Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #21226 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Vjaġġi mill-Imġarr għal Sa Maison

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21018, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-vapur tal-Gozo Channel ma jibqax jittrakka Sa Maison minħabba l-yacht marina li ser issir? Jista’ jgħid fejn hu mistenni li jibda jittrakka l-vapur tal-Gozo Channel li jivvjaġġa bejn Għawdex u l-Belt Valletta? Jista’ jgħid jekk għandux pjanijiet li l-vjaġġi lejn il-Belt minn Għawdex isiru kuljum flok darbtejn fil-ġimgħa?

Response (REFALO, ANTON)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Channel tikkonsidra kull option quddiema u dan kemm minn naħa ta’ loġistika kuf ukoll mill-att finanzjarju.

Vetturi reġistrati fuq sidien li huma residenti Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi reġistrati lill-sidien li huma residenti t’Għawdex? Jista’ jaqsam dan l-ammont f’karozzi, vetturi kummerċjali u muturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ vetturi li hemm irreġistrati fuq sidien li huma residenti f’ Għawdex huwa ta’ 37,129, liema amount huwa maqsum f’ kategoriji kif ġej: Kategorija Ammont ta’ vetturi f’Għawdex Vetturi - Kategorija ‘ M ’ 26,793 Vetturi kummercjali - Kategorija ‘ N ’ 4,977 Muturi - Kategorija ‘ L ’ 5,359

Akkomodazzjoni soċjali f’Għawdex — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali f’Għawdex fit-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali f’Għawdex illum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-8 ta’ Marzu 2013, l-Awtorita’ tad-Djar kellha 32 applikazzjoni li qed jitlobu post f’Għawdex. Sal-lum l-ammont t’applikazzjonijiet pendenti li qed jitolbu akkommodazzjoni soċjali f’Għawdex huwa ta’ 44.
Leg 12 PQ #21189 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Dipartiment tax-Xogħlijiet – xogħlijiet f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2014 u l-2015 sal-lum liema xogħlijiet saru f’kull waħda mill-14-il lokalità f’Għawdex mill-ħaddiema tas-CMU jew Dipartiment tax-Xogħlijiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jelenka dawn ix-xogħlijiet lokalità b’lokalità? F'kull każ, ix-xogħol sar wara talba tal-kunsill lokali konċernat jew fuq inizjattiva tal-Ministeru jew Dipartiment tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi peress li numru konsiderevoli ta' fajls b'informazzjoni li jirrigwardjaw din il-mistoqsija parlamentari bħalissa qed jiġu miżmuma mill-pulizija minħabba investigazzjoni kurrenti , ir-risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'data meta l-istess pulizzijatirrilaxxa dawn l-istess fajls .

