Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #7552 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet – membri nisa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kull bord li nħatar mill-Gvern mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta’ membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn in-numru ta’ membri fuq bordijiet maħtura fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa ta’ 138 li minnhom 24 huma nisa. Rigward bordijiet oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #7448 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm bżonn ħafna riżorsi biex jiġbor kemm tħallas overtime mill-Ministeru tiegħu mill-11 ta’ Marzu sal-lum f’kull dipartiment jew entità separata li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Dan ifisser li dawn id-dipartimenti u entitajiet ma jżommux records ta’ kemm ikunu ħallsu overtime? Dan ifisser li dawn id-dipartiment u entitajiet m’għandhomx sistema kompjuterizzata li turi kemm tħallas overtime? Ma jaħsibx li huwa fl-interess pubbliku li jkun magħruf kemm tħallas f’overtime, u li l-ebda spiża ma tiġġustifika li l-pubbliku ma jkunx jaf din l-informazzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Nterpellant li ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 7031 ġaladarba mhux qed jiġġustifika t-talba tiegħu. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li Ministri fil-Leġiżlatura ta’ qabel ma kienux jaħsbu li hu fl-interess pubbliku li tingħata din l-informazzjoni sakemm ma jkunx hemm raġuni speċifika.

Employment Aid Programme

Question

B’referenza għall-Press release 140116 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kif qed jintużaw iż-€2 miljun żieda fil-fond tal-Employment Aid Programme? Kemm ibbenefikaw s’issa minn din iż-żieda? F’liema setturi ġew impjegati dawk li bbenefikaw? Għal kemm snin huma marbuta li jinżammu fil-post tax-xogħol dawk li bbenefikaw? Kemm qed jibbenefika kull employer għal kull ħaddiem li jħaddem taħt din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fl-2013 ġew allokati €1,962,500 fondi addizzjonali għall-estensjoni tal-Employment Aid Programme biex jintużaw għal Għawdex. F’Ottubru fetħu l-applikazzjonijiet u għalqu fit-12 ta’ Diċembru 2013. It-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-għadd ta' applikazzjonijiet li daħlu (Tabella ‘A’). Mill-applikazzjonijiet li ġew aċċettati s’issa, jidher li ż-€2 miljuni ser jintużaw kollha. Rigward f’liema setturi ġew impjegati dawk li bbenefikaw, it-tagħrif hu skont kif jidher f’Tabella ‘B’ li wkoll qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-persuni għandhom jinżammu għal perjodu massimu tal-grant (52 ġimgħa). Dan il-Program jipprovdi 50% sussidju fuq il-paga bażika mħallsa lil dawn l-individwi, kif ukoll sussidju ta’50% fuq il-kontribuzzjoni minn naħa ta’ min iħaddem għas-Sigurtà Soċjali tal-impjegat. Fuq l-impjieg ta’ persuni b’diżabilita’ s-sussidju huwa ta’ 75% tal-paga bażika.

Employement Aid Programme – ħaddiema Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw ħaddiema f’Għawdex, mill-fond tal-Employment Aid Programme sa Marzu 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-fond tal-Employment Aid Programme, sa Marzu 2013, kienu għadhom qed jibbenefikaw 566 ħaddiem f’Għawdex.
Leg 12 PQ #7451 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali t’Għawdex – fondi għall-proġett

