġorru total ta’ 4,225 passiggier, jiġifieri żieda ta’ 686 passiggier fuq 2012. Sfortunatament minħabba temp ħazin, nhar il-22 ta’ Marzu 2013, il-cruise liner Black Watch, bi 807 passiġġieri, ma rnexxielux jankra l-Imġarr.

immigranti – status ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-ewwel tas-sena sal-lum kemm ġew salvati immigranti minn fuq il-baħar? X’inhi n-nazzjonalità ta' dawn l-immigranti? Sa issa kemm minn dawn l-immigranti talbu li jingħataw l-istatus ta' refuġjat? Kien hemm talbiet li ġew milqugħa jew rifjutati, u jekk iva, kemm f' kull każ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: Din hija t-tabella aġġornata sal-20 ta’ Ġunju 2013: 2013 Jan Feb Mar Apr May Jun Total Algeria - - 1 - - - 1 Morocco - - 6 - - - 6 Somalia - - 82 84 83 23 272 Syria - - 13 - - 18 31 - - 102 84 83 41 310 Mill-ewwel tas-sena sal-20 ta’ Ġunju kien hemm 272 persuna mis-Somalia li ġew salvati minn fuq il-baħar.

Għaqdiet tal-konsumaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il għaqda tal-konsumaturi hija reġistrata f'Malta? Meta ġew reġistrati dawn l-għaqdiet? Kemm hu n-numru ta' membri ta' kull għaqda reġistrata? X' għajnuna ngħatat diġà kull għaqda din is-sena u x'inhu ppjanat li tingħata kull għaqda sal-aħħar tas-sena 2013?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm għaqda waħda, L-Għaqda tal-Konsumaturi, reġistrata. Ir-reġistrazzjoni tkun imġedda kull sena. Din l-għaqda għandha 105 membru. Għal dik li hi għajnuna l-Awtorita tipprovdi post u l-kera fejn tiltaqa l-għaqda kif ukoll il-ħlas ta'servizzi ta'dawl, ilma u ndafa.
Leg 12 PQ #1600 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — wheelchairs

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan l-aħħar ġie nnutat li hemm nuqqas kbir ta' wheelchairs fl-Isptar Mater Dei? Kemm hemm wheelchairs għall-użu tal-pubbliku? Jista' l-Ministru jara li jiżdiedu l-wheelchairs fl-isptar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li normalment l-ammonti tal-wheelchairs li hemm bħalissa huma biżżejjed. Dan l-aħħar ma kienx hemm rapporti ufficjali li jindikaw xi nuqqas kbir. Bħalissa hemm disgha u sebghin (79) wheelchair , li huma għall-użu fl-Isptar Mater Dei. Pazjent jista jkun akkumpanjat mill-porter jew jingħata l-wheelchair biex jinqeda fl-isptar stess. Kultant ikun hemm talba ghal wheelchairs aktar mis-soltu, ghalhekk l-ammont li hemm bhalissa jew ikun qed jintuża, jew ġieli jkun hemm xi wheelchair għat-tiswija.
Leg 12 PQ #1601 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm security officers fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar ta' Frar 2013? Dan in-numru żdied minn Frar sal-lum? Jekk żdied, b' kemm żdied, u x' kienet r-raġuni?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ġurnata ta’ Frar, 2013 kellna 86 Uffiċjal tas-Sigurta’ fuq xogħol fl-Isptar Mater Dei li jkopru l-ġurnata, kif ukoll il-lejl. Minn l-aħħar ta’ Frar, 2013, in-numru ta’ Ufficjali tas-Sigurta’ la tnaqqas u lanqas żdied.
Leg 12 PQ #1602 Sitting 33 2013-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

high energy users — Industriji u lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ġietx imnedija l-iskema għall-industriji u lukandi Għawdxin li huma high energy users kif imħabbra fil-baġit għas-sena 2013? Jekk iva, meta? Jekk għadha ma ġietx imnedija x’inhi r-raġuni, u meta se tiġi mnedija? Min se jkun eleġibbli biex jibbenefika minn din l-iskema?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Tfal li jingħataw kura f'istituzzjonijiet

Question

B'referenza għal dak li l-Ministru qalet fil-media lokali u ċjoè li f'Malta hawn 600 tifel u tifla li qed jingħataw kura f'istituzzjonijiet, tista' l-Ministru tagħti lista ta' dawn l-istituzzjonijiet, min imexxi dawn l-istituzzjonijiet u kemm hemm tfal f'kull istituzzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta ghamilt riferenza fil-media dwar tfal li qed jghixu barra l-familji naturali taghhom u semmejt li l-ammont ta' dawn it-tfal irdoppja fi ftit snin, kont qed nirreferi ghal tfal li qeghdin fl-Out of Home Care, i.e. kemm tfal li qed jghixu f'istituzzjonijiet, kif ukoll ghal tfal li qed jigu fostered. Tfal li jinsabu fl-istituzzjonijiet ghandna 194, kif jidher mit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra filwaqt li tfal li qed jiġu fostered għandna 511.

