Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #22095 Sitting 345 2016-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – priority pass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn huma dawk il-professjonisti li għandhom priority pass biex jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid x’inhu l-kriterju li jintuża mill-kumpanija biex tagħti dan il-priority pass lil dawn il-professjonisti? Din is-sistema għadha tintuża sal-lum u jekk iva jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kriterji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet 21602 u 21603. M’hemmx x’inżidu.
Leg 12 PQ #22113 Sitting 345 2016-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra – xogħlijiet fuq bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mal-plot li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ilu diversi xhur li nbeda x-xogħol fuq bankina però dan ma tkompliex? Meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol fuq din il-bankina?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bankina msemmija qiegħda fil-lista tax-xogħlijiet ippjanati.

Għawdex – Trasport Pubbliku – ħinijiet u rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħallas għal ktejjeb li tqassam fid-djar kollha ta’ Għawdex bil-ħinijiet u rotot ġodda tat-trasport pubbliku f’Għawdex? Jekk tħallas mill-Gvern, kemm sewa b’kollox dan il-ktejjeb u biex tqassam? Jista’ jikkonferma li l-ħinijiet ta’ uħud mir-rotot f’Għawdex li hemm f’dan il-ktejjeb ma jaqblux ma’ dawk li hemm fuq il-bus stops f’Għawdex u li filfatt dawk tal-bus stops huma l-ħinijiet tajbin? Min għamel dan l-iżball?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema ktejjeb qed jirreferi minħabba li tqassam iktar minn ktejjeb wieħed rigward rotot ġewwa Għawdex

Ta’ Sannat – Triq Dun Xand — stima

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa lill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat ix-xogħol fuq Triq Dun Xand f’Ta’ Sannat? Kemm kienet l-istima oriġinali skont it-tender u kemm sewa iżjed mill-istima oriġinali dan ix-xogħol li sar mill-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li l-proġett ta’ Triq Dun Xand Aquilina u l-Pjazzetta tax-Xelina ġie jiswa €240,188.65. L-istima oriġinali għal dan il-proġett kienet ta’ €198,817.43, mit-tieni sejħa ta’ Miżura 313 minn Fondi Ewropej, differenza ta’ €41,371.22. Din id-differenza tirriżulta f’ żieda fl-ammont ta’ tappieri li kellhom jinbidlu matul iż-żmien, u resurfacing bit-tarmak ta’ Triq Dun Xand Aquilina biex dan il-wiċċ tat-triq issir kollu u ma jsirx f’biċċiet.

Estensjoni tal-yacht marina f’Sa Maison — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq l-estensjoni tal-yacht marina f’Sa Maison f’Malta? Min se jagħmel dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiswa? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol fuq din l-estensjoni tal-yacht marina? Jista’ jgħid fejn se jibda jorbot il-vapur tal-Gozo Channel li jopera l-vjaġġi bejn Għawdex u Sa Maison malli jinbeda x-xogħol hawn fuq indikat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li x-xogħol fuq il-marina ta’ Sa Maison mistenni jibda aktar tard din is-sena. Dan ix-xogħol mistenni jsir mill-operatur il-ġdid li ġie mħabbar is-sena l-oħra wara li sejħa pubblika għall-iżvilupp u l-operat tal-istess marina. Għal dak li jirrigwarda l-Gozo Channel nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21226 li saret lill-Ministru t’Għawdex.

Għawdex – Gwardjani lokali — ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali f’Għawdex kull xahar, f’Ottubru 2014 u f’Novembru 2014? Jista’ jgħid għall-istess xahrejn, kemm-il siegħa ta’ xogħol kien hemm mill-gwardjani lokali f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali f’Għawdex kull xahar f’Ottubru 2015 u f’Novembru 2015? Jista’ jgħid għall-istess xahrejn, kemm-il siegħa ta’ xogħol kien hemm mill-gwardjani lokali f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li f’Għawdex, matul is-sena 2014, fix-xhur ta’ Ottubru ingħataw 1067 ċitazzjoni u f’Novembru inghataw 989 ċitazzjoni mill-Gwardjani Lokali. F’Ottubru 2014 kien hemm 690 siegħa ta’xogħol u f’Novembru 2014 kien hemm 707 siegħa ta’ xogħol. Matul is-sena 2015 fix-xahar ta’ Ottubru ingħataw 811-il ċitazzjoni u fil-waqt li f’Novembru 2015 ingħataw 788 ċitazzjoni mill-Gwardjani Lokali. F’Ottubru 2015 kien hemm 629 siegħa ta’xogħol u f’Novembru 559 siegħa ta’ xogħol.

