Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li miż-żewġ Spetturi tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex wieħed minnhom jiġi trasferit lejn Malta biex issa f’Għawdex hemm Spettur tal-Pulizija wieħed biss? Ma jaħsibx il-Ministru li bi Spettur wieħed biex ilaħħaq max-xogħol ta’ Għawdex kollu, mhux biżżejjed?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-trasferiment ta’ spettur stazzjonat Għawdex huwa wieħed temporanju u dan sar minħabba esiġenzi tas-servizz.
Impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex – second class water
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex l-ilma, hekk imsejjaħ second class li qed jiġi prodott mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex, jibda jintuża? Meta mistenni jibda jintuża dan l-ilma u min se jkun qed jużah? Il-bdiewa u r-raħħala Għawdxin se jkollhom opportunità li jużaw minn dan l-ilma u jekk iva taħt liema kundizzjonijiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-bini tal-impjant huwa lest u l-impjant tpoġġa f'postu. Qed isiru l-arranġamenti sabiex jitwaħħal il-makkinarju u l-pajpijiet anċillari, u wara li jiġi ttestjat, dan ikun jista' jiġi ppumpjat għall-użu. Sadanittant, il-pajp qed jiġi estiż sa Kerċem fejn hemm numru sew ta' raħħala u bdiewa li huma interessati li jużaw dan l-ilma. Huwa mistenni li l-impjant ikun finaliżżat lejn it-tieni nofs tas-sena d-dieħla.
In-
New
Water prodott fl-impjant ta' Għawdex se jkun potenzjalment jista' jintuża għall-agrikoltura, industrija,
landscaping
u
recharge
tal-akwifers. Il-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu għadhom qed jiġu diskussi.
Kumitat reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — laqgħat
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa' l-kumitat reġjonali għal Għawdex tal-MCESD matul is-sena 2014 u din is-sena sal-lum? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti u l-attendenza ta' dawn il-laqgħat li nżammu?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-kumitat reġjonali għal Għawdex tal-MCESD, matul is-sena 2014 u din is-sena sal-lum iltaqa’ għoxrin (20) darba, li fihom kienu diskussi temi varji dwar l-izvilupp ekonomiku u soċjali ta’ Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid matul l-2014 u l-2015 sal-lum kemm saru attivitajiet tal-MEUSAC f'Għawdex? Liema kienu dawn l-attivitajiet u x' kien l-iskop ta' kull attività? Min kien mistieden għal kull attività u kemm attendew nies għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet?
Response (DALLI, HELENA)
2014
Laqgħa ta’ Informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi tal-UE, l-Erasmus+
Fit-13 ta’ Frar 2014, il-MEUSAC organizza laqgħa ta’ informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi Erasmus+. Waqt din il-laqgħa ngħatat informazzjoni lill-kunsilli lokali, għaqdiet volontarji kif ukoll lill-pubbliku dwar l-opportunitajiet ta’ fondi taħt dan il-programm, fosthom skambji ta’ żgħażagħ u esperjenzi ta’ volontarjat f’pajjiżi oħra. Għal din il-laqgħa attendew 40 persuna.
Djalogu Pubbliku - ‘Għawdex fl-Unjoni Ewropea’
Fit-12 ta’ Ġunju 2014, il-MEUSAC organizza Djalogu Pubbliku biex jiġi evalwat il-progress ta’ Malta fil-kuntest tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020. F’dan id-Djalogu Pubbliku, li għaliha kien misteden il-pubbliku, ġew ittrattati numru ta’ suġġetti li jolqtu lil Għawdex fl-UE fil-kuntest tal-benefiċċji, l-opportunitajiet, l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Gvern għal Għawdex u kien hemm attendenza ta’ madwar 60 persuna.
Laqgħa ta’ konsultazzjoni: Produzzjoni organika u l-ittikkettjar tal-prodotti
Fit-12 ta’ Diċembru 2014, il-MEUSAC organizza din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni f’Għawdex sabiex ikun jista’ jiddiskuti x’inhi tagħmel l-UE sabiex ittejjeb il-leġislazzjoni dwar il-produzzjoni organika u għalhekk ġie mistieden is-settur agrikolu u attendew madwar 30 persuna.
