Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #20884 Sitting 327 2015-11-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — talba għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra f'Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u fejn marru jaħdmu dawk il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli li l-informazzjoni ghadha qed tingabar
Leg 12 PQ #20773 Sitting 326 2015-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għawdex – Triq l-Imġarr – trinka mħaffra mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex parti (f'żewġ postijiet differenti) minn Triq l-Imġarr fix-Xewkija Għawdex kellha tinqala' biex tħaffret trinka tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma meta din it-triq għadha kemm tlestiet ftit tas-snin ilu b' ko-finanzjament tal-Unjoni Ewropeja? Seta' dan ix-xogħol ġie evitat u t-trinka għaddiet minn post ieħor? Jekk le, ma setgħux ġew użati trinek li kienu saru fl-istess triq meta din ġiet mibnija mill-ġdid b' fondi tal-Unjoni Ewropeja u fiha saru culverts apposta għas-servizzi kollha?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħlijiet imsemmija kellhom isiru sabiex jitqiegħed main tal-ilma bl-iskop ikun li tiġi aċċertata l-provvista' tal-ilma. Dan il-main huwa ta' daqs kbir tant li ma joqgħodx fil-culverts li kienu mħejjija meta saret it-triq. Ix-xogħlijiet dalwaqt jitlestew.

Għawdex – karozzi abbandunati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija 20294 u jgħid kemm-il karozza abbandunata nġabret mill-Pulizija f’Għawdex matul l-2014 u din is-sena? Huwa minnu li l-pulizija f’Għawdex mhux qed jiġbru karozzi abbandunati madwar Għawdex għaliex mhemmx post fejn jinżammu? X’se jagħmel il-Ministeru biex jipprovdi post fejn jinġabru dawn il-vetturi li jkunu tneħħew mit-toroq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija f’Għawdex ma ġabrux karozzi abbandunati minn madwar il-gżira fil-perjodu msemmi. Ser jiġi esplorat x’jista’ jsir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Malta Public Transport – rotta f’Għajnsielem

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li fid-diskussjonijiet mal-Malta Public Transport jara li jkun hemm rotta li tgħaddi minn Triq il-Ħamri f’Għajnsielem, peress li minn din l-area ta’ Għajnsielem ma tgħaddi l-ebda karozza tal-linja u f’din l-area hemm ammont ta’ nies joqogħdu fosthom ħafna anzjani?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment. Nixtieq infakkar ukoll li it-tfassil tar-rotot il-ġodda li ġew implimentati f’Ġunju ta’ din is-sena ġewwa Għawdex saru wara konsultazzjoni kemm mal-Kunsilli Lokali kif ukoll mal-pubbliku.
Leg 12 PQ #20821 Sitting 326 2015-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kemmuna — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’xogħlijiet saru fuq Kemmuna mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2015 sal-lum? Liema xogħlijiet huma maħsuba u ppjanati għas-sena 2016?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2015 tranġat iż-żona ta’ fejn isir l-ikampjar ħdejn il-Bajja ta’ Santa Marija. Ġew irranġati l-oqbra imkissrin fiċ-ċimiterju ta’ Kemmuna. F’żoni varji fuq Kemmuna saru ukoll ħitan tas-sejjieħ kif ukoll maintenance fuq il-fossa tad-drenaġġ tal-bajja ta’ Santa Marija. Madwar ill-bajja ta’ Santa Marija inbiddlet is-sistema tax-showers u tal-viċin. Fil-bajjiet ta’ Santa Marija u tal-Blue Lagoon twaħħlu xi tabelli u anke inbnew ¿ewġ lifeguard towers. Huwa maħsub li matul l-2016 jittranġa il-jetty tal-bajja ta’ Santa Marija u li isir refurbishment tal-latrina tal-Blue Lagoon. Dan min barra il-maintenance u tiswija li jsiru kull sena qabel l-istaġun tas-sajf.

