Jista’ l-Ministru jagħti break down tal-infiq kollu li sar is-sena l-oħra (2013) mill-Item of Expenditure numru 7132 ‘Housing Schemes (Subsidy)’? Għal kull tip ta’ infiq li sar jista’ jgħid ma’ liema skema ta’ sussidju tal-Housing Authority jirrelata?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Servizz Pubbliku f’Għawdex — Appointments ġodda lill-ħaddiema
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu appointments ġodda s’issa lill-ħaddiema li qed jaħdmu f’uffiċċju tal-Gvern f’Għawdex u li kienu għaddew mill-eżami li sar dan l-aħħar fil-gradi ta’ senior principal, assistant principal u executive officer? Għal kull appointment f’kull grad li nħareġ, f’liema uffiċċju ntbagħat jaħdem l-uffiċjal li kiseb il-grad il-ġdid? Kemm hu maħsub li se jingħataw appointments ġodda f’kull grad lil dawk l-impjegati li għaddew mill-eżamijiet ta’ senior principal, assistant principal u executive officer u li s’issa għadhom ma ġewx appuntati fihom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li s’issa ngħataw tnax-il ħatra ġdida fil-grad ta’ Executive Officer u sitt ħatriet ġodda fil-grad ta’ Senior Principal lil ħaddiema li qed jaħdmu f’uffiċċju tal-Gvern f’Għawdex u li għaddew mill-eżamijiet rispettivi. Hatriet fil-grad ta’ Assistant Principal għadhom ma sarux. Vakanzi f’dan il-grad jimtlew aktar ‘il quddiem, skont l-eżiġenzi tas-Servizz.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika f’liema uffiċċji tal-Gvern f’Għawdex ġew allokati l-uffiċjali msemmija, mal-ħatra bħala Executive Officer jew Senior Principal.
Ministeru għal Għawdex – Vot Kapitali 7096: Investments Incentives
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8144, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jitħallas is-sussidju lis-sitt kumpaniji li joperaw f’Għawdex, li fadlilhom jieħdu aktar minn €75,000 għas-sena 2012 u aktar minn €177,000 għas-sena li għaddiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-ħlassijiet tas-sussidji se jsiru hekk kif jittlestew il-verifiki meħtieġa u skont il-fondi allokati.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Dar għandhiex policy li tpartat artijiet tagħha jew tal-Gvern ma’ tal-privat? Jekk iva x’inhuma l-punti prinċipali ta’ din il-policy? Tista’ tpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament l-Awtorità tad-Djar qegħda taħdem fuq policy fuq din il-kwestjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ħatarx perit biex ikun responsabbli miċ-Ċittadella f’Għawdex? Jekk iva min inħatar? Dan inħatar wara sejħa jew ġie appuntat direttament? Għal kemm snin ingħata l-kuntratt u x’kundizzjonijiet ta’ ħlasijiet hemm fl-istess kuntratt?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li ġew maħtura Senior Project Manager u Project Manager biex ikunu responsabbli mill-proġett tal-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella. F’dawn iż-żewġ pożizzjonijiet ġew appuntati l-Perit Brian J. Curmi u l-Perit Taddeo Busuttil. Dawn l-uffiċċjali ġew maħtura wara li saru sejħiet għall-applikazzjoni għall-mili taż-żewġ pożizzjonijiet imsemmija li ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern tas-16 ta’ Lulju 2013. Il-kuntratti jagħlqu fit-30 ta’ Ġunju 2015. Il-hlasijiet huma skont ir-regoli tal-gvern ghal tali pozizzjonijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6943 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6377, jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni li ma nħarġitx sejħa għall-offerti jew intalbu kwotazzjonijiet meta x-xogħlijiet, servizzi eċċ. involuti ma kienux daqshekk urġenti?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew osservati r-regolamenti tax-xiri pubbliku.
