Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-BioMalta Campus li fil-baġit għal din is-sena kien indikat li wara li ħarġu l-permessi neċessarji u kien sar ix-xogħol ta’ twaqqigħ u tindif tas-sit, kellu jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni fil-bidu ta' din is-sena?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninsab infurmat li wara l-ħruġ tal-permess ta’ żvilupp sħiħ mill-MEPA għall-Enabling Works (Twaqqigħ u Tħaffir), ix-xogħlijiet ta’ tiġrif u tħaffir bdew f'Settembru 2011.
Saret konsultazzjoni mal-Mater Dei, OHSA, TM, u MITA minħabba s-sensittività taż-żona fil-qrib tal-isptar. Din il-konsultazzjoni saret biex jiżguraw li qegħdin isiru xogħlijiet mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjent kbir għal xogħlijiet tal-istess sptar. Ix-xogħlijiet progressaw skont il-programm u sa Settembru 2012, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u tħaffir tlestew kompletament.
F'Settembru 2012, il-MEPA ħarġet il-permess sħiħ għall-bini
tal-Life Sciences Centre.
Matul Diċembru 2012 il-mobilizzazzjoni fuq is-sit beda u attwalment qed jiġu finalizzati il-
foundation levels.
Il-programm ta’ xogħlijiet - li jinkludi xogħlijiet ta' bini, installazzjoni tas-servizzi tal-bini, il-
finishes
u l-
landscaping
- huwa mistenni li jitlesta sa l-ewwel /tieni kwart tal-2014.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' titjib f'kull waħda miż-żoni industrijali ta' Bulebel, Ħal-Far, Kordin, Mosta u Xewkija Għawdex? Kemm hu l-persentaġġ tax-xogħol ippjanat li huwa lest? Meta mistenni jitlesta x-xogħol f'kull żona? Kemm se jiswa x-xogħol f'kull żona?
Response (CARDONA, CHRIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-faċilità ta’ plug in/plug out għal kumpaniji innovattivi fl-oqsma tan-negozji fl-ICT u d-digital content development li fil-baġit ġew ivvutati €3.5 miljun għaliha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ix-xogħol fuq il-proġett tad-digital hub jinsab fi stadju avvanzat u bħalissa qegħdin jiġu iffinalizzati t-tenders għax-xogħlijiet. Huwa ppjanat illi x-xogħol jibda lejn l-aħħar tal-2013 u jitlesta fl-2014.
Tista' l-Ministru tgħid iż-żieda fil-benefiċċju għall-gass minn €30 euro għal €40 kif imħabbra fil-baġit għal din is-sena ngħatatx? Jekk le, meta hu maħsub li titħallas u kemm-il familja se jibbenefikaw minnha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żieda fil-benefiċċju għall-gass minn €30 għall-€40 ingħatat u skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment jidher li ibbenefikaw minnha 9,374 familja.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1047, peress li l-Ministru afferma fir-risposta tiegħu li l-istudji fuq il-permanent link bejn Malta u Għawdex se jitkomplew, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel dawn l-istudji u jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija, u ċjoè fiex wasal il-proċess u x’inhu mistenni jsir matul is-sena 2013 u s-sena 2014 fuq din il-proposta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif diġà ntqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1047, il-Kamra se tinżamm aġġornata bl-iżviluppi li jista’ jkun hemm rigward dan il-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament baqgħet ma ħaditx is-somma tat-teżor minkejja li għamlet 40 sena servizz meta ħafna minn sħabha ħaduha?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninsab infurmat illi s-sezzjoni Pensjonijiet tat-Teżor qatt ma rċeviet applikazzjoni ghat-talba tal-pensjoni/somma tat-Teżor minngħand ebda dipartiment li kien iħaddem lil din il-persuna.
ETC – studenti li bbenefikaw minn skemi għax-xogħol f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum kemm studenti bbenefikaw minn skemi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) biex jingħataw opportunità ta' xogħol ma' kunsilli lokali jew għaqdiet non governattivi f'Għawdex? F'kull każ jista' jelenka l-kunsilli lokali jew għaqdiet non governattivi li magħhom ingħataw din l-esperjenza u f'kull każ għal kemm sigħat jew ġranet kienet twila?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) m'għandhiex skema tat-tip li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ċentri ta' matul il-jum għall-anzjani? Fejn jinsabu dawn iċ-ċentri? Kemm persuni anzjani jattendi f'kull ċentru, u kemm hemm nies impjegati f'kull ċentru? Tista' l-Ministru tindika fejn hu maħsub li jinfetħu ċentri oħra u meta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li qagħdu għal kull wieħed mill-eżamijiet taċ-Ċivil li saru dan l-aħħar? Kemm kien in-numru ta' dawk li għaddew minn kull wieħed minn dawn l-eżamijiet, u x'persentaġġ kien jikkostitwixxi dan in-numru min-numru totali ta' dawk li qagħdu għall-eżami?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju li kien ippjanat li jinfetaħ f'Misurata fil-fatt infetaħx? Jekk iva, min qed imexxi dan l-uffiċċju u x’inhu x-xogħol li qed isir minnu s’issa? Jekk għadu ma nfetaħx, meta hu mistenni li jinfetaħ?