Kemmuna – siti storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-siti storiċi li hemm fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hemmx minn dawn is-siti li huma devoluti u lil min huma devoluti? Jista’ jgħid x’qed tagħmel Heritage Malta f’kull sit li hemm f’Kemmuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha informazzjoni dwar sitt (6) siti storiċi f’Kemmuna, kif elenkati hawn taħt: 1. Kappella medjevali tal-Lunzjata 2. Torri ta’ Santa Marija (seklu 17) 3. Batterija ta’ Santa Marija (seklu 18) 4. Barracks Militari tal-perjodu Ingliż (seklu 19) 5. Forn storiku li kien jintuza mill-militar Ingliż (seklu 19) 6. Ċimiteru storiku (seklu 19 u 20) L-ebda minn dawn is-siti huwa ikkurat minn Heritage Malta. It-Torri u l-Batterija ta’ Santa Marija ingħataw b’Att ta’ Kurazija mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturi lill-għaqda volontarja Din l-Art Helwa. Din L-Art Helwa hija responsabbli għar-restawr, għall-kura u għall-ftuħ għall-pubbliku ta’ dawn iż-żewġ siti storiċi. Preżentement is-Sovrintendenza rċeviet u qed tevalwa rikjesta minn għaqda volontarja oħra biex tieħu f’ideja il-kura u r-restawr tal-Forn storiku, permezz ta’ Att ta’ Kurazija. Is-Sovrintendenza m’għandiex informazzjoni dwar propjeta storika ġewwa Kemmuna li ngħata b’ Devoluzjoni mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Leg 12 PQ #20850 Sitting 326 2015-11-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema Ministeru hu inkarigat mit-tqegħid tat-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex u dan stante illi mistoqsijiet li saru lill-Ministru għal Għawdex u lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Investiment fuq dan is-suġġett ġew imwieġba t-tnejn li huma billi rreferew għall-Ministru kkonċernat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab infurmat li r-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18805 tirreferi għall-Impjegati Pubbliċi li qegħdin f’Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern, kif mitlub mill Onorevoli Interpellant stess. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 6047 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 337, l-Erbgħa 18 ta’ Novembru 2015)

Heritage Malta — Fanal tal-Ġordan - manutenzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20641, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Għasri għandux talba pendenti għad-devoluzzjoni tal-Fanal tal-Ġordan u dan peress li għalkemm is-sit huwa tad-Dipartiment tal-Artijiet, it-talba għad-devoluzzjoni dejjem issir mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali? Jekk hemm applikazzjoni pendenti, din ġiet trattata? Jekk iva, x’kien l-eżitu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri li fil-passat kien beda diskussjonijiet biex il-Fanal tal-Ġordan ikun devolut lill-Kunsill iżda qatt ma saret applikazzjoni uffiċċjali peress li kien infurmat li l-fanal huwa taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta u ma setax ikun devolut lill-Kunsill.

Għasri — Fanal tal-Gordan - titolu ta' art

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20642, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta kellhiex f’idejha permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal xogħlijiet ta’ restawr u/jew manutenzjoni fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri? Jekk iva, x’kien in-numru ta’ dan il-permess u meta skada? Għaliex Transport Malta ma utilizzatx dan il-permess u ħallietu jiskadi u fl-istess ħin ħalliet li ssir aktar ħsara fuq il-Fanal tal-Ġordan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżisti permess ta’ żvilupp “PA682/09 - Restoration of tal-Gordan Lighthouse Building” li huwa validu għal ħames snin u jiskadi fl-24 Novembru 2015. Ninsab infurmat ukoll li ġiet sottomessa applikazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex bir-riferenza “PA4104/15 - Renewal of PA682/09”, sabiex jiġġedded il-permess oriġinali.