Forum fuq il-familja

Question

Peress li l-Ministru ġiet ikkowtata li qalet li se tappunta forum fuq il-familja, jista’ l-Ministru jgħid x'se jkun l-iskop ta' dan il-forum, minn min se jkun kompost u meta hu mistenni li jitwaqqaf? Meta jitwaqqaf dan il-forum kif se jaħdem mal-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-Familja? X'se jkun ir-rwol ta' din il-Kummissjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-Għan tal-Forum huwa li jipprovdi mekkanizmu ta’ komunikazzjoni kontinwa bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Familja u l-pubbliku. Għalhekk ir-rwol tal-Forum huwa biex jidħol f’konsultazzjoni regolari mal-pubbliku permezz tal-kunsilli lokali u l-NGOs kif ukoll tidhol fi djalogu ma’ gruppi partikolari, b’ l-iskop li titwassal informazzjoni dwar dawn l-esperjenzi lil Kummissjoni Nazzjonali Familja. Il-Forum twaqqaf nhar l-Erbgħa 19 ta’ Ġunju u kompost miċ-chairperson u ħdax-il membru li l-ismijiet tagħhom qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministru Għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Dekasteru

Question

Tista' l-Ministru telenka l-bordijiet, entitajiet, kummissjonijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt l-Ministeru tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #1492 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

liċenzji għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi li għandhom liċenzja biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet? Kif inhuma mqassma, kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, u f’liema bajjiet jistgħu joperaw? Kif jinħarġu dawn il-liċenzji, kull meta jiġu mħallsa u kif jiġi determinat l-ammont dovut għal din il-liċenzja?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’ kollox hawn dsatax (19)-il operatur liċenzjati mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu biex jikru umbrelel u/jew deckchairs fuq jew ħdejn il-bajjiet. L-informazzjoni lokali b’lokal qiegħdha titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Sa’ l-2002 il-Pulizija kienet tilliċenzja dan l-operat, u sussegwentement dawn ġew mgħodija lill-Malta Tourism Authority li kompliet toħrog il-liċenzja lil dawn l-operaturi skond il-permessi originali. Applikazzjonijiet ġodda jiġu ikunsidrati biss fuq art privata u jridu jkunu approvati ukoll mill-MEPA jew permess tad-Dipartiment tal-Artijiet f’dan ir-rigward. Il-liċenzja tiġi mħallsa anwalment b’ratra fuq kull liċenzja ta’ €116. Fil-każ ta’ Kemmuna l-Awtorita’ tat-Turiżmu toħrog sejħa għall-offerti pubblika u wara jinħareġ permess mid-Dipartiment tal-Artijiet lil min tkun ġiet mgħotija is-sejħa.

open-top buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn liċenzji biex jiġu operati open top buses f'Malta u kemm f'Għawdex? Hemm talbiet għal liċenzji oħra? Jekk iva, fiex waslet l-applikazzjoni? Kemm iħallsu l-operaturi għal din il-liċenzja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hawn 41 open top buses li għandhom liċenzja valida maħruġa minn Transport Malta. Minn dawn hemm: · 25 li huma awtorizzati joperaw servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri kullimkien f’Malta u f’Għawdex; · 4 li huma awtorizzati joperaw biss servizzi regolari għall-passiġġieri fuq rotot ta’ Trasport għat-Turisti stabbiliti f’Malta; u · 12 li huma awtorizzati joperaw biss fuq servizzi regolari għall-passiġġieri fuq rotot ta’ Trasport għat-Turisti stabbiliti kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Ninsab ukoll infurmat illi fil-preżent Transport Malta għandha sittax-il applikazzjoni pendenti għal-liċenzjar ta’ open top buses antiki. Ħamsa minn dawn qed jiġu proċessati fuq deċiżjoni tal-Qrati Maltin, filwaqt li l-ħdax l-oħra għadhom qed jiġu ikkunsidrati mill-Awtorità. Id-dritt kull sena għal-liċenzja ta’ open top bus jibda minn €150 u jitla’ sa massimu ta’ €450 skont in-numru ta’ snin li dik il-vettura tkun ilha liċenzjata. Barraminhekk, dawk l-operaturi li huma awtorizzati biex jagħtu servizzi regolari lill-passiġġieri fuq rotot ta’ trasport għat-turisti, iħallsu pagament kull sena sa massimu ta’€37,000 għal kull rotta awtorizzata.
Leg 12 PQ #1494 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