Response (CARDONA, CHRIS)
Jista l-Onor. Interpellant jindika għal liema uffiċċju hija indikata din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni tan-negozju marret il-Libja mill-1 ta' Jannar 2013 sal-lum? Minn min kienu komposti kull delegazzjoni li marret? Hemm ippjanati delegazzjonijiet oħra tan-negozju biex immorru l-Libja fix-xhur li ġejjin? Jekk iva, meta hu ippjanat li jmorru u minn min se jkunu komposti?
Response (CARDONA, CHRIS)
Din is-sena, l-Malta Enterprise assistiet diversi kumpaniji Maltin biex esebixxew ġo fieri fil-Libja, li jinkludu l-fieri Libya Oil and Gas, Libya Build, u Libya Food. L-uffiċjal tal-Malta Enterprise fi Tripoli jgħin kumpaniji Maltin biex jagħmlu kuntatti ma’ kumpaniji fil-Libja fuq bażi kontinwa. Is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-Libja fix-xhur li għaddew qiegħda tillimita l-inizjattivi li jistgħu jsiru fil-Libja fil-preżent. Ta’ min jinnota wkoll li qiegħed jitfassal pjan t’azzjoni għal Libja li se jiġi diskuss ma’ l-entitajiet ikkonċernati, bil-għan li jiġu implimentati diversi inizjattivi fil-Libya fil-futur.
Valletta 18 – Ċerimonja għat-titolu ta’ Belt Kulturali Ewropea 2018
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien preżenti minn Malta għaċ-ċerimonja li saret fi Brussell u li fiha l-Belt Valletta irċeviet formalment it-titolu ta' Belt Kulturali Ewropea 2018? Għaliex il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma kienx rappreżentat għal din l-okkażjoni? Għaliex ma nħassitx il-ħtieġa li jkun preżenti l-ex Chairman tal-V18 li kien strumentali sabiex il-bid ta' Malta tiġi aċċettata?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, iċ-Ċermen tal-Valletta 18 u tlett uffiċjali tekniċi tal-Ministeru.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt kien rappreżentat mis-Sindku tal-Belt iżda lejliet il-vjaġġ dan kien iċċertifikat marid u ma setax isiefer.
Is-Segretarjat Parlamentari ħass li kellu jitla’ iċ-Ċermen il-ġdid.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il dar residenzjali għall-persuni b' diżabilità huwa ppjanat li jiftaħ il-Gvern matul din il-Leġiżlatura? Kemm huwa maħsub li jiżdiedu postijiet f'dawn id-djar ma’ dawk li diġà jeżistu fil-preżent?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern jemmen tabilħaqq f’soċjetà ġusta u għalhekk li mill-bidunett beda jaħdem biex fis-snin li ġejjin kull persuna b’diżabbiltà tinstabilha residenza li jisħoqqilha meta tiġi bżonnha. L-għadd ta’ postijiet se jkun qed jiżdied skont in-numru ta’ persuni b’diżabbiltà li jagħżlu dar komunitarja tal-Gvern. Kien għal dan il-għan ukoll li l-Gvern beda jħejji l-pjani tiegħu biex isaħħaħ l-Aġenzija Sapport li fil-leġiżlatura li għaddiet ma rnexxilhiex tħaddem dar residenzjali waħda ġdida tal-Gvern. Fl-istess waqt nista’ nassigura lill-interpellant li dan il-Gvern mhu se jiftaħ ebda dar residenzjali għall-persuni b’diżabbiltà li d-dħul għaliha lanqas biss huwa skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà bħalma sar f’ B’Bugia qabel l-elezzjoni generali.
Birżebbuġa — Dar għal tfal b’diżabilità – ingaġġ ta’ staff
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi staff jonqos jiġi ingaġġat biex tkun tista’ tibda topera d-dar residenzjali għat-tfal b'diżabilità f' Birżebbuġa? Fejn wasal il-proċess biex jiġi ingaġġat dan l-istaff? Kemm hemm staff li diġà ġie ingaġġat u f’liema pożizzjonijiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT s’issa ingaġġat leader, professional support worker, 2 support workers (full-time) u 3 support workers (part-time). Biex l-Aġenzija tkun tista’ tilqa’ l-ewwel żewġ klijenti – li għandhom bżonn support kontinwu (1:1) u li digà bdew it-transizzjoni tagħhom – ħalli jibdew jgħixu fid-dar b’mod permanenti, hemm bżonn ta’ 5 support workers (full-time) u 4 support workers (part-time) b’kollox. Dan ifisser li fadal 3 support-workers (full-time) u 1 support worker (part-time) biex jiġu impjegati. Dawn il-pożizzjonijiet huma kollha approvati mill-Gvern u allura hemm il-fondi għalihom. L-impjegati li diġà ġew ingaġġati bħalissa jużaw il-ħin kemm għat-transizzjoni tal-ewwel żewġ klijenti kif ukoll qegħdin jaħdmu fil-bqija tar-residenzi tal-Aġenzija biex jieħdu t-taħriġ neċessarju.
