Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet relatati maċ-CHOGM 2015 kien hemm ippjanati għal Għawdex? Jista' jagħti l-programm sħiħ li kien imħejji? Jista' jgħid minn dawn l-attivitajiet x'sar minnhom? Jista' jgħid fil-ġranet taċ-CHOGM, kemm-il trip tal-Gozo Channel ġie mħassar?
Response (REFALO, ANTON)
L-attivitajiet relatati maċ-Chogm li kienu ppjanati ghal Għawdex ġew varati fil-press conference tas-16 ta' Novembru 2015. Għall-Ħamis 26 ta' Novembru l-Commonwealth People’s Forum kien ippjana Gozo Fieldtrip Day u Literary Workshop. Il-literary workshop sar bejn id-9am u l-4pm fil-Campus tal-Universita', u kien suċċess. Il-fieldtrip ġiet ikkanċellata mill-iSteering Committee tal-People’s Forum kawza tal-maltemp u peress li ħafna mid-delegati bdew jikkanċellaw. L-attivitajiet tas-Sibt 28 ta’ Novembru, ir-roundtable tal-ministri u dawk organizzati mis-Sinjura Babli Sharma għan-nisa tal-ministri, ġew ukoll ikkanċellati minħabba l-maltemp. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nissuġġerilek tikkuntattja l-customer care fl-iMġarr tal- Gozo Channel.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — talba għal trasferiment
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21199 u 20884 u jgħid mill-1 ta' Lulju 2015 sal-lum kemm kien hemm talbiet għal trasferiment minn ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex biex imorru jaħdmu f'xi dipartiment jew entità oħra f'Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u fejn marru jaħdmu dawk il-ħaddiema li t-talba tagħhom ġiet milqugħa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Lulju 2015 sal-lum kien hemm 9 talbiet ghal trasferimenti.
Għawdex — Ix-Xewkija - Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility - xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq il-Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility f’Tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex? Jista’ jgħid kemm sewa dan il-proġett u kemm minnu kien kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid għaċ-Ċerimonja tal-Inawgurazzjoni, min iddeċieda min għandu jkun mistieden?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Referendum dwar il-link permanenti bejn Għawdex u Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid eżatt kif għandu jsir ir-referendum dwar il-link permanenti bejn Għawdex u Malta peress li hu għamel referenza għal dan ir-referendum f’aktar minn okkażżjoni waħda? Jista’ jgħid kif beħsiebu jagħti aktar saħħa lill-vot tal-Għawdxin f’dan ir-referendum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux se jkun il-Gvern waħdu li jiddeċidi fuq dan il-proġett. Se jkun hemm konsultazzjoni wiesgħa ħafna mal-Maltin u, b’mod partikolari, mal-Għawdxin. Il-familji u n-negozji Għawdxin se jkollhom say fit-twettiq tal-mandat elettorali li tissaħħaħ l-aċċessibilita bejn iż-żewġ gżejjer.
Sentejn u nofs ilu din l-amministrazzjoni sabet ma’ wiċċha progett fuq il-karta għaliex kienet ġiet rifjutata l-applikazzjoni għal fondi biex isir l-istudju dwar il-mina. Dan il-Gvern irnexxilu jsib metodu differenti fejn, permezz ta’ studju b’xejn dwar il-fattibilita ta’ pont bejn Malta u Għawdex, kellna qafas li ngħaqad max-xogħol li kienet qed twettaq il-kamra tal-kummerċ Għawdxija dwar il-fattibilita ta’ mina.
Illum, mingħajr ħafna nfieq ta’ flus, għandna rapport f’idejna li juri ekonomikament huwa possibli li ssir il-mina. Ir-rapport jindika wkoll li l-proġett huwa ta’ attrazzjoni biżejjed biex isir mis-settur privat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gozo Channel qed tikkunsidra li tneħħi l-pass tal-vapur lis-sindki Għawdxin? Jista’ jgħid il-pass tas-sindki Għawdxin kemm sewa lill-kumpanija Gozo Channel matul l-2014? Ma jħossx il-Ministru li dawn is-sindki, li huma persuni eletti mil-lokalità tagħhom għandu jkollhom dan il-pass? Jista’ jagħti lista ta’ dawk kollha li għandhom il-pass tal-Gozo Channel bid-data meta ngħataw dan il-pass?
