B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 7448 u 7031, jista’ l-Ministru jgħid għaliex iħoss li mhux fl-interess pubbliku li jkun magħruf kemm intefaq f’overtime mill-Ministeru tiegħu? Ma jaħsibx il-Ministru li l-ħlas ta’ overtime minn fondi pubbliċi għandu jkun magħruf u huwa fl-interess pubbliku? Jista’ l-Ministru jgħid meta fil-leġislatura l-oħra kien hemm xi okka¿joni fejn ġiet mitluba informazzjoni fuq overtime li tħallas u din ma ngħatatx bl-iskuża li din mhix fl-interess pubbliku? Ma jaħsibx il-Ministru li bit-tweġibiet, jew aħjar bin-nuqqas li jagħti informazzjoni, qed jikser il-wegħda espressa ta’ trasparenza assoluta li saret qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7550 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il cruise liner daħal f'Għawdex matul is-sena 2013 u kemm-il passiġġier kien hemm fuq dawn il-cruise liners? Jista' jgħid kemm hemm cruise liners konfermati li se jagħmlu waqfa f'Għawdex matul is-sena 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Skont informazzjoni ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika in-numru ta’ passiġġiera fuq cruise liners li żaru l-gżira ta’ Għawdex matul is-sena 2013 jammonta għal 2,482.
Statistika dwar in-numru ta’ cruise liners li jidħlu f’Għawdex ma tinġabarx. Pero’ minn informazzjoni li tinġabar mingħand operaturi jidher li fl-2013 daħlu (13) tlettax-il cruise liner u din is-sena huma maħsuba li jidħlu (17) sbatax.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jżommx statistika ta' cruise liners li jidħlu f'Għawdex u jekk le għaliex? Jista' jgħid x'involviment ikollu l-Ministeru tiegħu kull darba li jidħol cruise liner f'Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jiġbor u jaġġorna din l-istatistika minn informazzjoni li jirċievi mingħand Transport Malta. Kull darba li jidħol cruise liners il-Ministeru jikkoordina mal-imsieħba kollha kkonċernati biex il-passiġġieri ta’ kull vapur ikunu milqugħa b’mod xieraq u s-servizzi kollha jkunu ikkordinati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkummissjonat survey mill-Ministeru tiegħu jew mill-Gozo Channel dwar in-nollijiet tal-Gozo Channel u priority boarding għal min iħallas iżjed? Jekk iva, min għamel dan is-survey u kemm sewa? Jista’ jgħid jekk il-Gozo Channel hiex qed tikkunsidra li tintroduċi noll ġdid u għola għal dawk li jkunu jridu jirriservaw post fuq il-vapur għal vettura tagħhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġie kkummissjonat studju dwar priority boarding li għadu mhux finalizzat. Il-kumpanija li ġiet ikkummissjonata b’dan l-istudju hija PriceWaterhouseCoopers.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel għandiex policy dwar priority boarding? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ din il-policy fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra f'Għawdex fuq bini u/jew tiswija ta' bankini u culverts kull sena fis-snin 2011, 2012 u 2013? Liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk ix-xogħlijiet ingħatawx b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7322, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-emendi neċessarji mhux se jsiru fil-ħin biex żgħażagħ li għalqu s-16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw din is-sena fl-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi li se jsiru f’16-il lokalità ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara sensiela ta’ laqgħat li s-Segretarjat kellu mal-awtoritajiet u l-għaqdiet taż-żgħażagħ inħasset il-ħtieġa li qabel ma tidħol fis-seħħ l-emenda li tagħti id-dritt tal-vot liż-żghażagh ta’ sittax-il sena għandu jkun hemm kampanja ta’ tagħlim u edukazzjoni liż-żgħażagħ li jkunu se jivvutaw għall-ewwel darba. Għalhekk, kien hemm qbil bejn kulħadd li din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Marzu tas-sena 2015.
B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 7111 u 7261, jista’ l-Ministru jgħid (1) jekk il-Partit Laburista għandux aktar proprjetajiet tal-Gvern fil-pussess tiegħu bi kwalunkwe titolu barra dawk indikati f’dawn ir-risposti; (2) jekk iva b’liema titolu u xi ħlas hemm fuq kull proprjetà u (3) fil-każ tal-Każin tal-Partit Laburista tar-Rabat Għawdex jista’ jgħid meta dan għadda għand il-Partit Laburista, x’kien hemm fil-fond qabel dan ingħata lill-Partit Laburista u kemm titħallas kera fuq dan il-fond?
