Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #17299 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – esproprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’esproprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella f’Għawdex saru fl-aħħar sentejn? F’kull każ, jista’ jgħid kemm kien il-kejl tal-art espropjata u min kien il-proprjetarju? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kien il-prezz li tħallas għal kull waħda minn dawn l-esporprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn saret l-espropjazzjoni ta’ art fiċ-Ċittadella li tikkonsisti f’rovini ta’ importanza arkeoloġika u storika. Din l-espropjazzjoni saret kif rakkomandat fil-Masterplan taċ-Ċittadella li sar fl-2010. Il-propjetajiet espropriati huma mnizzla fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17300 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie wżat il-vot ta’ €700,000 għall-promozzjoni ta’ Għawdex sal-lum? Liema inizjattivi saru permezz ta’ dan il-vot mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm swiet kull inizjattiva? F’kull każ, min ta s-servizz jew għamel ix-xogħol ġie magħżul wara tender, kwotazzjonijiet jew permezz ta’ direct order? F’każ ta’ kwotazzjoni u direct orders lil min ingħata xogħol u kemm tħallas f’kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mediċini — prezzijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16930, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u Marzu 2013 kif ukoll lista oħra ta’ mediċini li ġew imraħħsa minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ tagħti l-prezz kemm kien qabel ġiet imraħħsa l-mediċina u l-prezz wara li ġiet imraħħsa?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa bejn l-1 ta’ Jannar 2010 u Marzu 2013 (disgħa u tletin xahar) bħala Anness A u lista ta’ mediċini li ġew imraħħsa minn Mejju 2014 sa Mejju 2015 (tnax il-xahar) bħala Anness B. Minħabba s-sitwazzjoni li sab dan il-gvern f’Marzu 2013 fejn kien hemm struttura sfaxxata dwar aġġustament tal-prezzijiet tal-mediċini li riedet tinbena mill-ġdid, il-gvern kellu jibda proċess wiegħsa ta’ djalogu sabiex ikollu pjan ħolistiku għal benefiċċju tal-konsumatur u jerġa jikseb il-fiduċja ta’ l-istakeholders. Permezz ta’ din il-ħidma, l-ewwel roħs fil-prezzijiet tal-mediċini ta’ din l-amministrazzjoni setgħet titħabbar f’Mejju 2014. Niġbed l-attenzjoni li xi wħud mill-prodotti f’Anness A ġew imneħħija minn fuq is-suq għal raġunijiet diversi, fosthom ukoll minħabba t-tibdil insostenibli fil-prezzijiet. Evalwazzjoni tal-ħidma li saret turi li filwaqt li bejn Jannar 2010 u Marzu 2013, kien hemm medja ta’ 5.6 prodotti fix-xahar li l-prezz tagħhom ġie mraħħas; il-medja għal perjodu Mejju 2014 sa Mejju 2015 kien ta’ 12-il prodott fix-xahar.
Leg 12 PQ #17302 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Airstrip Feasibility Study

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Airstrip Feasibility Study imsemmi fil-baġit għal din is-sena tlestiex? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid kemm sewa u min għamlu? Min intgħażel biex jagħmel dan l-istudju u intgħażel wara sejħa għall-offerti? Jekk għadu mhux lest, jista’ jgħid meta hu maħsub li jkun lest dan l-istudju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju m'għandi xejn aktar xi nżid mal-Interpellanza Parlamentari bin-numru 11887.
Leg 12 PQ #17291 Sitting 282 2015-06-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Dħul minn fees tal-Qorti t’Għawdex u fees tal-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħal mill-fees tal-biċċerija għas-sena 2013, għas-sena 2014 u għal din is-sena sal-lum il-Ministeru tiegħu? Bl-istess mod, jista’ jgħid kemm il-Ministeru tiegħu daħħal mill-fees tal-Qorti t’Għawdex għas-sena 2013, għas-sena 2014 u għal din is-sena sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17292 Sitting 282 2015-06-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xewkija – Estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex? Kemm se jiżdiedu oqbra b’din l-estensjoni? Kemm minn dawn l-oqbra se jkunu komunitarji u kemm se jinbiegħu lill-privat? Kemm se tkun l-ispiża totali ta’ din l-estensjoni u kemm hu mistenni li jdaħħal il-Gvern mill-bejgħ tal-oqbra? Kemm inbiegħu minn dawn l-oqbra sal-lum u kemm kien id-dħul tal-Gvern s’issa minn dan il-bejgħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-oqbra l-ġodda fl-estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex jinsabu fi stadju avvanzat. Kif ippjanat, qed jinbnew madwar tliet mija u tnejn u sebgħin (372) qabar ġdid fil-parti estiża ta’ dan iċ-ċimiterju fejn huwa maħsub li 10% ta’ dawn l-oqbra l-ġodda se jinżammu bħala oqbra komuni waqt li l-oħrajn se jinbiegħu lill-pubbliku in ġenerali. L-ispiża totali ta’ dan il-proġett hija stmata li tkun koperta mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-oqbra li hu mistenni li jkun ta’ €778,009.59. Sal-lum ġew iffirmati tlett mija u erbgħa u tletin (334) konvenju ta’ akkwist ta’ qabar fiċ-Ċimiterju Santa Marija, ix-Xewkija, Għawdex fejn tħallas nofs il-prezz tal-qabar kif stipulat fl-Avviż Legali 377 tal-2007 kif amendat b’ A.L. 35 tal-2013. Id-dħul s’issa minn dawn il-konvenji t’akkwist jammonta għal €389,003.13.