Għawdex – Triq l-Imġarr – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mewt seħħet kaġun ta’ inċident tat-traffiku fi Triq l-Imġarr li mill-port tal-Imġarr twassal sar-Rabat f’Għawdex fl-aħħar tmien snin? Jista’ jgħid ukoll kemm-il inċident seħħ fl-istess triq u li fih persuni sfaw feruti gravi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 t’ Ottubru 2015, il-pulizija rreġistrat 28 rapport tat- traffiku fi Triq L-Imġarr Għawdex u li fihom tilfu ħajjithom 4 persuni filwaqt li 30 persuna oħra sofrew ġrieħi ta’ natura gravi. Informazzjoni sena b’sena dwar in-numru ta’ persuni li weġġgħu jew tilfu ħajjithom f’dawn l- incidenti tat- traffiku qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Għawdex – Triq l-Imġarr – traffic calming measures

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex fi Triq l-Imġarr li twassal minn Għajnsielem sar-Rabat Għawdex isiru traffic calming measures bħal speed cameras? Jekk iva, x’inhu ppjanat li jsir u meta hu maħsub li jsiru u dan in vista ta’ numru ta’ mwiet li seħħew fl-aħħar snin f’din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li miżuri ta' traffic calming vertikali mhux rakkomandati li jsiru fi Triq l-Imġarr minħabba l-użu u l-klassifikazzjoni ta' tali triq. Fir-rigward ta' speed cameras, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir studju fuq sistemi different ta' nfurzar tal-veloċita' tas-sewqan sabiex jiġu stabbiliti l-aktar sistemi effettivi u effiċjenti fl-isfond tal-iżviluppi tat-teknoloġija.

Għajnsielem – Bajja tax-Xatt l-Aħmar – swimmers’ zone

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għas-Sajf li ġej hux maħsub li fil-bajja tax-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem issir Swimmers’ Zone? Jekk le, x’inhi r-raġuni li mhux se ssir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba biex il-bajja nsemmija ssir swmmers’ zone. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita’ mhux qed tikkunsidra din il-bajja bħala żona riservata għall-għawwiema fil-preżent anki minħabba li mhix xi bajja li hija ġeneralment frekwentata minn dawk li għandhom dgħajsa.
Leg 12 PQ #20772 Sitting 325 2015-11-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin — akkomodazzjoni fl-inħawi tal-Università u l-MCAST

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20418, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar dwar kemm qed iħallsu l-istudent Għawdxin li jistudjaw f’Malta biex jikru akkomodazzjoni fl-inħawi tal-Università jew fl-inħawi tal-MCAST u għal liema studju l-Ministru għamel referenza, fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija indikata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawk l-istudenti Għawdxin li jikru postijiet f’Malta iħallsu medja ta’ €113.20 fix-xahar. Ir-rapport li qed issir referenza għaliħ sar għal konsum intern. Madankollu l-Ministeru għal Ghawdex lest li jiddiskuti l-konklużjonijiet tiegħu mal-Onorevoli Interpellant.
Leg 12 PQ #20695 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti li għamlu l-btala tagħhom f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' turisti li għamlu l-btala tagħhom f'Għawdex fl-ewwel seba' xhur ta' din is-sena 2015? Kif jikkompara dan mal-ewwel seba' xhur tas-sena l-oħra 2014? Kemm-il lejl qattgħu f'Għawdex b'kollox dawn it-turisti matul l-ewwel seba' xhur ta' din is-sena u kif dan jikkompara mal-ewwel seba' xhur tas-sena l-oħra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 19795, datata 21 ta’ Ottubru 2015.
Leg 12 PQ #20696 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nadur – Triq it-Tiġrija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq it-Tiġrija fin-Nadur? Jista' jgħid jekk hux ser jsir culvert ġdid għall-ilma tax-xita f'din it-triq? Jista' jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuq Triq tal-Ħanaq u parti minn Triq ir-Ramla fin-Nadur stante li dan issa ilu wieqaf numru ta' xhur u l-finishing coat ta' tarmak baqa' ma ngħatax bil-konsegwenza li hemm ċertu periklu bil-faxxa tal-konkos imqabbża ‘l fuq fuq il-ġenb ta' dawn it-toroq? Jista' jgħid meta hu maħsub li ssir il-parti ta' Triq Għajn Qasab fin-Nadur mill-playing field tal-Ħali ‘l fuq li tinsab fi stat ħazin ħafna?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Ministeru huwa konxju mill-punti li qajjem l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu u bi ħsiebu jieħu azzjoni mill-aktar fis possibbli.
Leg 12 PQ #20697 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Studenti Għawdxin li applikaw biex jattendu l-MCAST f’Malta