Kumitat reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — laqgħat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21570, tista’ l-Ministru twieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti u l-attendenza tal-laqgħat tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD, li nżammu matul is-sena 2014 u din is-sena 2015?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Leg 12 PQ #21836 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2015? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #22040 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

In-Nadur – Triq Għajn Qasab – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Għajn Qasab fin-Nadur - dik il-parti li tibda minn ma’ Triq Ramla sa ħdejn il-Playing Field tan-Nadur? Jista' jgħid minn ingħata l-kuntratt biex jagħmel dan ix-xogħol u fiex se jkun jikkonsisti x-xogħol? Jista' jgħid kemm se jkun il-valur tax-xogħol li se jsir?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proess biex tinħareġ is-sejħa u x-xogħlijiet huma mistennija li jkunu lesti sa nofs din is-sena.
Leg 12 PQ #21664 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija Għawdex – child care centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li ċ-Child Care Centre li nbena fiż-żona industrijali tax-Xewkija jibda jopera? Meta hu mistenni jibda jopera, minn min ser jitħaddem u kemm hu mistenni li jilqa’ tfal fih?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #21665 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – impjegati li jaħdmu s-salarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-impjegati tas-Servizz Pubbliku f’Għawdex li preżentament qed jaħdmu s-salarji tal-impjegati kollha tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni humiex ser jibqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew jekk hux ser imorru taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni? Jekk ser imorru taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni jista’ jagħti raġuni għalfejn dawn l-impjegati Għawdxin li qed jaħdmu minn Għawdex mhux ser jibqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma wkoll jekk dawn l-impjegati humiex ser jibqgħu jaħdmu miċ-Ċentru Amministrattiv tar-Rabat Għawdex jew jekk humiex ser jiġu trasferiti kollha lejn ix-Xagħra?

Response (REFALO, ANTON)

L-Onorevoli Nterpellant għandu informazzjoni żbaljata. Ninforma lill-Onorevoli li m’hemm l-ebda ħsieb li s-Sezzjoni tas-Salarji tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni tmur taħt id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Pulizija Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li pulizija Għawdxin li bħalissa qed jaħdmu Malta, jintbagħtu biex jaħdmu f’Għawdex peress li fl-aħħar xhur diversi pulizija mill-Korp li kienu stazzjonati f’Għawdex spiċċaw u in vista wkoll li f’Malta hemm pulizija Għawdxin li bdew fil-Korp fl-2010 u sal-lum għadhom f’Malta meta żewġ terzi minn sħabhom li bdew fl-istess ġurnata magħhom fil-Korp, ilhom aktar minn tliet snin jaħdmu f’Għawdex?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-trasferiment ta’ uffiċjali tal-Pulizija fil-Korp hija prerogativa tal-Kummissarju tal-Pulizija u jingħataw skont l-esiġenzi tas-servizz.