Dipartiment tal-Gvern Lokali – kunsilli lokali — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2014 u l-2015 sal-lum liema kunsilli lokali f’Għawdex ibbenefikaw minn skemi maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u li permezz tagħhom ħadu fondi addizzjonali? Jista’ jelenka taħt liema skemi ħadu l-għajnuna dawn il-kunsilli lokali f’Għawdex u kemm kienet l-għajnuna f’kull każ u għal liema proġett jew inizjattiva ngħatat?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #21198 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – Kmamar tan-nar — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21035, jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kull waħda miż-żewġ applikazzjonijiet pendenti għall-kmamar tan-nar ġodda f’Għawdex, x’kien ir-riżultat tal-proċess tal-iscreening u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tiegħu?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 21198, gejt nfurmat mill-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li fil-każ tal-kamra tan-nar tal-Munxar minhabba li s-sit jinsab f’żona ta’Konservazzjoni, din tmur kontra l-policy tal-Fireworks factory filwaqt li fil-każ ta’ Kerċem hemm bzonn l-endorsement tal-“ Ad hoc technical committee skond l-istess fireworks policy .Meta din tigi ivvalidata , irridu jsiru surveys u studji dwar x’impatt din jista jkollha fuq siti fil-vicin li jistgħu jkunu ta’importanza ambjentali.Kopja tal-iscreening letters ma jistgħux jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra għaliex dawn m’humiex dokumenti pubbliċi.
Leg 12 PQ #21199 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — talba għal trasferiment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20884 u jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra f'Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u fejn marru jaħdmu dawk il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Social housing — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-tliet elef u erbgħin (3040) applikazzjoni pendenti għal social housing, kemm minnhom huma għall-ewwel dar mill-housing u kemm minnhom biex jibdlu? Jista' jgħid kemm minn dawn it-tliet elef u erbgħin (3040) applikazzjoni huma għal akkomodazzjoni soċjali f' Għawdex? Jista' jgħid jekk dawn in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti huwiex iżjed jew anqas min-numru ta' applikazzjonjiet pendenti li kien hemm fit-8 ta' Marzu 2013? Jista' l-Ministru jgħid b'effett mill-Elezzjoni Ġenerali sal-lum, kemm inbnew appartamenti jew djar ġodda mill-Gvern sabiex jintużaw għal social housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn l-ammont totali ta’ 3040 applikazzjoni li qed jitolbu post għall-akkommodazzjoni soċjali hemm 2620 applikazzjoni li qed jitolbu post għall-ewwel darba, filwaqt li 420 qed jitolbu li jbiddlu l-post bil-kera tal-Gvern għal ma’ post ieħor tal-Gvern għal xi raġuni jew oħra. Minn l-ammont ta’ 2620 applikazzjoni li qed jitolbu għall-post alternattiv, 44 applikazzjoni qed jitolbu akkommodazjoni f’Għawdex. L-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti sat-8 ta’ Marzu 2013 kien ta’ 2837 li minnhom kien hemm 32 applikazzjoni li qed jitolbu post f’Għawdex. Barra minn hekk, mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum saru 315 allokazzjoni madwar Malta u Għawdex. Ilhom ma jinbnew appartamenti jew djar ġodda mill-Gvern sabiex jintużaw għal social housing għal dawn l-aħħar tmien snin.
Leg 12 PQ #21201 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Qorti ta' Isopu fin-Nadur — park

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-masġar / park fil-Qorti ta' Isopu fin-Nadur? Jista' jgħid jekk l-ewwel fażi tal-proġett hijiex lesta? Jista' jgħid fhiex kienet tikkonsisti l-ewwel fażi ta' dan il-proġett? X'inhuma l-fażijiet li jmiss u meta hu maħsub li ser jitwettqu? Kemm hemm flus ivvutati biex jitkompla dan il-proġett fis-sena li ġejja (2016)?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-imsemmija proġett wasal fl-aħħar fażi tiegħu. L-ewwel fażi, li kienet tikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-barriera u-t-taħwil ta’siġar fiha, tlestiet, filwaqt li l-aħħar fażi tal-proġett, li tinkludi l-bini ta’ Guard Room, Pump Room, Store, Toilets, provista tad-dawl għas-sit u xogħlijiet oħra relatati, li mistennija li jiswew madwar € 98,000, ser tkun lesta s-sena d-dieħla.

Għasri — Fanal tal-Ġordan - titolu ta' art

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20768, jista’ l-Ministru jagħti d-data meta saret l-applikazzjoni għar-restawr tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex minn Transport Malta? Jista’ jgħid meta nħareġ il-permess u jekk dan fil-fatt skadiex f’Awwissu li għadda u mhux kif indika fir-risposta tiegħu li se jiskadi fl-24 ta’ Novembru 2015? Għaliex Transport Malta ħalliet dan il-permess jiskadi u ma għamlet l-ebda manutenzjoni fuq dan il-Fanal storiku? Jista’ jgħid għaliex issa applika l-Ministeru għal Għawdex għar-renewal tal-permess u mhux Transport Malta? Jista’ jgħid Transport Malta kemm qed iddaħħal mill-kiri ta’ dan il-Fanal jew partijiet minnu, mill-Università ta’ Malta, u mill-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Hemm kumpaniji jew entitajiet oħra li qed jużaw xi partijiet minn dan il-Fanal u jekk iva, għal liema skop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-permess oriġinali, kuntrarjament għal dak li ntqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20768, fil-fatt skada fil-31 ta’ Marzu 2015. L-applikazzjoni oriġinali fil-fatt kienet saret għan-nom ta’ Din l-Art Ħelwa. Wara diversi diskussjoniijet bejn Transport Malta u l-Ministeru t’Għawdex, issa huwa maħsub li l-Ministeru t’Għawdex ikompli bl-applikazzjoni u xogħlijiet ta’ restawr għal dan il-Fanal. Ninsab infurmat li l-kumpaniji msemmija jħallsu €4500 fis-sena (overtime eskluż) għall-kiri tal-użu ta’ dan il-Fanal, filwaqt li l-Universita’ ta’ Malta ma tħallas xejn. M’hemm l-ebda kumpaniji oħra li qed jagħmlu użu mill-Fanal tal-Ġordan.