Programm ‘Facilitating the Integration of third country nationals into Gozitan Society’ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea — tenders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna qed tibbenefika mill-programm Facilitating the Integration of third country nationals into Gozitan Society li hu ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Min qed imexxi dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm? Kemm inħarġu tenders għal dan il-programm? Kemm issottomettew offerti u kemm kienet kull offerta? Min intgħażel għal kull offerta li għandha x’taqsam ma’ dan il-programm?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li dan il-programm qiegħed jitmexxa mill-Ministeru għal Għawdex bl-għajnuna tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig u ser jikkonsisti f’numru ta’ korsijiet miftuħa għal dawk ir-resident barranin f’Għawdex li pajjiżhom mhux membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-suġġetti mgħallma ser ikunu l-Ingliż, il-Malti u l-kultura lokali. L-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet ser jinfetħu fl-ġranet lil ġejjien. Taħt dan il-programm inħargu 3 sejħiet għall-offerti u sejħa għall-kwotazzjonijiet. Id-dettalji taghħhom qegħdin jiġu murija fit-tabella li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Proġett Walks and Trails on Rural Gozo — ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea - tenders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ‘Walks and Trails on Rural Gozo’ li hu ko-finanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea ġiex fi tmiemu? X’sar permezz ta’ dan il-proġett? Kemm inħarġu tenders għal dan il-proġett? Kemm issottomettew offerti u kemm kienet kull offerta? Min intgħażel għal kull offerta li għandha x’taqsam ma’ dan il-proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-proġett mistenni jiġi fi tmiemu fl-aħħar ta’ Marzu 2014. Permezz ta’ dan il-proġett ġew mnedija erba’ pajsaġġi ġodda kif ukoll ‘heritage trail’ fl-akwati tax-Xagħra. Barra minnhekk, tranġaw 4 pajsaġġi eżistenti kif ukoll twaħħlu numru ta’ pannelli awdjoviżivi. Fil-ġimgħat li ġejjien ser jiġu ppublikati sensiela ta’ kotba gwida li ser jippromwovu l-pajsaġġi rurali ġewwa Għawdex. Għall-mistoqsijiet rigward tenders u quotations dawn qegħdin jiġu murija fit-tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm student Għawdxin li qed isegwu kors fl-Università ta’ Malta? Jista’ jagħti n-numru ta’ studenti nisa u irġiel minn Għawdex li qed isegwu kull kors f’kull sena?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Wieħed irid jirrimarka li l-għadd ta' studenti rrapurtati fit-tabella jinkludu dawk l-istudenti kollha li jidhru bħala studenti kurrenti fid-database tal-Universita' ta' Malta u li għandhom indirizz f'Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma t-terms of reference tal-istudju li qed isir minn PriceWaterhouseCoopers dwar il-priority boarding fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Meta għandu jkun lest dan l-istudju? Jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 7655 li baqgħet mhux imwieġba u jgħid kemm se jiswa dan l-istudju u ladarba l-Gozo Channel - qed tagħmel dan l-istudju allura hijiex qed tikkunsidra li tintroduċi noll ġdid u ogħla għal dawk li jkunu jridu jirriservaw post fuq il-vapur għall-vettura tagħhom? Jekk le, ifisser li allura qed jinħlew il-flus fi studju għalxejn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terms of reference tal-istudju li qed isir huma kif elenkati hawn taħt:
· Li permezz ta’ Market Study li jsir minn fost numru ta’ vjaġġaturi frekwenti bejn Malta u Għawdex li jinkludu ħaddiema, gradwati u studenti jiġi determinat il-livell ta’ domanda għas-servizz ta’
priority boarding
.
Dan l-istudju tlesta u sewa disat elef u ħames mitt ewro (€9,500). Is-servizz tal-priority boarding ikun servizz ġdid b’ nollijiet differenti minn dawk normali. In-nollijiet normali jibqgħu l-istess.