Ftehim dwar adozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16354 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16106, jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm ġew konklużi adozzjonijiet mill-Albanija u mill-Islovakkja, l-uniċi żewġ pajjiżi li Malta għandha ftehim bilaterali magħhom dwar l-adozzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mit-tagħrif li għandha l-Aġenzija Appoġġ dwar adozzjonijiet mill-Albanija u s-Slovakkja, l-istatistika miġbura qed tiġi ppreżentata hawn taħt kif ġej: Sena meta ħareġ id-Digriet tal-Qorti Numru ta’ Tfal Addottati mill-Albanija Numru ta’ Tfal Addottati mis-Slovakkja 2008 1 0 2009 1 0 2010 0 0 2011 1 0 2012 0 0 2013 0 0 2014 0 0 Aktar kmieni din is-sena jien mort is-Slovakkja u filwaqt li ffirmajt MoU ta’ koperazzjoni fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, ħadna l-opportunita’ li jiġu solvuti intoppi li kienu jeżistu fil-qasam tal-adozzjoni mis-Slovakkja. Fir-rigward tal-addozjonijiet mis-Slovakkja irid jingħad li, minkejja li f’dawn l-aħħar snin ma kienx hemm addozzjonijiet konklussivi, bħalissa, (jiġifieri fis-sena 2015), hemm 4 itfal mis-Slovakkja, identifikati u mqabbla għal ma’ ġenituri prospettivi, u minuri wieħed mill-Albanija. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura dwar kemm saru addozzjonijiet minn dawn il-pajjiżi tirrifletti biss dawk l-addozzjonijiet fejn kien hemm l-involviment tal-Aġenzija Appoġġ, billi hemm għadd ta’ aġenziji privati oħra li huma ukoll involuti. Statistika kompluta tkun tista’ tinġabar biss mit-tagħrif miżmum fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku.

Awtorità dwar l-Istandards tal-Ħarsien Soċjali – aġenziji ta’ adozzjonijiet akkreditati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn aġenziji tal-adozzjonijiet akkreditati mal-Awtorità dwar l-Istandards tal-Ħarsien Soċjali u liema huma dawn l-aġenziji? Jista’ jgħid meta kull aġenzija ingħatat l-akkreditazzjoni u minn dik id-data sal-lum fuq kemm-il adozzjoni ħadmet u kkonkludiet kull aġenzija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm ħames 5 aġenziji tal-addozjonijiet akkreditati mal-Awtorita’ Ċentrali. Dawn huma: L-Aġenzija Appoġġ - li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2012 u ġiet imġedda sal-2016; Adoption Legal Services - li kienet akkreditata għall-ewwel darba fl-2012 u ġġeddet sal-2016; Beyond Borders - li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2012 u ġiet imġedda sal-2016; Aġenzija Tama - li ġiet akkreditata għall-ewwel darba fl-2014 sal-2016; Adoption Opportunities - li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2014 sal-2016. Bejn l-2012 u l-2014 b’kollox kienu konklużi 62-il adozzjoni.

Unjoni Ċivili — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unjoni ċivili ġiet reġistrata f’Malta sal-lum? Jista’ jgħid kemm-il unjoni ċivili ġiet reġistrata f’Għawdex sal-lum? F’kull każ, jista’ jgħid kemm minn dawn kienu bejn koppji ta’ sess maskili u kemm kienu bejn koppji ta’ sess femminili? Kemm minn dawn kienu bejn koppji ta’ sess differenti? Jista’ jgħid kemm kien hemm ċittadini barranin involuti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum kien hemm 38 unjoni civili registrati f’Malta li kienu masqsumi hekk: 29 koppji maskili, 8 koppji feminili u koppja waħda ta’ sess differenti. Kien hemm ukoll 8 unjonijiet civili (kollha ta sess maskili) li seħħew barra minn Malta u ġew irreġistri f’Malta. B’kollox l-ammont jitla’ għal 46. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi it-tieni domanda lill-Ministeru konċernat.