2015
Fil-21 ta’ Jannar, ġie inawgurat uffiċċju ġdid tal-MEUSAC f’Għawdex. Il-
MEUSAC kien ilu minn Mejju tal-2012 mingħajr rappreżentant / kooridnatur f’Għawdex.
Laqgħa ta’ informazzjoni għall-membri tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex
Fit-28 ta’ Marzu 2015, il-MEUSAC ipparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD imsejħa apposta biex uffiċjali tal-MEUSAC ikunu jistgħu jagħmlu preżentazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ fondi għall-organizzazzjonijiet Għawdxin. Għal din il-laqgħa attendew il-membri tal-istess kumitat.
Skolasajf f’Għawdex
Bejn l-20 ta’ Lulju u t-28 ta’ Awwissu, il-MEUSAC organizza 10 attivitajiet f’Għawdex sabiex jgħin l-istudenti Għawdxin jifhmu aħjar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp tal-2015 u l-irwol tal-UE f’dan il-qasam:
21 ta’ Lulju – Ta’ Sannat u attendew 21 student;
24 ta’ Lulju – San Lawrenz u attendew 8 studenti;
28 ta’ Lulju – Ix-Xewkija u attendew 15-il student;
31 ta’ Lulju – Ix-Xagħra u attendew 11-il student;
4 ta’ Awwissu – Il-Victoria u attendew 22 student;
11 ta’ Awwissu – In-Nadur u attendew 26 student;
14 ta’ Awwissu – Il-Qala u attendew 9 studenti;
18 ta’ Awwissu – Ta’ Kerċem u attendew 14-il student;
21 ta’ Awwissu – Għajnsielem u attendew 3 studenti
28 ta’ Awwissu – Attività tal-għeluq ta’ Skolasajf fl-Isports Complex u attendew 310 studenti.
Laqgħa ta’ Informazzjoni dwar il-programm Interreg Med
Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-MEUSAC organizza laqgħa ta’ informazzjoni dwar is-sejħiet taħt il-Programm Interreg Med. Għal din il-laqgħa attendew 12-il persuna. L-iskop ta’ din l-attività kien biex tingħata iktar informazzjoni dwar dan il-programm ta’ fondi, ir-regoli tal-eliġibbiltà kif ukoll biex għaqdiet mhux governattivi u kunsilli lokali jkunu mħeġġa biex jużaw is-servizzi tal-MEUSAC meta wieħed ikun irid jissottometti xi proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej.
Laqgħa ta’ Informazzjoni dwar fondi Ewropej għall-każini tal-baned
Fil-21 ta’ Novembru 2015, il-MEUSAC ipparteċipa f’laqgħa ta’ informazzjoni organizzata flimkien mal-Kunsill Malti għall-Volontarjat b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Baned dwar possibiltajiet ta’ fondi għall-każini tal-baned. Il-laqgħa kienet miftuħa wkoll għall-għaqdiet volontarji ohra. Waqt din il-laqgħa ngħatat informazzjoni dwar is-servizzi li joffri l-MEUSAC kif ukoll l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej li hemm għall-każini tal-baned fosthom il-programm Erasmus+ u l-LEADER. 11-il persuna attendiet din il-laqgħa.
Laqgħa ta’ informazzjoni fuq il-programm
Europe for Citizens
Fit- 2 ta’ Diċembru 2015, il-MEUSAC, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, organizza żewġ laqgħat ta’ informazzjoni għall-kunsilli lokali Għawdxin kif ukoll għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi Għawdxin dwar il-programm
Europe for Citizens
. Waqt din il-laqgħa ngħatat informazzjoni dwar is-servizzi li joffri l-MEUSAC, l-opportunitajiet taħt dan il-programm bħal ġemellaġġi u proġetti għas-soċjetà civili kif ukoll informazzjoni dwar kif wieħed jissottometti proġett kompettitiv. Għal dawn iż-żewġ laqgħat attendew 40 persuna.