Ix-Xagħra (Għawdex) — Vjal it-Tmienja ta’ Settembru - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex isir ix-xogħol fuq Vjal it-Tmienja ta’ Settembru fix-Xagħra, Għawdex? Meta se jibda x-xogħol fuq it-triq u meta hu mistenni li jitlesta? X’ser ikun jinkludi x-xogħol li mistenni jsir fuq din it-triq?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li qiegħed jiġi ppreparat id-dokument għas-sejħa għall-offerti għax-xogħol li jinvolvi bdil tal-mains tal-ilma u resurfacing tat-triq. Jiena nfurmat ukoll li x-xogħol mistenni jibda lejn l-aħħar kwart ta’ din is-sena u li mistenni jieħu tliet xhur biex ikun komplut.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet b’mod komplessiv il-kampanja pubbliċitarja tal-Gvern dwar il-budget għas-sena 2014? Jista’ jgħid kif kienet maqsuma din in-nefqa? Min kienu l-kumpaniji li ngħataw l-inkarigu biex imexxu din il-kampanja? Kif ntgħażlu u kemm tħallsu?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija ser tingħata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern dwar il-kunċett ta’ eko-Għawdex? Dan il-Gvern qed jaħdem fuq policy ġdida ta’ eko-Għawdex u jekk iva fiex wasal il-proċess?
Response (REFALO, ANTON)
Il-viżjoni ekoGħawdex għadha titqies bħala Strateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli Lokali għall-gżira. Jiena nfurmat li filwaqt li qed jitkomplew proġetti mibdija u jinbdew inizjattivi ġodda, qed jitħejja abbozz għal Pjan t’Azzjoni għas-snin li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna lill-kunsilli lokali Għawdxin u lill-NGOs Għawdxin matul is-sena 2012 u s-sena 2013 mill-fondi ta’ eko-Għawdex? Jista’ jagħti lista tal-proġetti li saru f’dawn is-snin mill-kunsilli lokali u l-NGOs f’Għawdex u kemm ngħatat għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex għal kull proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Jiena infurmat li il-Kunsilli Lokali u l-NGOs Għawdxin irċevew l-ammont ta’ €827,746.90 matul is-sena 2012 u €217,029.87 fl-2013 mill-fondi ta’ ekoGħawdex. Qed inpoġġi l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Diċembru 2013 xi skemi ġodda saru biex jiġu megħjuna l-kunsilli lokali fil-ħidma tagħhom? Kemm ibbenefikaw kunsilli lokali taħt kull skema? Kemm kien l-ammont li ngħata kull kunsill lokali taħt kull skema?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm lill-Korporazzjoni Enemalta fil-preżent jiġiha l-prezz biex tiġġenera u tiddistribwixxi unit ta’ elettriku ġġenerat mill-impjant ta’ Delimara? Jista’ jgħid kemm hu l-prezz li bih jiġi mibjugħ kull unit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex – trasferiment ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm trasferimenti saru minn fergħa għall-oħra jew minn dipartiment għall-ieħor fi ħdan il-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-fergħa u d-dipartimenti minn fejn ġew trasferiti u l-fergħa u d-dipartiment għal fejn ġew trasferiti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa matul is-sena 2013 taħt kull item of expenditure f’Għawdex sew kapitali kif ukoll rikorrenti? Kemm kien l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li baqa’ ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta’ fondi minn item għall-ieħor matul is-sena? Jekk fl-affermattiv, minn liema għal liema items saru dawn it-trasferimenti? X’ kien l-ammont ta’ kull trasferiment u f’liema data sar kull trasferiment?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 7236, jista’ l-Ministru jgħid min kien il-proponent waħdieni li ssottometta applikazzjoni biex jieħu l-liċenzja tal-casino f’Għawdex? X’kienet ir-raġuni li dan il-proponent ma kkwalifikax għal din il-konċessjoni?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7236.
Ma naħsibx li jkun prudenti li f’dan l-istadju nagħtu aktar informazzjoni milli diġà ngħatat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il cruise liner daħal f’Għawdex matul is-sena 2013 u kemm-il passiġġier kien hemm fuq dawn il-cruise liners? Jista’ jgħid kemm hemm cruise liners konfermati li se jagħmlu waqfa f’Għawdex matul is-sena 2014?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid taħt ir-responsabilità ta’ min jaqgħu dawn it-toroq segwenti (1) Triq Sant Antnin f’Għajnsielem; (2) Triq iż-Żewwieqa bejn Għajnsielem u l-Qala, (3) Triq l-Imġarr li twassal minn Nadur sa Għajnsielem; u (4) it-triq li twassal mix-Xewkija sal-Qala? Jista’ jgħid f’kull waħda minn dawn it-toroq liema xogħlijiet hemm ippjanat għas-sena 2014?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li dawn it-toroq jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministru għal Għawdex. Jiena nfurmat ukoll li huwa ppjanat li jsir xogħol ta’ asfaltar fit-triq li twassal mix-Xewkija sal-Qala kif ukoll xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.