Fibre optic cable bejn Malta u Għawdex

Question

B’referenza għall-korrezzjoni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20417, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju tal-fattibilità dwar it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid mil-liema vot tal-budget għas-sena 2016 se jintużaw it-tliet miljun u nofs ewro li hu stmat li se jiswa dan it-tieni fibre optic cable bejn Għawdex u Malta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #21173 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti u Inizjattivi kofinanzjati b’fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2015 sal-lum, liema proġetti u inizjattivi kofinanzjati b’fondi tal-Unjoni Ewropea saru f’Għawdex? Jista’ jgħid minn dawn il-proġetti jew inizjattivi kemm huma magħluqa u kemm għadhom mhux magħluqa? Dawk li għadhom mhux magħluqa, f’liema stadju waslu? Jista’ jgħid f’kull proġett u/jew inizjattiva, kemm kien maħsub li tkun in-nefqa u kemm fil-fatt intefqu flus? X’kien l-iskop ta’ kull proġett u inizjattiva minn dawk elenkati? F’kull każ, kemm kienet il-parti ta’ kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea li saret applikazzjoni għaliha u kemm fil-fatt intużaw fondi minn dawk li ġew approvati inizjalment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #21174 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għawdex – main tal-ilma mill-Qala sa Ta’ Sannat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17587 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16772, jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq kollha indikati fir-risposta humiex se jiġu resurfaced u ċjoe hux se jsir wiċċ ġdid fit-toroq kollha minn fejn għadda l-main tal-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Ħondoq ir-Rummien sa Ta' Ċenċ? Jekk iva, sal-lum, liema minn dawn it-toroq ġew resurfaced kollha u liema għadhom le? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti mitluba fil-mistoqsija 16772 u jgħid x'għamlet il-Korporazzjoni f'dawk il-partijiet tat-toroq li kienu saru bit-tarmak u dan diġà nqala'? Jista’ jgħid meta se jispiċċa x-xogħol kollu fuq dawn it-toroq?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21175 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Heliport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Heliport ta’ Għawdex hux qed jintuża għal xi skop jew jekk ġiex devolut lil xi għaqda non-governattiva? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ma’ din l-għaqda? Jekk dan ġie mgħoddi lil xi għaqda, dan ifisser li dak li kien tħabbar fil-media li beda x-xogħol ta’ estensjoni tar-runway tal-heliport madwar sentejn ilu fil-fatt mhux se jitkompla? Dan ifisser li f’din il-leġiżlatura mhux se ssir il-konnessjoni bejn Malta u Għawdex u bejn Għawdex u pajjiżi oħra fil-Meditteran kif kien imwiegħed mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Budget għas-sena 2015?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat illi ebda għaqda non-Governattiva ma għanda xi ftehim mal-Ministeru ghal Għawdex dwar l-użu tal-heliport.

Għawdex – Triq l-Imġarr – inċidenti tat-traffiku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20769, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku b’kollox (inkluż dawk fejn ma weġġa’ ħadd jew kien hemm ġrieħi ħfief) kull sena mill-2008 sal-lum fi Triq l-Imġarr li twassal mill-Port tal-Imġarr sar-Rabat Għawdex u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmati li matul il- perjodu bejn l- 1 ta’ Jannar 2008 u l- 31 t’ Ottubru 2015, il- pulizija rregistrat 174 rapport tat- traffiku fi Triq l-Imgarr, Għawdex. Dawn ma jinkludux inċidenti “Front to Rear” u ncidenti semplici oħra (bla feruti) li ġew assistiti u rreġistrati mal-gwardjani lokali.