Pulizija stazzjonati f’Għawdex

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16644, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid meta se jittieħdu pulizija Għawdxin li preżentement qed jaħdmu f’Malta biex jaħdmu f’Għawdex biex b’hekk jiżdied il-complement tal-Pulizija f’Għawdex? Jista’ jgħid fl-aħħar sena (Mejju 2014 sa Ġunju 2015) kemm-il każ ta’ traffikar tad-droga ġie maqbud mill-Pulizija tas-CID stazzjonati f’Għawdex? F’liema lokalità nqabdu dawn il-każijiet u kemm minnhom diġà tressqu l-Qorti b’din l-akkuża?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għalissa m’hemmx data jew ħsieb li ji¿diedu il-Pulizija f’Ghawdex u jekk l-esigenzi tas-servizz juru li jkun hemm il-ħtieġa u allura jkun hemm il-bżonn, jintbagħtu aktar Pulizija Għawdxin li presentament huma stazzjonati Malta, biex jaħdmu Għawdex. Bejn Mejju 2014 u Gunju 2015 kien hemm erbgħa (4) każijiet tat-traffikar tad-droga li ġew maqbuda mit-taqsima tas-CID ta’ Għawdex. Dawn kienu jinvolvu sitt (6) persuni u kienu fil-lokalitajiet li huma msemmija fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess tabella turi l-kazijiet li tressqu u oħrajn li għad iridu jitressqu.

Għawdex — Bdiewa full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers kollha f’Malta u Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Sajjieda full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda full-time kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time kollha f’Malta u Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Raħħala full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tar-raħħala full-time kollha f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid kemm dawn ir-raħħala f’Għawdex għandhom baqar, majjali u tiġieġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Għall-ewwel parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninfurmah li n-numru ta’ baqar f’Għawdex huwa ta’ 4,849, in-numru ta’ majjali f’Għawdex huwa 3,200 filwaqt li n-numru ta’ tiġieġ f’Għawdex huwa 144,005 fil-każ ta’ broilers , u 57,030 fil-każ ta’ layers .
Leg 12 PQ #17271 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Is-Sannat - Triq Sannat u Triq Ta' Ċenċ - toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni ħażina ħafna li huma fihom Triq Sannat u Triq Ta' Ċenċ fis-Sannat Għawdex? Peress li dawn huma toroq li huma arterjali u jgħaddu minnhom ħafna karozzi kuljum mistenni jitlesta x-xogħol fuqhom? X'qed isir biex jitaffew l-inkonvenzjenzi li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dal-Ministeru bi ħsiebu illi fil-futur qrib jittakilja dawn it-toroq ukoll, wara kwart ta' seklu t'abbandun taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Leg 12 PQ #17280 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Vot tal-Eco Għawdex — inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi saru mill-ewwel ta' din is-sena sal-lum permezz tal-Vot Eco-Għawdex li kien hemm fil-baġit tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid kemm se tiswa kull waħda minn dawn l-inizjattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infumat li il-fondi allokati fil-vot imsemmi ser jintefqu kollha fuq proġetti u inizzjattivi kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17281 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali t'Għawdex — kundizzjonijiet tax-xogħol tal-care workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fl-aħħar ġimgħat ġew mibdula l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-care workers li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex kemm dawk li jaħdmu mal-Gvern kif ukoll dawk impjegati mal-kuntrattur? Dan it-tibdil kif affettwa d-dħul ta' dawn l-istess care workers?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor Interpellant jispecifika ghal liema tibdiel qed jirreferi.
Leg 12 PQ #17214 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali t’Għawdex — impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16669, jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex kemm hemm ħaddiema impjegati mal-kuntratturi privati? Jista' jgħid liema xogħol jagħmlu dawn il-ħaddiema u f'liema grad huma l-impjegati?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali aċċessibli

