Jista’ l-Ministru jara li tiġi rranġata l-area f’Wied il-Għasri fejn jipparkjaw diversi persuni, għaddasa u għawwiema peress li din ilha ma tingħata manutenzjoni tant li l-wiċċ spiċċa kważi għal kollox u hemm biss tajn u trab fejn jiġu pparkjati l-vetturi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi qiegħed fil-pjan tal-Ministeru għal Għawdex u kif diġa twettqu xogħolijiet ta’ manutensjoni fuq diversi siti oħra, ser jitwettaq dan ix-xogħol imsemmi fil-futur qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siti f’Għawdex li huma amministrati minn Heritage Malta u liema huma dawn is-siti? Kemm kien hemm viżitaturi f’kull sit matul is-sena 2014 u kemm kien id-dħul minn kull sit? Kemm hemm ħaddiema f’kull sit u f’liema gradi? Jista’ jgħid meta hu mistenni li jiftaħ il-Mużew tal-Arti fi Triq Fortunato Mizzi fir-Rabat, Għawdex u fiex wasal ix-xogħol fuq dan il-Mużew?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu Heritage Malta biex tara li l-Fanal tal-Ġordan ma tiġrilux aktar ħsara u dan stante li fl-aħħar snin jidher li ġarrab diversi ħsarat u ma saritlu l-ebda manutenzjoni? Jista' jgħid għaliex talba mill-Kunsill Lokali tal-Għasri biex jiġi devolut dan is-sit storiku lilhom biex jieħdu ħsiebu huma, sal-lum, ma ġietx milqugħa?
Response (BONNICI, OWEN)
Huwa d-Dipartiment tal-Artijiet li huwa responsabbli għad-devoluzzjoni ta’ propjetà tal-Gvern.
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jaf li l-fanal ta’ Ġordan ilu fi stat ħażin ta’ restawr għal snin twal u ma ngħatax l-attenzjoni li kien ħaqqu mill-amministrazzjoni preċedenti. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex beda diskussjonijiet dwar dan is-sit biex jara x’interventi huma meħtieġa.’ Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat għar-Restawr qiegħed fil-preżent jassisti lill-Ministeru għall-Għawdex fis-sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-MEPA, liema applikazzjoni hi meħtieġa biex eventwalment jiġi rrestawrat il-Fanal ta’ Ġordan.
Iktar informazzjoni tista’ tinghata minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid x' titolu għandha Transport Malta fuq is-sit tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex? Kif qed jintuża minn Transport Malta? Liema entitajiet oħra jagħmlu użu minn dan is-sit storiku u x'użu jagħmlu minnu kull entità? Jista' jgħid kif Transport Malta kellha permess tal-MEPA biex tagħmel xogħlijiet ta' restawr fuq dan il-Fanal u dan skada dan l-aħħar u dawn ix-xogħlijiet baqgħu ma sarux bil-konsegwenza li dan il-Fanal tal-Ġordan qed fi stat ħażin ħafna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, u fil-passat l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta, tuża u tamministra l-Fanal tal-Ġordan għan-nom tal-Gvern primarjament bħala għajnuna ta’ navigazzjoni għall-bastimenti, u dan skont il-poteri u r-responsabbiltajiet tagħha fil-liġi. Għal diversi snin, iż-żewġ kumpaniji Go u Vodafone għandhom mgħammra apparat elettroniku u radars li jintużaw għal komunikazzjoni. Dan l-użu minn dawn il-kumpaniji huwa abbażi ta’ ftehim bil-miktub mal-Awtorita’ rispettivament. Għal dawn l-aħħar tmintax-il sena, l-Università ta’ Malta wkoll qiegħda tagħmel użu mill-Fanal billi għandha mgħammar apparat elettroniku li jintuża bħala stazzjon għar-riċerka atmosferika.