Għawdex – Kunsilli Lokali — allokazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20674, jista’ l-Ministru jara li l-allokazzjoni li se tingħata kull kunsill lokali tiġi komunikata qabel ir-raba’ ġimgħa ta’ Diċembru u dan stante li din is-sena l-budget sar aktar minn xahar qabel is-soltu kif ukoll stante li s-sena finanzjarja tal-kunsilli lokali tibda fl-1 ta’ Jannar u allura jekk din tiġi komunikata fir-raba’ ġimgħa ta’ Diċembru, kull kunsill lokali ma jkollu l-ebda ċans li sal-bidu tas-sena finanzjarja jippjana u jħejji l-budget neċessarju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir evalwazzjoni tal-workings. Hu pjaċir tagħna li din is-sena kien hemm żieda ulterjuri ta’ miljun ewro (€1M), minn €32M għal €33M. Kif il-workings ikunu kompluti u approvati, nikkomunikaw mal-Kunsilli Lokali kollha u nippubbliċizzaw ukoll dina l-komunikazzjoni fuq is-sit www.dlg.gov.mt.
Leg 12 PQ #21157 Sitting 331 2015-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin — akkomodazzjoni fl-inħawi tal-Università u l-MCAST

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20772 jista’ l-Ministru jgħid min għamel ir-rapport dwar il-kirjiet għall-akkomodazzjoni ta’ studenti Għawdxin li jistudjaw Malta? Jista’ almenu la ma jridx jippublika dan ir-rapport, kontra kull wegħda ta’ trasparenza, tal-inqas jippubblika l-konklużjonijiet tiegħu? Jista’ jgħid kemm sewa biex sar dan ir-rapport?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat illi r-rapport tħejja minn Dr. Rose Marie Azzoppardi f’ Mejju 2014 liema rapport sewa Eur2,500. Il-konklu¿¿jonijiet tiegħu qegħdin jiġu hawn mgħoddija by hand lill-istess Onorevoli Interpellant.
Leg 12 PQ #21164 Sitting 331 2015-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur – Triq Għajn Qasab — patching

Question

Jista’ l-Ministru jara li tal-inqas isir patching fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur li tinsab fi stat diżastruż? Jista’ jagħti raġuni għaliex din it-triq li twassal għall-bajja tar-Ramla l-Ħamra mhux qed tinżamm fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħda tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 12 PQ #21165 Sitting 331 2015-11-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Il-Qala – Triq ir-Rebħa, Triq il-Forn u Triq il-Kunċizzjoni – mains tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq ir-Rebħa, Triq il-Forn u Triq il-Kunċizzjoni fil-Qala Għawdex tħallew fi stat diżastruż wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddew main tal-ilma - u dan minkejja li l-Ministru f’mistoqsija parlamentari kien wieġeb u qal li x-xogħol kollu kellu jkun lest sal-aħħar ta’ Awwissu 2015? Jaf li l-istat ta’ dawn it-toroq qed joħolqu inkonvenjent kbir lil dawk kollha li jużawhom imma l-aktar lir-residenti li jgħixu fihom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li t-toroq imsemmija huma parti minn proġett estensiv fejn għadda main ġdid li qasam Għawdex kollu. Ma dan il-main saru xogħlijiet oħra u għad baqa' xi jsir biex tkompli tittejjeb l-infrastruttura t'Għawdex. Dan huwa proġett ta' importanza kbira biex tissalvagwardja riserva adekwata. Il-kuntrattur għaddej bix-xogħlijiet sabiex dan il-proġett jingħalaq għal benefiċċju ta' kulħadd u għat-tkabbir ekonomiku f'Għawdex.

Ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali f’kull wieħed mill-ħames reġjuni, fis-sena 2012, 2013, 2014 u 2015 sal-lum? Jista’ jgħid kemm daħħal kull reġjun minn dawn iċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-gwardjani lokali f’kull sena indikata?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għaż-żmien mill-2012 sal-aħħar ta’ Settembru 2015, peress li fl-1 ta’ Ottubru 2015 id-delega tal-infurzar legali għaddiet mingħand ir-Reġjuni għal għand l-aġenzija LESA.