Question

B’referenza għal dak li hemm fil-press release 140116 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kif se jintużaw it-€3.6 miljun għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex indikati f’dik l-istqarrija? Fiex wasal ix-xogħol fuq il-proġetti li se jsiru b’dawn il-fondi? Meta nbeda dan ix-xogħol u meta hu mistenni jitlesta?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7452 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti Kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6942 u 7114 li ma ġewx imwieġba, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti, inizjattivi jew programm kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea: a) Se jibdew jitwettqu f’Għawdex matul is-sena 2014; u b) Diġà bdew fis-snin ta’ qabel però se jitkomplew matul is-sena 2014? Jista’ jagħti deskrizzjoni qasira tal-proġett/inizjattiva jew programm li se jibda fis-sena 2014 jew se jitkompla matul l-istess sena, u kemm se jiswa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-lista ta’ dawk l-proġetti kofinanzjati mill-fondi tal-Unjoni u li kien jew għadu responsabbli għalihom il-Ministeru għal Għawdex. Rigward dawk il-proġetti jew inizjattivi li qegħdin jiġu mwettqa ġewwa Għawdex minn entitajiet jew Ministeri oħra u li huma kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jistaqsi lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #7324 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Allokazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-allokazzjoni ta’ kull kunsill lokali għas-sena 2014? Jista’ jagħti kemm se tonqos jew tiżdied l-allokazzjoni ta’ kull kunsill f’din is-sena meta mqabbel mas-sena 2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7325 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Iċ-Ċittadella – Proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew jew kemm hu stmat li se jiswa l-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed jiġi implimentat fiċ-Ċittadella f’Għawdex taħt ERDF 39 – restawr u riabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex li kien jikkonsisti fil-konsolidazzjoni tal-blat li fuqu hija mibnija ċ-Ċittadella u r-restawr tal-ħitan tal-fortifikazzjoni taċ-Ċittadella? Min qed jagħmel dan ix-xogħol? Kemm kien sottomessi offerti għal dan ix-xogħol u x’kien il-valur ta’ kull offerta? Meta hu mistenni li jintemm dan il-proġett?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ konsolidazzjoni tal-blat li fuqu hija mibnija parti miċ-Ċittadella u r-restawr tal-ħitan sovrastanti sewa €3,086,269.61 (VAT eżkluż). Ix-xogħol twettaq mill-Joint Venture CG2011. Għal dan ix-xogħol kienu ġew sottomessi total ta’ erba’ offerti kif ġej: · CG 2011 Joint Venture - €3,054,668.45 (VAT eżkluż) · BED Joint Venture - €3,181,006.75 (VAT eżkluż) · BMV Joint Venture - €4,797,418.40 (VAT eżkluż) · Ballut Blocks Services Ltd. – l-offerta finanzjarja f’dan il-każ ma kienetx infetħet peress li l-offerta teknika ma kienetx konformi mar-rekwiżiti tat-tender. Ix-xogħol ta’ restawr tas-swar u konsolidazzjoni tal-blat fuq is-sit tlesta f’Diċembru tas-sena l-oħra. L-kuntrattur għad baqgħalu però l-obbligu taħt l-istess kuntratt li jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni għas-sentejn li ġejjin. Il-progett tar-restawr taċ-Ċittadella ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ta’ fondi ERDF039 kellu wkoll tlett komponenti oħra: l-eżekuzzjoni ta’ dokumentazzjoni (2D u 3D) tal-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella; ir-restawr tal-linja tas-swar li tħares lejn in-naħa tal-art (landfront bastions) u l-għoti ta’ servizz ta’ konsulenza ġeoteknika fuq il-konsolidazzjoni tal-blat sottostanti ċ-Ċittadella.
Leg 12 PQ #7390 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Is-Sannat – Triq is-Sannat – xogħol ta’ re-surfacing

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7140, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq Sannat, is-Sannat huwiex se jsir matul is-sena 2014 peress li fir-risposta naqas li jwieġeb għal dan?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proċess relatat ma Triq Sannat, fis-Sannat diġà inbeda.
Leg 12 PQ #7391 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Victoria (Għawdex) – Triq Għajn Qatet — xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7135, jista’ l-Ministru jgħid liema parti minn Triq Għajn Qatet se tiġi asfaltata? Jista’ jgħid kemm-il offerta ntefgħet u kemm kien il-valur ta’ kull offerta li ġiet sottomessa għal dan ix-xogħol?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-parti li se tiġi asfaltata testendi mill-junction ma' Triq San Duminku sal-junction ma Triq it-8 ta’ Diċembru. Jiena nfurmat ukoll li kien hemm żewġ offerti b’valuri ta’ iżjed minn €100,000 kull waħda.
Leg 12 PQ #7392 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — iċ-Cittadella – xogħlijiet ta’ restawr

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7118, jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħatat it-tender li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq xogħlijiet ta’ restawr ta’ faċċati ta’ bini fiċ-Ċittadella? Meta hu mistenni li jibda dan ix-xogħol u meta mistenni li jitlesta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li t-tender għal xogħlijiet ta’ restawr ta’ faċċati ta’ bini fiċ-Cittadella CT3086/2013 ġiet mogħtija lill-kumpanija Gaulos Conservation. Ix-xogħol mistenni jibda’ sal-aħħar ta’ Jannar 2014 u mistenni li jitlesta fi żmien sena.
Leg 12 PQ #7447 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Masterplan taċ-Ċittadella

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7121, jista’ l-Ministru jgħid kif inhu mistenni li jintefqu aktar minn €14-il miljun fuq il-proġett għall-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Masterplan taċ-Ċittadella? Kemm tenders inħarġu biex jitwettaq dan il-proġett? Min xeħet l-offerta għal kull sejħa li saret? Kemm kien il-valur ta’ kull offerta u min ġie magħżul?