Rigward ix-xogħol ta’ restawr imsemmi ninsab infurmat li Transport Malta tippjana dawn ix-xogħlijiet skont il-prioritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-allokazzjoni ta' kull kunsill lokali f'Għawdex għas-sena 2016? Kif tikkompara din l-allokazzjoni ma’ dik mogħtija lil kull kunsill lokali f'Għawdex fis-sena 2015?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-allokazzjoni dejjem tkun ikkomunikata lill-Kunsilli Lokali, fir-raba’ ġimgħa ta’ Diċembru.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19004, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet privati f'Malta u ċjoè jsegwu korsijiet terzjarji li jkunu offruti minn entitajiet privati? Għaliex dan il-grant huwa ta’ 489 euro fis-sena biss u mhux 1,500 euro fis-sena bħal ma jingħataw studenti Għawdxin? Jista' jara li din il-grant tal-inqas tkun fl-istess livell tal-grant ta' studenti oħra Għawdxin li jistudjaw f'Malta u dan meta tqis li dawn ma jeħdux stipendju u jkunu qed iħallsu għal kors minn buthom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li ma teżistix statistika tal-istudenti Għawdxin li jattendu istituzzjonijiet edukattivi privati ġewwa Malta u li qegħdin jittieħdu l-miżuri sabiex tali statistika tinġabar. Dawn l-iskemi tal-għoti ta’ sussidji kienu jeżistu ukoll fl-amministrazzjonijiet preċedenti. L-Onor. Interpellant għandu japprezza l-fatt li din l-informazzjoni hija essenzjali qabel ma jiġi kkunsidrat jekk is-sussidju mogħti lil dawn l-istudenti ikunx daqs dak mogħti lill-studenti Għawdxin li jirċievu 1,500 euro fis-sena.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li s-servizz tat-telefonati 153 ma jibqax jingħata minn Għawdex? Minn fejn qed jingħata issa dan is-servizz? X’se jsir mill-ħaddiema Għawdxin li kienu jagħmlu dan il- back office work f’Għawdex stess?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkonsultat u jekk approvax li s-servizz tat-telefonati 153 ma jibqax jingħata minn Għawdex? Jista’ jgħid x’se jsir mill-ħaddiema Għawdxin li kienu jagħtu dan is-servizz minn Għawdex stess?
Response (REFALO, ANTON)
Is-servizz ser jiġi inkorporat f’servizz aktar wiesa’ ta’ one stop shop. Il-ħaddiema se jibqgħu jagħtu servizzi f’Għawdex u se jigu redeployed fejn hemm bżonn is-servizzi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex għandhiex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u jekk din saritx skont il-kriterji stabbiliti li jassiguraw li tkun tista’ tintuża bla xkiel minn persuni b’nuqqas ta’ mobilità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevli Interpellant illi l-KNPD ivvettjat il-pjanti tal-applikazzjoni tal-MEPA relatata ma’ dan il-proġett (PA 656/11). Irriżulta li l-pjanti, li kienu jinkludu rampa fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella, kienu konformi mal-Access for All Design Guidelines u għaldaqstant il-KNPD bagħtet l-approvazzjoni tagħha lill-MEPA fid-29 ta’ Settembru 2011.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza abbandunata nġabret mill-Pulizija f’Għawdex matul l-2014 u din is-sena? Huwa minnu li l-pulizija f’Għawdex mhux qed jiġbru karozzi abbandunati madwar Għawdex għaliex mhemmx post fejn jinżammu? X’se jagħmel il-Ministeru biex jipprovdi post fejn jinġabru dawn il-vetturi li jkunu tneħħew mit-toroq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Ir-Rabat Għawdex — skola post sekondarja - studenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti li applikaw biex jattendu l-iskola post-sekondarja tar-Rabat Għawdex għas-sena skolastika 2015-2016? Jista' jgħid kemm kien in-numru li applikaw f' kull sena fil-ħames snin preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li għas-sena skolastika 2015-2016 applikaw 237 student.
Fl-aħħar ħames snin skolastiċi, n-numru ta’ applikanti kien:
2010/2011 – 313-il student
2011/2012 - 289 student
2012/2013 - 301 student
2013/2014 - 266 student
2014/2015 - 280 student
Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq il-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Għajn fil-Fontana (minn ħdejn il-Knisja tal-Fontana sa Pjazza Tomba fir-Rabat)? Meta hu mistenni jitlesta dan ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xoġħlijiet fi Triq l-iSptar San Ġiljan, Fontana u Triq Sant' Ursola, Victoria.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu n-numru ta’ turisti li għamlu l-btala tagħhom f’Għawdex fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena 2015? Kif jikkompara dan mal-ewwel seba’ xhur tas-sena l-oħra 2014? Kemm-il lejl qattgħu b’kollox f’Għawdex dawn it-turisti matul l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena u kif dan jikkompara mal-ewwel seba’ xhur tas-sena l-oħra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kif l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari 19822 tista' tkun klassifikata bħala waħda kunfidenzjali u ta' natura kummerċjali meta qed nitkellmu fuq numri li jikkonċernaw kumpanija pubblika li s-shareholder prinċipali tagħha huwa l-Gvern u li hija l-uniku kumpanija li topera traġitt bil-vapuri bejn Malta u Għawdex? Għaliex ma jridx iwieġeb kemm hemm ħaddiema nieqsa f’din il-kumpanija u f’liema gradi huwa n-nuqqas? Meta hu maħsub li se jiġu ngaġġati dawn il-ħaddiema li hemm nieqsa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mal-mistoqsija parlamentari nru. 19822.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jibda l-kors għal-LSAs li se jiġi organizzat mill-Università ta’ Malta f’Għawdex għal-LSAs Għawdxin? Kemm se jkun hemm persuni Għawdxin li jsegwu dan il-kors? Jista’ jgħid għaliex il-lectures mhux se jkunu mifruxa fuq jumejn fil-ġimgħa iżda hemm proposta li dawn isiru f’ġurnata waħda nhar ta’ Sibt mid-9:00am sal-5:00pm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fetaħ kors wieħed li jwassal għad-Diploma għall-LSAs f’Malta, kif kien avżat. Għal dan il-kors applikaw 17-il persuna b’indirizz Għawdxi, li minnhom 10 kellhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu msejħa biex jibdew il-kors ta’ studju. Wara talba li saret lill-Università, il-kors qiegħed jiġi offrut permezz ta’ video conferencing biex l-istudenti Għawdxin għall-maġġor parti tal-kors ma jkollhomx jiġu Malta, iżda jistgħu jattendu għal-lekċers miċ-ċentru tal-Università f’Għawdex.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, fl-ebda mument ma kien hemm il-ħsieb illi l-lekċers isiru fuq ġurnata waħda – il-lekċers qegħdin isiru kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis ta’ kull ġimgħa, bejn l-4 u t-8 ta’ filgħaxija. Il-lekċers huma ta’ sagħtejn-il waħda.
