Jista' l-Ministru jgħid kemm jesa' karozzi l-parkeġġ li hemm taħt l-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex u kif qed jintuża dan il-parkeġġ sal-lum? Jista' jintuża mill-pubbliku jew huwa aċċessibbli biss għall-ħaddiema tal-iskejjel? Kif inhu maħsub li jintuża dan il-parkeġġ fil-futur?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-parkeġġ li jospita l-kumpless tal-iskejjel Sekondarji u l-Higher Secondary jesa’ madwar 200 karozza.
Matul il-ġimgħa jintuża mill-ħaddiema tal-iskejjel Sekondarji u Higher Secondary kif ukoll mill-ħaddiema tal-uffiċju tal-Edukazzjoni. Meta l-iskejjel ikunu bil-btajjel u anke f’dawk il-week-ends li f’Għawdex jittellgħu attivitajiet li jattiraw ammont ta’ traffiku, il-Kulleġġ ta’ Għawdex bi ftehim mal-Ministeru għal Għawdex, kemm dan il-parkeġġ kif ukoll it-triq/ground ta’ bejn l-iskejjel sekondarji li twassal għall-ftuħ u l-ħruġ ta’ dan il-parkeġġ ikunu miftuħa u aċċessibli għall-pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ir-rapport li kellha tagħmel il-kumpanija Ċiniza dwar il-pont bejn Għawdex u Malta u dan in vista li dan kellu jkun lest fi żmien sena u dan il-perjodu ilu li għadda? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra, dejjem jekk hu lest?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet ġodda mal-MEPA għal żvilupp f'Għawdex matul l-ewwel disa’ xhur (Jannar - Settembru) ta' kull sena, mis-sena 2011 sas-sena kurrenti (2014)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11269, annessa hawn tabella li turi kemm ġew validati applikazzjonijiet ġodda mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal żvilupp f'Għawdex matul l-ewwel disa’ xhur (Jannar - Settembru) ta' kull sena, mis-sena 2011 sas-sena kurrenti.
2011
268
2012
336
2013
364
2014
363
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices f'Għawdex mill-MEPA matul l-ewwel disa’ xhur (Jannar - Settembru) ta' kull sena, mis-sena 2011 sas-sena kurrenti (2014)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nurmu totali ta' avviżi ta' infurzar li nħargu mill-MEPA, fuq siti li jinsabu f'Għawdex, minn Jannar sa Settembru ta' kull sena, mis-sena 2011 sas-sena 2014, huma dawn:
2011 - 111
2012 - 35
2013 - 32
2014 - 56
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li din is-sena, wara numru ta' snin, in-Notte Gozitana - Lejliet Lapsi, ma ssirx? Din id-deċiżjoni saret bi qbil mal-Gozo Tourism Association u l-Gozo Chamber of Commerce?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 9808.
Ministeru għal Għawdex – allowance għall-kwalifiki
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu sal-lum kemm kien hemm talbiet minn impjegati fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li talbu biex jieħdu allowance għal xi kwalifiki li għandhom u li din ġiet miċħuda? F’kull każ għaliex it-talba ġiet miċħuda?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika s-sena minn meta jrid din l-informazzjoni
Anniversarju tal-Ħamsin Sena mill-Indipendenza — tiżjin f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-ħamsin sena anniversarju mill-Indipendenza f’Għawdex ma sar l-ebda tiżjin kif isir is-soltu fil-festi nazzjonali, la fi Triq ir-Repubblika, la fi Pjazza San Franġisk u lanqas fi Pjazza Indipendenza? Min ħa din id-deċiżjoni li ma jsir l-ebda tiżjin u armar?
Response (REFALO, ANTON)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li ċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-50 anniversarju mill-Indipendenza kienu ċelebrazzjonijiet kbar denji ta’ anniversarju importanti u għalhekk il-pajjiż ingħaqad f’festa waħda li għaliha pparteċipa wkoll l-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni. Fejn jidħol tiżjin, kien hemm restrizzjonijiet minħabba xogħolijiet ta’ kostruzzjoni mil-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għalkemm ma’ sarx tiżjin li jsir is-soltu, l- Għawdxin ukoll gawdew miċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru f’din l-okkażjoni.
Anniversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza — Spiża
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie mfakkar l-annversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza ta’ Malta u Għawdex f’Għawdex? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn l-avvenimenti li saru f’Għawdex biex jitfakkar dan l-anniversarju? Min kien responsabbli minn dawn l-avvenimenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-okkażżjoni tal-50 Anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza sar kunċert mużikali mill-band D Capitals nhar il-Ħamis 18 ta’ Settembru 2014 fit-8.00pm fi Pjazza San Ġorġ, Rabat, Għawdex. In-nefqa għal din l-attivita’ kienet ta’ €1375.