Ir-Rabat (Għawdex) — esproprjazzjoni ta' artijiet privati fiċ-Ċittadella
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6714, jista’ l-Ministru jgħid min huma s-sidien tal-plots indikati bħala ‘A’, ‘B’, ‘C’, ‘D’, ‘E’, ‘F’ u ‘G’ li huma indikati fir-risposta dwar espropjazzjoni ta’ artijiet privati fiċ-Ċittadella fir-Rabat, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex m’għandux l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7962, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min huma l-konsulenti tiegħu llum billi jagħti isimhom, u kemm qed jitħallas kull wieħed minn dawn il-konsulenti, kif ukoll għal kemm żmien huma l-kuntratti li ngħataw?
Response (REFALO, ANTON)
Mill-aħħar mistoqsija parlamentari li għamel l-Onor. Interpellant dwar is-suġġett u li allura l-informazzjoni li talab diġà hija pubblika, kien hemm Grezzju Mercieca li kien ingaġġat bħala konsulent tal-Ministeru.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8141, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel għandhiex policy dwar min għandu jkollu pass għall-priority boarding u min għandu jkollu pass biex jaqsam b’xejn? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ din il-policy fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel baqgħet tuża l-istess policy illi ilha tuża għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena, jiġifieri illi tagħti PRIORITY BOARDING lil dawn il-persuni kif indikat fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ persuni li għandhom pass biex jaqsmu b’xejn bejn Malta u Għawdex fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 7958, tista’ l-Ministru tgħid kif ġew minfuqa l-€1,719.18 u ċioè fuq liema gazzetti u kemm ntefqu fuq kull gazzetta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7555, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-għajnuna mill-fondi tal-eko-Għawdex lill-Kunsilli Lokali u NGOs Għawdxin mis-sena 2012 għas-sena 2013 naqset bi kważi 75%, minn €827,746 għal €217,029?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7960.
Ix-Xagħra (Għawdex) – kunsilli lokali – xiri ta’ concrete
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Kunsill Lokali tax-Xagħra f'Għawdex nefaq flus kull sena fuq xiri ta' concrete fis-snin 2011, 2012 u 2013? Mingħand liema kuntrattur inxtara l-concrete u dan ix-xogħol sar wara ħruġ ta’ tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet kollha li huma konnessi mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta' V18? Din is-sejħa għall-offerti dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti u x'kien il-valur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tħejjijiet għal Valletta 2018 qed isiru permezz ta’ spejjeż allokati apposta mill-baġit annwali tal-Gvern li qed isostnu t-tmexxija amministrattiva tal-Fondazzjoni kif ukoll ħidmiet u attivitajiet differenti permezz ta’ programm kulturali. Għaldaqstant fl-ebda ħin din il-ħidma kellha bżonn sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ingħataw ix-xogħlijiet tal-kuntratt għall-Organizzazzjoni tal-Karnival ta' din is-sena u jekk is-sejħa għall-offerti jew tender dehritx fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa jew tender u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti u x'kien il-valur?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-Karnival 2014 inħarġu diversi sejħiet għall-kwotazzjonijiet pubbliċi għas-servizzi meħtieġa. Dawn saru permezz ta’ publikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern u nfetħu fil-ħin u d-dati stipulati fil-pubbliku.
Għal dak li jirrigwarda l-arena tal-Karnival u dak konness magħha, kif kien sar fl-2011 u fl-2012 meta l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kien f’sitwazzjoni simili, cioe` post ġdid fejn wieħed ma setax ikollu speċifikazzjonijiet dettaljati ta’ dak meħtieġ, il-Kumitat tal-Karnival sab konsorzju li seta joffri (fl-opinjoni tal-Kumitat) l-aħjar servizz u tressqet talba biex tingħata direct order.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet tal-kuntratt għall-organizzazzjoni tal-anniversarji specjali kollha li se jiċċelebra pajjiżna din is-sena? Din is-sejħa għall-offerti dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Fiex kienet tikkonsisti din is-sejħa u x'kienet l-istima? Meta għalqet din is-sejħa jew tender? Kemm kien hemm submissions u lil min ingħatat din is-sejħa għall-offerti jew tender, u x'kien il-valur?
Response (VELLA, KARMENU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.