Apparti dawn il-laqgħat ta’ informazzjoni, il-kordinatriċi tal-uffiċċju reġjonali tal-MEUSAC f’Għawdex, kellha ’l fuq minn 52 laqgħa ma’ individwi, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet oħra dwar is-servizzi li joffri l-MEUSAC kif ukoll dwar opportunitajiet ta’ fondi.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-espressjoni ta’ interess biex tinbena pixxina ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux ser jiffinanzja xi parti minn din il-pixxina u jekk le allura l-privat kif ser idaħħal lura l-investiment li ser jagħmel? Jista’ jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa din il-pixxina ser tkun tista’ tintuża mill-Għawdxin b’xejn u f’liema ġranet u ħinijiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li s-sejħa għadha miftuħa u kull informazzjoni li tingħata tista’ tippreġudika l-proċess, ir-risposta tingħata aktar ‘il quddiem.
Presidenti tal-Kunsill tal-Iskejjel ta' Għawdex — persuna maħtura
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21261 fejn elenka min huma l-Presidenti tal-Kunsilli tal-Iskejjel ta’ Għawdex kollu, jista’ jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid f’kull każ, il-persuna li qed isservi bħala President tal-Kunsill Skolastiku ġietx nominata mill-Ministru wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità u jekk huwa nnominax lill-persuna nominata mill-Kunsill inkella nnomina lil dik il-persuna li dehrlu hu? F’każ li l-Ministru ma mexiex mal-parir tal-Kunsill Lokali, jista’ jagħti r-raġuni għaliex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li minn meta saru l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Skolastiċi f’Jannar 2015 kien hemm biss żewġ Kunsilli Lokali f’Għawdex li bgħatu rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar il-ħatra ta’ President tal-Kunsill Skolastiku. Dawn kienu dawk tal-Għarb u ż-Żebbuġ. Fil-każ tal-ewwel inħatret il-persuna nnominata mill-Kunsill Lokali filwaqt li fil-każ taż-Żebbuġ, sfortunatament in-nomina tal-Kunsill waslet għand il-Ministeru wara li diġà kienet saret il-ħatra ta’ President.
Ma kienx hemm tibdil ieħor fil-Presidenti tal-Kunsilli Skolastiċi f’Għawdex f’din il-leġiżlatura.
Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa għaddej b'eżerċizzju biex il-kontijiet tad-dawl ta' diversi playing fields madwar Għawdex li sal-lum dejjem kienu jitħallsu mill-Ministeru għal Għawdex qed jitfagħhom fuq il-kunsilli lokali biex jibdew jitħallsu minnhom? Jista' jgħid liema playing fields u postijiet oħra qed jinsisti li l-meters u l-kontijiet tad-dawl tagħhom jgħaddu minn fuq il-Ministeru għal fuq il-kunsilli lokali Għawdxin u jelenkahom wieħed wieħed? Jista' jgħid x'se jiffranka b'din id-deċiżjoni l-Ministeru tiegħu u kemm se jkun il-piż li se jitfa' fuq il-kunsilli lokali Għawdxin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar il-Kunsilli Lokali jistipula li hija r-responsabilta tal-Kunsilli Lokali li jipprovdu li jsiru, jinżammu fi stat tajjeb u manutenzjoni ta’ playgrounds tat-tfal, ġonna pubbliċi u ċentri oħra, ta’ sport, kultura jew divertiment ieħor. Għaldaqstant l-eżerċizzju li qed isir huwa propju fl-ispirtu tal-osservanza tal-liġi u tat-tisħih tal-kunċett ta' deċentralizzazzjoni.
Mhu ser jintefa’ l-ebda pi¿ fuq il-Kunsilli ikkonċernati peress li l-kontijiet pendenti ser jitħallsu mill-Ministeru għalGħawdex.