Il-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien responsabbli minn din l-attivita’.
Barra minn hekk il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser tfakkar il-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza u l-40 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika b’żewġ kunċerti li ser jittellgħu fiż-żewġ tejatri ewlenin ġewwa r-Rabat, Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swiet b'kollox l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li nżammu f'Mejju li għadda u jagħti breakdown ta' kif saret din l-ispiza?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant, li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li nżammu f'Mejju li għadda swiet € 4,217,895.
Din hija breakdown ta' kif saret din l-ispiza:
Rimunerazzjoni lill-impjegati tal-Uffiċċju Elettorali €210,828
Rimunerazzjoni lill-Assisteni Kummissjonarji eċċ €1,184,977
Rimunerazzjoni lill-persunal temporanju €1,349,855
Utilities, Operating Materials & Supplies, Repairs €139,211
Office Services (forms, Government Gazette, templates, €361,634
Hire, deliveries)
Trasport lokali €363,279
Information Services €29,656
Contractual Services, Property Improvement , Hospitality, Equipment €578,455
Spiża fuq printing tal-karti tal-vot għall-Parlament Ewropew
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-printing mill-ġdid tal-ballot papers kollha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Mejju li għadda wara li rtira wieħħed mill-kandidati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Jiena ninsab mgħarraf li hu stmat li l-ispiża minfuqa, b'konnessjoni tal-ballot paper reprint riżultat tal-irtirar ta' kandidat qabel l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, hi ta' ftit inqas minn € 50,000 .
Kunsilli Lokali – spiża fuq elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew ir-round ta' elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru fis-sena 2012? Jista' jagħti kif kienet maqsuma l-ispiża totali?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li, kif juri r-Rapport Finanzjarju għall-2012, ippubblikat mit-Tezor, l-ispiża li tidher taħt Item 5219, Electoral Commission Activities, kienet ta' €3,152,144.
Din ic-ċifra tinkludi 480,500 ewro għall-kiri tal-kumpless tal-għadd tal-voti (parti minnha, pagament tal-kirja bil-quddiem) u ammont ta' madwar nofs miljun ewro li kien neċessarju għall-modifikazzjonijiet strutturali biex dan il-kumpless ikun jista' jservi għall-iskopijiet li għalih saret il-kirja.
Anniversarjutal-ħamsin sena mill-Indipendenza — Spiża
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif ġie mfakkar l-annversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza ta’ Malta u Għawdex f’Għawdex? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn l-avvenimenti li saru f’Għawdex biex jitfakkar dan l-anniversarju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ min kienu l-ħamsa u sittin persuna li kienu mistiedna biex jidħlu fis-sezzjoni VVIP waqt ir-riċeviment li sar fil-Barrakka ta’ Fuq fl-20 ta’ Settembru 2014 fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza ta’ Malta u Għawdex? Min iddeċieda min kellu jkun fuq din il-lista?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li kif gara fi żjarat simili ohra matul is-snin, it-tħejjijiet kollha għaz-żjara tad-Duka ta’ Cambridge, inkluż għall-impenn imsemmi fil-mistoqsija tiegħu, saru b’koordinazzjoni sħiħa bejn il-Gvern Malti, l-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta u l-Palazz ta’ Kensington f’Londra. Waqt żjarat bħal dawn l-aspett tas-sigurta jingħata priorita assoluta. Fl-istess ħin kienet ix-xewqa tal-Gvern Malti li matul iz-zjara tiegħu f’pajjiżna, id-Duka ta’ Cambridge jkollu l-opportunita li jiltaqa mill-qrib kemm jista jkun man-nies.
Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ punti, kien hemm qbil bejn in-naħa Maltija u n-naħa Ingliża, li f’parti mill-ħin tiegħu waqt ir-riċeviment organizzat biex jitfakkar il-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza fil-Barrakka ta’ Fuq, id-Duka ta’ Cambridge jingħata l-opportunita li jiltaqa u jitkellem ma’ numru ta’ persuni li ġejjin minn sferi differenti tal-hajja.
Bil-kontra ta’ dak li qed jghid l-Onor Interpellant ma kien hemm ebda sezzjoni VVIP fil-Barrakka ta’ Fuq. Minn dawk kollha li iltaqghu mad-Duka ta’ Cambridge kien hemm biss id-Deputat PM, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Kap tal-Oppozizzjoni u d-deputati Mexxeja taż-żewġ partiti rappreżentati fil-Parlament li huma attivi fil-ħajja politika. Il-bqija tal-persuni li iltaqgħu u tkellmu mad-Duka ta’ Cambridge fil-Barrakka ta’ Fuq huma attivi fil-qasam tal-volontarjat, fost il-persuni b’dizabilita, fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, fil-qasam tal-ħarsien mill-vjolenza domestika, fil-qasam tar-rijabilitazzjoni mid-droga, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kanċer, fil-qasam taż-żgħażagħ u fil-kamp edukattiv.