Response (REFALO, ANTON)
Inserraħ ras l-Onor. Interpellant illi m’huma ser jitneħħew l-ebda passes qabel ma ssir konsultazzjoni wiesa’ u diretta mal-partijiet ikkonċernati u mhux biss mas-Sindki. Pero’ naħseb żgur li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi illi huwa essenzjali li l-Gozo Channel tkompli tirreġistra profitti biex tkun f’pożizzjoni li tkompli żżid il-vjaġġi u traħħas in-nollijiet
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-winch li jintuża mis-sajjieda f’Marsalforn tħalla bla wire tant li malli kien maltemp u s-sajjieda riedu jtellgħu d-dgħajjes tagħhom, kellhom diffikultà? Jista’ jara li dan jitranġa malajr kemm jista’ jkun?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-wajer huwa f’imwaħħal u l-winch se jkun ikkummissjonat fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema Ministeru se jkun inkarigat mill-istudji u proġett tal-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill Onor Interpellant li l-Ministeru tat-Trasport u Infrastrutura huwa l-Ministeru inkarigat mill- istudji u proġett tal-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex.
Ir-Rabat Għawdex – Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella — rampa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’irriżulta mill-ispezzjoni li saret mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) dwar ir-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex? Jista’ jikkonferma li din ir-rampa nbniet skont il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)? Jista jikkonferma li din hija skont il-Guidelines Access for All u li minnha persuna b’nuqqas ta’ mobilità jista’ jkollha aċċess liberament għall-Qorti ta’ Għawdex, għall-Katidral u għall-kumplament taċ-Ċittadella?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ispezzjoni li saret fuq il-post nhar it-Tnejn 23 ta’ Novembru 2015 irri¿ulta li r-rampa fi Pjazza Katidral mhix aċċessibbli għal kulħadd. Dan minkejja li l-Perit tal-KNPD fir-rapport tiegħu datat 29 ta’ Settembru 2011 ma sabx oġġezzjoni għall-pjanti li ntbagħtu lill-KNPD mill-MEPA suġġett li l-i¿vilupp ikun skont l-Access for All Design Guidelines. L-istess rapport jgħid ukoll b’mod ċar li r-responsabbiltà aħħarija hija tal-applikant li x-xogħlijiet isiru skont l-Access for All Design Guidelines.
Huwa obbligu tal-KNPD li tara li postijiet pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd u għaldaqstant hija obbligata li tara li l-Qorti ta’ Għawdex, il-Katidral u ċ-Ċittadella jkunu aċċessibbli. Fin-nuqqas ta’ dan, il-KNPD se tagħmel dak kollu neċessarju biex jinstab rimedju għan-nuqqas ta’ aċċess fi¿iku u l-postijiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd b’konformità mal-Access for All Design Guidelines.
Jista’ l-Ministru jgħid b’kollox kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku li ġew irrapurtati lill-gwardjani lokali kull sena mill-2008 sal-lum fi Triq l-Imġarr li twassal mill-Port tal-Imġarr sar-Rabat Għawdex u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu indikat saru 515-il rapport ta’ kolliżjoni fil-parti tat-triq f’Għajnsielem, 562 rapport ta’ kolliżjoni fil-parti tat-triq fir-Rabat u 642 rapport ta’ kolliżjoni fil-parti tat-triq fix-Xewkija, total ta’ 1,719-il rapport ta’ kolliżjoni fi Triq l-Imġarr.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21172 u ċjoè: B’referenza għall-korrezzjoni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20417, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju tal-fattibilità dwar it-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex? Jista’ jgħid mil-liema vot tal-budget għas-sena 2016 se jintużaw it-tliet miljun u nofs ewro li hu stmat li se jiswa dan it-tieni fibre optic cable bejn Għawdex u Malta?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill- Onor Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-istudju ta’ fattibilita` għal tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex. Dan ġie kofinanzjat permezz ta` proġett b’fondi ewropej (bl-isem ERDF331 -The development of a Digital Hub). Il-ħtieġa ta’ dan it-tieni cable hija essenzjali u dan għaliex mingħajr back-up cable bejn iz-żewg gżejjer, diffiċli li jkun hemm aktar żvilupp f'Għawdex f’oqsma ekonomiċi li jirrekjedu garanzjia ta’ kontinwita` u kwalita’ għolja fis-servizz tal-internet.