L-informazzjoni dwar il-kontijiet in kwistjoni hija mogħtija fit-tabella li qiegħed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21174 u 17587 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16772, jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq kollha indikati fir-risposta humiex se jiġu resurfaced u ċjoe hux se jsir wiċċ ġdid fit-toroq kollha minn fejn għadda l-main tal-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn Ħondoq ir-Rummien sa Ta' Ċenċ? Jekk iva, sal-lum, liema minn dawn it-toroq ġew resurfaced kollha u liema għadhom le? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti mitluba fil-mistoqsija 16772 u jgħid x'għamlet il-Korporazzjoni f'dawk il-partijiet tat-toroq li kienu saru bit-tarmak u dan diġà nqala'? Jista’ jgħid meta se jispiċċa x-xogħol kollu fuq dawn it-toroq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt mgħarraf mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma illi bejn Ħondoq ir-Rummien u Ta' Ċenċ, minn kull fejn għadda l-main tal-ilma, ser jingħata l-wiċċ ġdid kollu. Il-base course ta' dawn it-toroq tlesta kullimkien, filwaqt li l-wearing course ser jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. Dan il-proġett kien ikopri l-main tal-ilma u wiċċ tat-triq biss, u mhux kostruzzjoni tat-triq innifisha. Rigward tarmak li reġa' ġie maqlugħ, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija 21303.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Moviment ta’ Kana ngħatax fondi mill-Ministeru tagħha bħala għajnuna biex iwettaq il-ħidma tiegħu fost koppji għarajjes u miżżewġin fl-aħħar sena? Jekk le, hemm xi raġuni għalfejn għajnuna li kienet tingħata lil dan il-Moviment, ma komplietx tingħata?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor Interpellant li għal Moviment ta’ Kana din is-sena kien allokat is-somma ta’ €70,000 mill-Vot tal-NGO Fund taħt dan il-Ministeru bħala għajnuna sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu fost koppji għarajjes u miżżewġin. Minn din is-somma il-Moviment ta’ Kana diġa ingħata is-somma ta’ €63,000. Il-bilanċ ta’ €7,000, li jirrapreżentaw l-10%, jingħataw lil Moviment ta’ Kana fl-għeluq tal-proġett hekk kif l-istess organizzazzjoni tissottometti u jkun verifikat ir-rapport finali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex fil-laqgħa li kellu hu hawn Malta mar-Reġina Elizabetta t-Tieni dwar l-investiment ta' Barts f'Għawdex, kien hemm preżenti l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa iżda ma kienx preżenti l-Ministru għal Għawdex?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proġett Barts and The London School of Medicine and Dentistry jinkludi kemm Malta u kif ukoll Għawdex u għall-laqgħa mar-Regina Eliżabetta II kien hemm preżenti l-Ministru responsabbli mill-proġett kollu.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-ftehim mal-Iskola ta' Barts? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt kien iffirmat fit-18 ta’ Marzu 2015, filwaqt li għat-tieni parti tal-misqosija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 21437.
Sptar Ġenerali t'Għawdex, Sptar Karen Grech, u Sptar San Luqa — ftehim iffirmat
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-ftehim mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar San Luqa? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 21433.
Għawdex — Ir-Rabar, Taċ-Ċawla - appartament - pannelli
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ġew installati l-pannelli fuq l-appartamenti fil-Housing tal-Gvern f'Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid kemm-il pannella ġiet stallata u kemm swew dawn il-pannelli? Jista' jgħid mil-liema ġurnata dawn il-pannelli bdew jiġġeneraw l-elettriku u jitfgħu fil-grid tal-Enemalta? Kemm qed jiġġeneraw elettriku kuljum dawn il-pannelli s'issa?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pannelli msemmija ġew installati f’Jannar 2015. Is-sistemi tal-pannelli fuq is-single phase bdew jiġġeneraw l-elettriku fil-grid tal-Enemalta hekk kif kienu nstallati, filwaqt dawk is-sistemi fuq it-three phase bdew jiġġeneraw l-elettriku f’Settembru 2015. B’kollox ġew installati 231 pannella li swew €113,673. Sal-4 ta’ Diċembru dawn il-pannelli iġġeneraw 2991.72 units ta’ elettriku fil-grid tal-Enemalta.