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn April 2013 sal-lum kemm-il skema ħarġet biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jagħmlu xogħlijiet li permezz tagħhom l-uffiċċju tagħhom ikun aċċessibbli għar-residenti tagħhom? Liema kunsilli ngħataw għajnuna minn dawn l-iskemi? Kemm kien l-ammont ta' għajnuna li ngħata kull kunsill u liema xogħol sar minn kull Kunsill li ħa l-għajnuna minn dawn l-iskemi? B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16927, jista' jgħid kif fl-ewwel sentenza jgħid li f Ghawdex hemm għaxar kunsilli li għandhom l-Uffiċċju aċċessibbli meta mbgħad fil-paragrafu ta' wara jgħid f'Għawdex hemm żewġ kunsilli (Munxar u Xagħra) li l-uffiċċju tagħhom mhux aċċessibbli meta f' Għawdex b'kollox hemm 14-il kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ħareġ l-Iskema ta’ Miljun Ewro għall-Proġetti Kapitali li kull Kunsill Lokali seta’ japplika għaliha. Fil-fatt fil-linji gwida kien hemm ċar li l-għan tal-proġetti għandu jkun dak li jżid il-valur tal-aspett soċjali fil-lokalitajiet rispettivi. Kien hemm ukoll l- A+Award li permezz tiegħu kull Kunsill Lokali seta’ jibbenefika minn premju ta’ €25,000, €15,000 u €8,000 li jistgħu jerġgħu jintużaw fuq proġett għall-persuni b’diżabilità. F'dan il-kuntest mill-Fond tal-Proġetti Kapitali bbenefikaw erba’ Kunsilli Lokali. Dawn huma l-Fgura, li se jieħdu €100,000 għat-tkomplija taċ-Ċentru Ċiviku; il-Mosta li se jieħdu €25,000 għal xogħol fuq il-lift; ix-Xewkija li se jieħdu €25,000 biex jagħmlu lift għal persuni b’diżabilità; u Marsaskala b’ €50,000 għall bini ta’ Ċentru Ċiviku. Mill- A+Award ibbenefikaw Ħal Qormi b’€25,000 għal audit dwar l-aċċessibilità u xogħol ta’ pavimentar għal titjib fl-aċċessibilità u bandli ġodda għall-persuni b’diżabilità; ix-Xagħra (Għawdex) bi €15,000 għal titjib fl-aċċessibilità fl-area tal-bandli; u Tas-Sliema bi €8,000 għal bandli ġodda għal persuni b’diżabilità, safety flooring, railing u wifi internet. Intant naqbel mal-Onor. Interpellant li jidher li kien hemm ineżattezza minuri fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16927. Biss, jibqa’ l-fatt imma li huma tnejn il-Kunsilli Lokali f’Għawdex li l-uffiċċju tagħhom mhux aċċessibbli.
Leg 12 PQ #17216 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali t’Għawdex — laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16667, jista’ l-Ministru jgħid kemm il-laqgħa saret mal-Unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex dwar il-privatizzazzjoni tal-istess Sptar minn Jannar ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Mejju 2015? Meta saru dawn il-laqgħat u min kien preżenti għalihom? X’informazzjoni ġiet mogħtija mill-Unions dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor Interpellant li saru laqghat mal-Unions li jirraprezentaw il-haddiema inkluz il-GWU, UHM, MUMN u l-MAM. Dawn il-laqghat saru u ghadhom qed isiru fuq bazi regolari.
Leg 12 PQ #17217 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — Menqa - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fil-Menqa f'Marsalforn b'makkinarju kbir baqa' għaddej xorta waħda wara l-15 ta' Ġunju u dan minkejja direttivi tal-Gvern stess li wara dik id-data f'postijiet turistiċi fosthom f'Marsalforn ma għandu jsir l-ebda xogħol ta' dan it-tip? Jaf il-Ministru li f'dawn il-ġranet kien hemm ħsejjes kbar u trabijiet li dejqu bil-kbir lit-turisti li kienu qed joqgħodu fil-lukanda lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif ukoll li kienu qed jutilizzaw ir-restaurants li hemm fil-Menqa? X'qed isir mill-Ministeru tiegħu biex dan l-inkonvenjent ma jibqax?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għandu ‘exemption’ mill-MTA biex ikompli għaddej bix-xogħol matul ix-xhur tas-sajf anke peress illi dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-UE. Minkejja dan, il-Ministeru qed jieħu il-miżuri kollha meħtiega biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibbli lill-lukanda u r-ristoranti tal-inħawi. Fil-fatt, ix-xogħlijiet li l-aktar kienu joħolqu nkonvenjent lil dawn ta’ l-aħħar kienu is-‘slipway’ u d-‘dry standing area’ li tlestew fil-gimgħat li għaddew.