Valur ta’ esportazzjoni minn kumpaniji li joperaw f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta’ esportazzjoni għal barra mill-pajjiż minn kumpaniji li joperaw f’Għawdex bejn Jannar u Settembru 2015 u kif dan il-valur jitqabbel mal-istess perjodu bejn Jannar u Settembru 2014? Jista’ jgħid xi prodotti ġew esportati u li kienu manifatturati f’Għawdex fl-istess perjodu u kemm kien il-valur tal-esportazzjoni ta’ kull prodott?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kull sena mis-sena 2010 sal-lum liema kunsilli lokali f'Għawdex ingħataw għajnuna minn fondi speċjali biex itellgħu attivitajjiet kulturali fil-lokalitajiet tagħhom? Kemm kienet l-għajnuna li ngħata kull Kunsill kull sena u għal-liema attivitajiet ingħataw?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għall-perjodu li jkopri bejn l-2010 sallum. Intant preżentement qed jiltaqa’ l-Bord ta’ Evalwazjoni sabiex jiġu approvati l-attivitajiet li jsiru f’Diċembru 2015.
L-Għarb — Triq Tumas Cassar u Triq Santu Pietru - resurfacing
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Tumas Cassar u Triq Santu Pietru fl-Għarb humiex se jiġu re-surfaced mill-Ministeru għal Ghawdex kif kien ippjanat u dan peress li dawn intużaw bħala alternative routes għaż-żmien li kien għaddej ix-xogħol fuq toroq arterjali u ġratilhom ħsara kbira? Jista' jgħid liema xogħol hu ippjanat li jsir fuq dawn it-toroq u meta hu mistenni li jsir?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-asfaltar fi Triq Tumas Cassar u t-tiswijiet fi Triq Santu Pietru ser isiru fil-futur qarib, kif saru diversi toroq oħra f’dawn l-aħħar sentejn u nofs li kienu jinstabu fi stat ta' telqa u abbandun. Dawn it-toroq jammontaw għal 17-il kilometru. Dan jikkontrasta mal-medja ta’ 1.67km fis-sena, li sar taħt l-amministrazzjoni precedenti.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li l-vapur tas-6:00am mill-Imġarr lejn iċ-Ċirkewwa jibda jitlaq fis-5:45am u warajh ikun hemm ieħor fis-6:15am, fis-7:00am u fis-7:30am sabiex jiġi assigurat li l-ħaddiema Għawdxin jaslu fil-ħin għax-xogħol speċjalment dawk li jibdew fis-7:00am? Jaf li minħabba l-konġestjonijiet tat-traffiku li qed ikun fit-toroq ta’ Malta ħafna ħaddiema, speċjalment dawk li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u jibdew fis-7:00am mhux qed jaslu fil-ħin għax-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi l-Gozo Channel Co Ltd qiegħda tagħmel minn kollox biex tagħti l-aħjar servizz lil klijenti tagħha. Filfatt it-timetable tas-Sajf bdiet ġimgħa qabel is-soltu u ġiet estiża b’xahar sal-25 ta’ Ottubru. Barra minhekk żdiedu ukoll it-trips fit-timetable tax-Xitwa biex dik illi qabel kienet magħrufa bħala it-timetable tal-mid season issa saret it-timetable tax-Xitwa. Rigward it-trips ta’ filgħodu fejn ikun possibli qegħdin inżommu vapur standby biex jekk ikun hemm bżonn jagħmel trips żejda biex inlaħqu mad-domanda. Dan kollu jirrekjiedi aktar overtime, barra spejjes oħra.