Nadur – Triq Għajn Qasab – ċimiterju tal-Ħniena Divina – xogħlijiet fuq il-bankina
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21225, jista’ l-Ministru jgħid liema approvazzjonijiet jonqos u mil-liema awtoritajiet biex tkun tista’ ssir il-bankina quddiem iċ-Ċimiterju tal-Ħniena Divina fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur? Jista’ jara li din issir malajr peress li dan iċ-Ċimiterju issa beda jintuża u kuljum imorru fih numru ta’ nies kif ukoll peress li din il-bankina tinsab fi triq arterjali li twassal għall-bajja tar-Ramla u li tintuża kuljum minn mijiet ta’ nies?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess mit-Transport Malta nħareġ u x-xogħlijiet bdew.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-ftehim li sar bejn il-Ministeru tiegħu u l-Kurja ta’ Għawdex dwar dak li kien l-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem ma jistax jiġi ppubblikat? Jista’ jgħid kif ftehim li sar bi ħlas mit-taxxi pubbliċi ma jistax jiġi ppubblikat? Jista’ jgħid kif dan il-ftehim li sar b’direct order u mhux wara sejħa pubblika m’għandux jiġi pubblikat? Kif il-Ministru ma weġibx dwar id-data meta ġie ffirmat dan il-ftehim u għal kemm snin sar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li m’hemm xejn x’iżżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 21252.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21313 u 21116, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jikkonferma jekk ikkonsultax lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex jew le dwar it-teħid ta' proprjetà f'Marsalforn li kienet f'idejn il-kunsill lokali u li l-Ministru qabad u ħa? Jaf il-Ministru li kull ma jrid iwieġeb hu iva jew le biex naraw tal-anqas ikkonsultax mal-kunsill elett min-nies taż-Żebbuġ u Marsalforn qabel qabad u ħa din il-proprjetà li kienet f'idejn il-kunsill?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari 21313 u 21116.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — Dipartiment tal-Uroloġija - stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-appuntamenti fid-Dipartiment tal-Uroloġija fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jingħataw għal sitt xhur oħra? X'inhu jagħmel il-Ministru biex dan iż-żmien ta' stennija jiġi eliminat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz ma kienx jingħata f’Għawdex minn Gvern Nazzjonalista. Dan is-servizz beda jiġi offrut ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’dawn l-aħħar disa’ xhur biss. Minħabba f’hekk hawn talba kbira għal konsulti f’dan id-dipartiment u l-Amministrazzjoni tal-Isptar qed tagħmel minn kollox biex tlaħħaq ma’ din id-domanda. Ta’ min jgħid però li l-każijiet referuti lil dan l-Ispeċjalista jiġu vvetjati u dawk li jinstabu urġenti jiġu mgħotija appuntament mill-eqreb possibli.
Jista' l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li ħa l-kuntratt biex jipprovdi care workers fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jista' jgħid kemm qed jipprovdi care workers bħalissa f'dan l-Isptar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew ftehim ma' dan il-Isptar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew ftehim ma' dan il-kuntrattur? Jista' jgħid jekk dan ingħatax b'tender u meta nħarġet din it-tender? Jista' jgħid kemm kienu dawk li tefgħu l-offerta tagħhom? Meta beda dan il-kuntrattur, għal kemm żmien ingħata dan il-kuntratt?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li qed jipprovdi l-care workers fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex huwa l-KDM Resources LTD.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – Child Development Centre
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa sal-lum iċ-Child Development Centre li nbena fil-konfini tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex? Kemm hu maħsub li se jkun jiswa b’kollox meta jkun lest? Meta se jkun lest u meta se jibda jintuża għall-benefiċċju tat-tfal Għawdxin?
Response (REFALO, ANTON)
Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett msemmi, s’issa ġie jiswa’ €1,088,000 u maħsub li ser jiswa’ madwar €1,315,000 meta jkun lest. Dan iċ-ċentru diġa qed jintuża mis-Social Workers.
B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 20768 u 21171, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma sar xejn minn Transport Malta fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex u dan minkejja li kien hemm permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) biex isir xogħol ta' restawr u liema permess issa jirriżulta li skada fil-31 ta' Marzu ta' din is-sena? Jista' jgħid għaliex Din l-Art Ħelwa mhux se tibqa involuta fir-restawr ta' dan is-sit storiku u
landmark
ġewwa Għawdex? Min qed jieħu l-flus li kull sena qed iħallsu l-GO plc u Vodafone plc bħala kirja ta' parti minn dan il-post? Għaliex dawn il-flus jew parti minnhom ma ntużawx biex jiġi restawrat dan il-fanal?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fiż-żmien li saret l-applikazzjoni, ix-xogħlijiet biss li kienu stmati għar-restawr ta’ dan il-fanal kienu jlaħħqu madwar €300,000. Dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda fondi allokati għal dan il-proġett u l-flus li Transport Malta ddaħħal mill-kiri ta’ parti ta’ dan il-post mhux suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż ta’ dan l-istess proġett. Rigward jekk Din l-Art Ħelwa hiex se tibqa’ nvoluta fir-restawr ta’ dan il-proġett, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.