Response (REFALO, ANTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #7260 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Budget 2014 – kampanja pubbliċitarja

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm swiet b’kollox il-kampanja pubbliċitarja dwar il-Budget 2014? Jista’ jagħti spjegazzjoni ta’ kif intefaq dan l-ammont? Għal kull spiża li saret, jista’ jgħid jekk inħarġitx tender u min ingħata x-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar
Leg 12 PQ #7261 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Titolu ta’ proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux proprjetà tal-Gvern? Jekk iva, b’liema titolu qiegħed f’idejn il-Partit Laburista?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Il-post li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament huwa propjeta tal-Gvern u qiegħed b’titlu ta’ kera f’idejn il-Partit Laburista . Niġbed l-attenzjoni li s-sistema kompjutterizata ma tellgħetx l-informazzjoni fl-ewwel riċerka li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 7111..
Leg 12 PQ #7320 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Elezzjonijiet tal-kumitat amministrattiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-elezzjonijiet tas-sittax-il kumitat amministrattiv humiex se jsiru flimkien ma’ dawk tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi peress il-liġi ma tispeċifikax f’liema xahar għandhom isiru l-elezzjoniet tal-Kumitati Amministrattivi u jekk dawn jistgħux jitressqu ‘l quddiem jew lura (bħalma jsir fil-każ tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali), qed jintalab parir mill-Avukat Ġenerali jekk l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi jistgħux isiru ma’ dawk tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej.
Leg 12 PQ #7321 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Elezzjonijiet tal-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta se tkun l-elezzjoni li jmiss biex jiġi elett il-kunsill lokali ta’ kull lokalità f’Malta u Għawdex?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jmiss ser isiru f’Marzu 2015. Dawn ikopru 34 Kunsill. L-elezzjonijiet tal-bqija tal-Kunsilli Lokali isiru f’Marzu 2017. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Skeda ta’ kif ser isiru l-elezzjonijiet ta’ kull Kunsill Lokali bejn l-2015 u l-2023.
Leg 12 PQ #7322 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Żgħażagħ ta’ sittax-il sena – dritt għall-vot

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadu ma ġiex ippubblikat l-abbozz ta’ liġi li jagħti d-dritt lill-persuni ta’ sittax-il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali? Dawn iż-żgħażagħ li għalqu s-sittax-il sena se jkollhom dritt jivvutaw f’Mejju li ġej fl-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li tagħti d-dritt lill-persuni ta’ sittax-il sena jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ser tiġi ppubblikata din il-ġimgħa. L-emenda proposta ser tagħti d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mis-sena 2015.
Leg 12 PQ #7323 Sitting 114 2014-01-29 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iċ-Ċittadella — Riabilitazzjoni tas-swar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7120, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru għal Għawdex fir-restawr u riabilitazzjoni tas-swar taċ-Ċittadella?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proġett ERDF 39 – restawr u riabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex kien immexxi mid-Direttorat tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u llum taħt il-Ministeru tat-Turiżmu. Il-Ministeru għal Għawdex ipprovda għajnuna permezz ta’ servizzi ta’ technical officers u perit f’diversi fażijiet tal-proġett.
Leg 12 PQ #6940 Sitting 113 2014-01-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati li bbenefikaw minn miżuri family friendly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati nisa u rġiel fid-dipartiment jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li matul is-sena 2013 ibbenefikaw minn xi miżura family friendly? Liema kienu dawn il-miżuri family friendly li bbenefikaw minnhom dawn l-impjegati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #6941 Sitting 113 2014-01-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti Kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti, inizjattivi u programmi kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea saru f’Għawdex matul is-sena 2013? Jista’ jagħti lista tagħhom u kemm sewa kull proġett, inizjattiva jew programm?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jikklarifika l-miqstosija tiegħu u jagħmilha aktar speċifika billi l-maġġoranza tal-proġetti ko-finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea huma mwettqa fuq medda ta’ snin.