L-ispiża totali għal dan il-fibre optic cable hija stmata li tkun madwar EUR3.5 miljuni. Dettalji oħra jingħataw meta jitlesta ix-xogħol ta` pjanar.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21116, jista’ l-Ministru jgħid meta kien tkellem mal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Għawdex dwar l-uffiċċju li hemm fuq l-Għassa ta' Marsalforn? Ma jaħsibx li kellu jikkonsulta mal-Kunsill qabel jieħu dan l-uffiċċju f'idejh ladarba dan kien devolut lill-kunsill lokali? Il-Ministru jikkunsidra li jgħin finanzjarjament lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u/jew lill-Kumitat Amministrattiv ta' Marsalforn biex ikollha l-finanzi meħtieġa biex isir proġett għaż-żgħażagħ li jgħixu f’Marsalforn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn x’inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21116
Tista’ l-Ministru tgħid fejn kien l-Uffiċċju tal-MEUSAC f’Għawdex sa Marzu 2008 u f’liema ħinijiet kien jinfetaħ dan l-uffiċċju għas-servizz tal-Għawdxin? Tista’ tgħid illum fejn jinsab dan l-uffiċċju f’Għawdex u f’liema ħinijiet qed jinfetaħ għas-servizz tal-Għawdxin?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-MEUSAC reġa’ twaqqaf f’Lulju tal-2008 u għaldaqstant, sa Marzu tal-2008, ma kellu ebda uffiċċju la Malta u lanqas Għawdex.
L-Uffiċċju li għandu l-MEUSAC f’Għawdex qiegħed fil-binja tal-Universitá, ix-Xewkija, u jkun miftuħ nhar ta’ Tnejn u l-Ħamis bejn is-2.00 ta’ wara nofsinhar u s-6 ta’ filgħaxija u nhar ta’ Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ wara nofsinhar.
Kunvent tal-Patrijiet Franġiskani Minuri – night shelter
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim hemm mal-Patrijiet Franġiskani Minuri għall-użu ta’ parti mill-kunvent tagħhom bħala night shelter fl-Imġarr/Għajnsielem Għawdex? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid preżentament kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz? Jista’ jgħid kemm hemm nies jaħdmu f’dan in-night shelter, f’liema grad qegħdin u kif ġew ingaġġati dawn in-nies?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim li hemm mal-Provinċja Franġiskana Maltija tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri (O.F.M) u d-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità huwa li jingħata servizz għall-Anzjani ta’ Night Shelter għal matul il-lejl u għal Dementia Day Centre għal matul il-ġurnata.
Il-ftehim huwa ta’ ħames snin b’effett mis-26 ta’ Novembru 2014 u li jkun jista’ jiġi mġedded wara dan il-perjodu.
Fil-preżent hemm 11-il-persuna li applikaw għad-Dementia Day Centre u hemm 7 persuni oħra li sa issa bbenefikaw mis-servizz ta’ dan in-night shelter u d-Dipartiment jixtri servizz meħtieġ għall-operat tal-post mingħand il-privat.
Il-ftehim jista’ jiġi muri lill-Onorevoli Interpellant b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Ministeru tiegħu u l-Kurja ta’ Għawdex dwar l-użu ta’ dak li qabel kien l-Istitut ta’ San Ġużepp fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem f’Għawdex? Meta ġie ffirmat dan il-ftehim u għal kemm snin sar?
Response (REFALO, ANTON)
Fl-ewwel lok inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant illi t-tender għall-kostruzzjoni ħarġet. Fit-tieni lok il-ftehim hu ta’ natura kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fit-tqassim tal-ikel tal-Ewropa, istituzzjoni bħal Fondazzjoni Arka li tmexxi Dar Arka f’Għawdex u istituzzjonijiet simili hux se jingħataw minn dan l-ikel kif kien isir qabel? Jekk le, x’inhi r-raġuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21204.