Il-proċess ta’ reklutaġġ għal pożizzjoni ta’ support worker reġa’ beda f’dawn l-aħħar ġimgħat però ma nstabux biżżejjed kandidati għall-bżonnijiet kollha li hemm fl-Aġenzija bħalissa. Għalhekk kellha toħroġ it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet u li din għalqet it-Tnejn 1 ta’ Lulju, 2013.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – xogħol f’Għawdex
Question
Peress li ammont sostanzjali ta' back office work tad-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali jsir f'Għawdex u peress li fis-sena 2012 ix-xogħol fuq iċ-children's allowance beda jsir ukoll minn Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid liema xogħol ieħor tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa maħsub li jibda jsir minn Għawdex? Meta hu ppjanat li aktar xogħol jibda jsir minn Għawdex u kemm hu maħsub li jkun hemm bżonn impjegati taċ-Ċivil Għawdxin biex jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – servizz fil-kunsilli lokali
Question
Tista' l-Ministru tgħid f’liema kunsilli lokali sal-aħħar ta' Frar 2012 kien qed jingħata s-servizz mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lir-residenti ta' dawk il-lokalitajiet? Tista' tagħti l-ġranet u ħinijiet fil-każ ta' kull kunsill fejn kien qed jingħata dan is-servizz? Tista' tikkonferma li dan is-servizz se jibqa' jingħata? Hemm il-ħsieb li dan jiġi estiż f'lokalitajiet oħra? Jekk iva, meta u f’liema lokalitajiet?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1043 u jagħti numru, anke approssimattiv, ta' kemm huma dawk li se jgawdu mill-proposta tal-baġit ta' 0% taxxa għal dawk li huma fuq il-minimum wage? Kemm hu stmat li se tiswa din il-miżura?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li ser igawdu minn tnaqqis ta’ taxxa bil-miżura biex dawk li huma fuq il-minimum wage ma jeħlux taxxa huwa stmat madwar 3,700 u t-taxxa involuta hija madwar €125,000.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1044 u jispjega xi proċess qed jitħaddem sabiex dawk li se jibbenefikaw minn refund ta' taxxa fuq ix-xiri tal-ewwel residenza tagħhom (hekk kif tħabbret fil-baġit) jiġu mogħtija dan ir-refund?
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq residenzjali ġodda f'Għawdex li għadu qatt ma sar il-wiċċ tagħhom? Fil-każ ta' kull triq meta hu maħsub li jsir ix-xogħol neċessarji biex dawn jiġu surfaced għall-ewwel darba?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fl-iskeda li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u li ix-xoghol fuq dawn it-toroq isir aktar 'il quddiem meta jkun possibli.
Jista' l-Ministru jelenka x-xogħol li sar fis-sit tat-tempji tal-Ġgantija f' Għawdex matul l-aħħar ħames snin? Liema xogħol hu għaddej bħalissa? Kemm minn dan ix-xogħol li tlesta u li jinsab għaddej huwa kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Meta hu mistenni li jkun lest ix-xogħol li għaddej?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin saru bosta xogħolijiet fuq it-Tempji Megalitici tal-Ġgantija u fil-madwar.
Saru xogħolijiet iffinanzjati mill-VODAFONE Malta Foundation, li swew madwar €200,000, li jinkludu ‘walkway’ riversibbli fit-tempji sabiex tipproteġi l-art preistorika oriġinali u sabiex tagħmel it-tempji aċċessibbli għal kulħadd, u ġew installati ‘weather station’, sistema ta’ CCTV kif ukoll zewg ‘interactive infomation kiosks’.
Barra minn hekk, bħala parti mill-proġett ta’ €9.2miljun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew ghall-Iżvilupp Regjonali (ERDF), li jkopri tliet siti ta’ Heirtage Malta (il-Katakombi ta’ San Pawl u t-Tempji ta’ Hal Tarxien u tal-Ggantija), bħalissa għaddej xoghol ta’ bini ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni, tisbiħ u konservazzjoni tal-‘landscape’ orġinali u bini ta’ ‘Exit Building’, b’valur totali ta’ €2.3miljuni. Dan ix-xogħol jinstab fi stadju avvanzat u mistenni jkun lest fix-xhur li ġejjin. Qed isiru wkoll studji fuq l-istabbilita’ ta’ partijiet mit-tempju li llum hemm scaffolding mibni madwarhom. Sar ukoll xogħol ta’ skavi arkeologici u surveys bi preprazzjoni għal dan l-istess proġett.