linji tal-ajru low cost

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema linji tal-ajru hekk magħrufa low cost qed joperaw minn u lejn Malta bħalissa? Kemm-il titjira fil-ġimgħa joperaw dawn il-linji u lejn liema destinazzjonijiet? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li jkollna iktar low cost airlines joperaw minn pajjiżna u x' qed isir għal dan il-għan?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-detalji tal-linji tal-arju magħrufa bħala ‘low cost’ jew li mhux identifikati bħala ‘flag carriers’ li qiegħdin joperaw minn u lejn Malta bħalissa. Id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha koncernati isiru regolarment sabiex nesploraw il-possibiltajiet kollha biex nimmassimizzaw l-opportunitajiet kollha biex intejjbu u nkattru l-aċċessibilità lejn pajjizna.
Leg 12 PQ #1495 Sitting 32 2013-06-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu pjanat li jidħlu cruise liners f'Malta fil-perijodu tas-sajf, ċjoè minn Ġunju 2013 sa Settembru 2013? Dan in-numru kif jikkompara mal-istess perijodu tas-sena li għaddiet (2012)? Kemm hi l-mira tal-Gvern ta' turisti li jaslu fuq cruise liners matul is-sena 2013 u din kif tikkompara ma’ dik tas-sena 2012?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni miġbura mill-Valletta Cruise Port. Is-sena l-oħra waħda mill-kumpanija ħadet deċizjoni li tnaqqas il-vjaġġi lejn Malta.
Leg 12 PQ #1469 Sitting 31 2013-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli Lokali – skema ta’ residential parking

Question

In vista tal-ordni mogħtija mis-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu sabiex l-ebda kunsill lokali ma jkompli għaddej b' xi skema ta' residential parking, jista' l-Ministru jgħid jekk din d-direttiva xxekkilx l-awtonomija tal-kunsilli lokali li huma eletti demokratikament mir-residenti tal-lokalità tagħhom? Jista' jgħid din id-direttiva abbażi ta’ liema liġi ngħatat? Jista' jgħid jekk ikkonsultax mal-Assoċċazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar din id-direttiva u jekk l-assoċċazzjoni qablitx mal-istess direttiva qabel inħarġet?

Response (VELLA, KARMENU)

Bl-ebda mod din l-ordni m’għandha ixxekkel l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali. Huwa fl-interess tal-istess Kunsilli Lokali nvoluti li qabel ma jkomplu bil-proċessi tagħhom jistennew direzzjoni dwar il-materja. L-ordni ngħatat a bażi ta’ deċiżjoni li ħa l-Kabinett wara sitwazzjoni li nqalgħet. F’dan id-dawl is-Segretarju Parlamentari sejjaħ laqgħa mal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex fost l-oħrajn jiddiskutu din is-sitwazzjoni.

Il-Marsa – Triq Diċembru 13 — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Triq Diċembru 13 fil-Marsa? Meta hu programmat li jitlesta dan ix-xogħol? Kemm hu stmat li jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fuq Triq Diċembru 13 imxew ‘il quddiem u għaddejjin b’ritmu tajjeb. Sal-lum, ix-xogħlijiet strutturali ta’ nofs l-underpass tlestew u l-karreġġjata li ser tieħu t-traffiku lejn il-Marsa qed tiġi ffurmata. Ta’ min ifakkar li x-xogħol fuq din it-triq, li kien beda f’Novemru 2011, twaqqaf mill-Gvern preċedenti f’Novembru 2012 u ppostonieh għal Marzu 2013. Dan ifisser li x-xogħol fuq din it-triq twaqqaf għal 4 xhur bil-konsegwenza li 5.5 miljun ewro kienu fil-periklu li jintilfu minħabba li ma sarx progress kif kien ippjanat minn qabel fuq ix-xogħlijiet infrastrutturali. B’hekk ix-xogħol fuq din it-triq waqa’ lura. Il-Gvern preżenti ħa passi minnufih biex ix-xogħol jerga jibda. Ix-xogħol fuq Triq Diċembru 13 hu mistenni li jitlesta fl-2014 u hu stmat li jigi jiswa madwar €8 miljuni.

Mellieħa – Bypass — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq il-bypass tal-Mellieħa hux lest minn kollox? Jekk le x'fadal isir u meta hu mistenni jitlesta kollox? Kemm ġiet jew se tiġi l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet il-kbar fuq il-bypass tal-Mellieħa tlestew. Bħalissa qed jitlestew xi xogħlijiet minuri li hu stmat li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Ix-xogħol kollu hu stmat li jiswa 5.2 miljun Ewro, għalkemm il-kontijiet fuq ix-xogħlijiet kollha għadhom qed jiġu maħduma.

Għadira — Ċirkewwa – xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq it-triq li mill-bajja tal-Għadira twassal sal-port taċ-Ċirkewwa hux lest minn kollox? Jekk le x'fadal isir u meta hu mistenni jitlesta kollox? Kemm ġiet jew se tiġi l-ispiża totali fuq din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq Triq il-Marfa, li twassal sal-port taċ-Ċirkewwa, qegħdin fi stadju avvanzat ħafna, u jonqos biss ċertu xogħlijiet ta’ tiswija u snagging biex tkun lesta minn kollox. L-ispiża totali tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni hija stmata għal madwar €7.8 miljun.