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19177, jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw u ġew aċċettati studenti Għawdxin f'kulleġġi tal-MCAST f'Malta għas-sena skolastika 2015/2016? Jista' jgħid għal liema korsijiet applikaw dawn l-istudenti Għawdxin u f’liema kulleġġi ser ikunu qed jattendu dawn l-istudenti Għawdxin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #20698 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Good Causes Fund — għaqdiet Għawdxin li bbenefikaw

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19794 u jgħid matul l-2014 u l-2015 sal-lum kemm-il għaqda jew entità Għawdxija bbenefikat mill-Good Causes Fund? Jista' jgħid liema kienu l-ghaqdiet jew entitajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont li ħadet kull għaqda u f'kull każ, x' kien il-proġett li ġie megħjun?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin 2014 u 2015 kienu għaxra 1-għaqdiet, ibbażati ġewwa 1-gżira Għawdxija, Ii bbeneffikaw mill-fond għall­ kawżi ġusti, skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:

Tallinja Card – każ ta’ studenti Għawdxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex studenta Għawdxija li tattendi l-MCAST f’Malta applikat għal Tallinja Card u rċevietha tliet xhur wara? Jista’ jispjega li mhux talli rċevietha eżatt qabel ma kienet se tibda l-lezzjonijiet imma matul Ottubru għamlet darbtejn top up tagħha u d-darbtejn il-flus sparixxew minn fuq il-card tant li kull darba li tipprova tħallas biha tiġi rejected u jkollha tħallas €2 għal kull vjaġġ? Jista’ jgħid jekk il-€120 li ħallset din l-istudenta matul Ottubru f’tickets taż-€2 il-wieħed biex tasal l-iskola u tmur lura hijiex se tiġi refunded tagħhom? Jaf li din l-istudenta għamlet ġimgħat sħaħ iċċempel l-uffiċċju tal-kumpanija Malta Public Transport u dawn kull darba jibgħatuha minn post għall-ieħor, daqqa jibgħatuha Għawdex u daqqa Malta? Kif jista’ jippermetti li jiġri dan meta din il-kumpanija qed tingħata minimum ta’ €30 miljun fis-sena bħala sussidju?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi d-dettalji tal-persuna kkonċernata sabiex inkun nista’ ninvestiga l-każ imsemmi.
Leg 12 PQ #20766 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bdiewa Għawdxin – sussidju għat-trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu sussidju l-bdiewa Għawdxin għat-trasport tal-prodotti tagħhom bejn Għawdex u Malta? Ta’ liema snin huma dovuti u meta hu maħsub li se jitħallsu dan is-sussidju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Lulju ta’din is-sena il-bdiewa għandhom jieħdu sussidju ta’ €25,353.75 li mistenni jitħallas sa l-aħħar ta’ din is-sena. Ma hemmx kontijiet pendenti ta’ sussidju għas-snin ta’qabel.
Leg 12 PQ #20620 Sitting 321 2015-11-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Għasri — Fanal tal-Ġordan - tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex jiġi assigurat li l-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri li hu wieħed mil-landmarks ta’ Għawdex ma tiġrilux aktar ħsara peress li jinsab fi stat ħażin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jaf li l-fanal ta’ Ġurdan ilu fi stat ħażin ta’ restawr għal snin twal u ma ngħatax l-attenzjoni li kien ħaqqu mill-amministrazzjoni preċedenti. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex beda diskussjonijiet dwar dan is-sit biex jara x’interventi huma meħtieġa.