Napprezza jekk l-Onor Interpellant jifhem li mhux il-lok li jiġu ppublikati ismijiet meta dawn jinkludu dettalji ta’ persuni li qegħdin jingħataw rifuġju minn persekuzzjoni personali u persuni li qed jgħaddu minn programmi ta' rijabilitazzjoni.
Eżamijiet tal-MATSEC – Marki miksuba minn Studenti residenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-marki miksuba f’kull suġġett, minn studenti li jirrisjedu f’ Għawdex u li qagħdu għall-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell Avvanzat u Intermedju fis-sessjoni ta’ Mejju/Ġunju 2014?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li r-riżultati miksuba minn studenti residenti f’Għawdex fl-eżamijiet tal-Matrikola fil-Livell Avvanzat u fil-Livell Intermedju fis-sessjoni ta’ Mejju/Ġunju 2014 huma kif jidhru rispettivament fit-Tabelli I u II li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru totali ta' kandidati kien ta' 229.
Kull tabella turi l-gradi li kisbu l-istudenti kif ukoll kemm studenti kienu assenti għall-eżamijiet u t-totali ta’ studenti li rreġistraw għal kull suġġett.
Eżamijiet tal-MATSEC – Revision of paper mitluba minn studenti residenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid wara r-riżultat tal-eżamijiet tal-MATSEC tas-sessjoni ta’ Mejju/Ġunju 2014 fil-livell Avvanzat u Intermedju kemm kien hemm studenti li jirrisjedu Għawdex li talbu revision of paper? X’kien is-suġġett u l-livell li fih intalbet din ir-revision of paper u x’kien l-eżitu f’kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, wara r-riżultat tal-eżamijiet tal-MATSEC tas-sessjoni ta’ Mejju/Ġunju 2014 fil-livell Avvanzat u Intermedju, n-numru ta’ studenti li jirrisjedu Għawdex li talbu revision of paper kien kif jidher fit-Tabella I parti (a) li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella turi n-numru suġġett suġġett u l-livell li fih intalbet din ir-revision of paper. L-eżitu jidher fil-parti (b) tat-tweġiba mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, f’kull Uffiċċju/sezzjoni ta’ kull dipartiment jew entità fid-dekasteru tiegħu kemm kien hemm oġġetti li ġew maqtugħa jew imħassra mill-inventarji rispettivi? F’kull każ x’kien l-oġġett u l-valur tiegħu u x’kienet ir-raġuni li għalih inqata’ jew ġie mħassar mill-inventarju rispettiv? F’kull każ min kien l-uffiċjal li ta l-approvazzjoni biex l-oġġett jitħassar jew jinqata’?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex – persuni fuq contract of service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2012 sal-lum kemm kien hemm uffiċjali li ddaħħlu jaħdmu fil-Ministeru jew dipartiment jew entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu permezz ta’ contract of service? F’liema uffiċċju jew sezzjonijiet tad-dipartimenti fid-dekasteru tiegħu qed jaqdu dmirhom dawn l-uffiċjali u xi ħlas qed jieħdu kull sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li kien hemm ħamsa u għoxrin persuna li ġew ingaġġati fuq contract of service għal perjodi differenti li jvarjaw minn erbgħa xhur għal 36 xahar. Il-ħlas li qed jieħdu huwa skont dmirijiethom u huma konformi mar-regolamenti tal-Gvern.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm kumpaniji privati f’Għawdex jew individwi Għawdxin ibbeneffikaw minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programm ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninstab infurmat li kien hemm 1,597 benefiċjarju li bejnithom ibbenifikaw minn total ta’ €4,299,570.76 f’Fondi Ewropej.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali f’Għawdex ibbenefika minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programmi ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi fil-lokalitajiet f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninstab infurmat li kien hemm 8 Kunsilli Lokali li bejnithom ibbenifikaw minn total ta’ €321,945.40 f’Fondi Ewropej.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il NGO Għawdxija bbenefikat minn fondi Ewropej fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena? Taħt liema programmi ħadu l-fondi u kemm kien l-ammont f’kull każ? X’tip ta’ proġetti jew inizjattivi f’Għawdex saru jew se jsiru b’dawn il-fondi?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni sottomessa minn NGOs Għawdxin.