Presidenti tal-Kunsill tal-Iskejjel ta' Għawdex — persuna maħtura
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-Presidenti tal-Kunsilli tal-Iskejjel ta' Għawdex kollu? JIsta' jgħid f'kull każ, il-persuna li qed isservi bħala President tal-Kunsill Skolastiku ġietx nominata mill-Ministru wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità u jekk huwa nnominax lill-persuna nominata mill-Kunsill inkella nnomina lil dik il-persuna li dehrlu hu? F'każ li l-Ministru ma mexiex mal-parir tal-kunsill lokali, jista' jagħti r-raġuni għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għalkemm m'hemm ebda obbligu li l-President tal-Kunsill Skolastiku jkun dak innominat mill-Kunsill Lokali, f'ħafna mill-każi dan seħħ.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-triq li twassal għal-lokalità tal-Qala qed terġa’ tinqala’ meta t-tarmak ingħata ftit tal-ġimgħat ilu biss? Jista’ jgħid min hu responsabbli għal dan in-nuqqas ta’ ppjanar? Jista’ jgħid kemm se jiġi jiswa dan in-nuqqas ta’ pjanar biex triq li għadha kemm inksiet bit-tarmak ftit ilu, qed terġa tinqala’ u min se jkun qed iħallas għal dan in-nuqqas? Jista’ jgħid kemm tul minn din it-triq se jerġa’ jitħaffer?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li meta ingħata l-base course - li mhuwiex it-tarmak finali - is-sistema eżistenti tad-drenaġġ ġarbet xi ħsarat. Din is-sistema hija antika u taċ-ċaqquf. Hu normali li katusi taċ-ċaqquf bħal dawn jiġu kkonservati. Għaldaqstant il-Korporazzjoni ppruvat issalva din is-sistema. Intuża apparat speċjaliżżat sabiex tiġi identifikata l-kwantita ta' ħsara. Il-ħsara testendi għal madwar 250 metru u ser tiġi rranġata fl-iqsar żmien possibbli. Il-base course ta' fuq il-main il-miksur biss ser jinqala'.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-inizjattivi jew proġetti taħt eco-Gozo li għaddejjin bħalissa? Kemm ser jiswa’ kull proġett u x’inhu l-għan ta’ kull proġett jew inizjattiva? Jista’ jgħid matul is-sena 2016 x’ser ikunu l-proġetti prinċipali ta’ eco-Gozo?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2016 ser jitkomplew il-proġetti diġa mibdija kif ukoll ser jibdew oħrajn li għadhom qed jiġu diskussi. Il-proġetti jew inizjattivi li għaddejjin bħalissa, u kemm jiswew, huma skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – child development centre
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li dak li kellu jkun iċ-Child Development Centre fil-konfini tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġie ffinanzjat mill-fondi tal-Ministeru għal Għawdex taħt il-vot ta’ eco-Gozo? Jista’ jikkonferma jekk issa din il-binja li hija lesta jew kważi lesta hux ser tgħaddi biex tintuża mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett msemmi ġie ffinanzjat mill-fondi tal-Ministeru għal Għawdex taħt il-vot ta’ Eko-Għawdex. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe deċiżjoni li ser tittieħet ser tkun fl- aħjar interess ta kullħadd.
Nadur – Triq Għajn Qasab – ċimiterju tal-Ħniena Divina – xogħlijiet fuq il-bankina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-bankina quddiem iċ-ċimiterju tal-Ħniena Divina fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur għadha ma saritx? Jaf il-Ministru li din tinsab fi triq arterjali li taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru tiegħu u issa li dan iċ-ċimiterju beda jintuża biex isir dfin fih, jixraq li l-bankina ssir?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan ix-xogħol isir hekk kif ikollna l-approvazzjoni tal-proposta minn naħa ta’ l-awtoritajiet konċernati. Ninsab infurmat li tali approvazzjoni għada ma waslitx.