Korp tal-Pulizija — vetturi u muturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17583, jista’ l-Ministru jgħid mill-vetturi li għandu l-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex u li ta lista tagħhom fir-risposta indikata, liema minnhom bħalissa mhux qed jintużaw minħabba ħsara? Jista’ jgħid xi ħsara għandha kull vettura li mhux qed tintuża u meta hu maħsub li kull vettura li hija wieqfa, terġa’ tibda tintuża?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-flotta ta’ vetturi allokati għad-Distrett t’Għawdex, bħalissa hemm sebgħa vetturi/muturi li mhux jiuntużaw minħabba ħsara kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #21760 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra Għawdex – Vjal it-Tmienja ta’ Settembru — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol fuq Vjal it-Tmienja ta’ Settembru fix-Xagħra, Għawdex? Kemm se jiswa b’kollox dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ tarmak fi Pjazza Vittorja fix-Xagħra? Kemm se jiswa dan ix-xogħol u x’kulur ta’ tarmak se jintuża f’din il-Pjazza?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħol hu mistenni li jitlesta sa Marzu 2016 u mistenni jiswa Euro 690,000. Il -kulur huwa terracotta jew RAL3002.
Leg 12 PQ #21761 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – sigurtà mal-binja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sigurtà hemm mal-binja li fiha hemm l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, l-Arkivji Nazzjonali u l-Bibljoteka ta’ Għawdex fi Triq Vajringa? X’inhi r-raġuni li ttieħdet id-deċiżjoni li jitneħħew il-watchmen kollha li kien hemm f’din il-binja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iskola hija mgħammra b’intruder alarm system. Ġie deċiż li l-unika persuna li kienet għadha qed tagħti servizz ta’ watchman f’din l-iskola tiġi trasferita ġo skola oħra ġewwa r-Rabat, Għawdex, fejn is-servizzi tagħha huma aktar meħtieġa.

Għasri — Fanal tal-Ġordan - titolu ta' art

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21314, jista’ l-Ministru jgħid Transport Malta kemm daħlet mingħand il-GO plc u l-Vodafone plc għal kirja ta’ parti mill-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri Għawdex sa minn meta bdew jużawh (mill-bidu tal-kirja) sal-lum? Jista’ jgħid kemm intefaq fuq restawr u manutenzjoni tal-Fanal tal-Ġordan minn dan l-ammont u x’kien ix-xogħol ta’ restawr jew manutenzjoni li sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta daħlet total ta’ €74,122 sal-lum għal kirja ta’ parti mill-Fanal tal-Ġordan. Ninsab infurmat li ma sar l-ebda xogħol ta’ restawr jew manutenzjoni fuq dan il-Fanal tul dawn l-aħħar snin.
Leg 12 PQ #21601 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ħaddiema tal-libreriji — detailing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal id-detailing tal-ħaddiema tal-libreriji f’Għawdex biex dawn mid-Dipartiment tal-Customer Services tal-Ministeru għal Għawdex jgħaddu għal mal-Malta Libraries?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bdew it-taħdidiet u anki kien hemm laqgħat f’Għawdex mal-ħaddiema min-naħa ta’ Libreriji Maltin biex jiġu spjegati l-proċeduri tad-detailing. Infurmat li Libreriji Maltin għadhom kemm irċevew l-approvazzjoni tan-nomenklaturi l-ġodda skont Direttiva 7 mingħand il-PACBU (Public Administration Collective Bargaining Unit). B’hekk il-ħaddiema Għawdxin ikunu jistgħu jidħlu mill-ewwel f’dawn in-nomeklaturi l-ġodda mingħajr ħafna problemi. Fil-jiem li ġejjin se jkomplu d-diskussjonijiet ħalli jibda l-proċess tad-detailing.
Leg 12 PQ #21602 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Free pass

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk l-individwi kollha li għandhom il-free pass tal-Gozo Channel u d-data ta’ meta ngħataw dan il-pass?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Channel ma bidlet xejn mill-prassi li kienet tintuża minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Dawn ivarjaw minn żmien għal żmien fosthom membri parlamentari, korp diplomatiku u uffiċjali pubbliċi.
Leg 12 PQ #21603 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Policy ta’ free passes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet pubblikata fil-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet pubblikata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar mingħandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 21602.

Għawdex — Ix-Xewkija - Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21351 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda x-xogħol fuq il-Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility f’Tal-Kus fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jgħid kemm sewa dan il-proġett u kemm minnu kien kofinanzjat minn Fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid għaċ-Ċerimonja tal-Inawgurazzjoni, min iddeċieda min għandu jkun mistieden?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, x-xogħol fuq il-Gozo Waste Transfer and Material Recovery Facility f’Tal-Kus fix-Xewkija Għawdex inbeda f'Awissu tal-2014 fil-barriera imħaffra. In-nefqa qabżet it-totali ta għaxar miljun Ewro b’kofinanzjament mil-Unjoni Ewropea ta 85%, u funding gap ta 80.794%. L-għażla tal-mistiedna ġiet deċiża mill-uffiċjali tal-Wasteserv flimkien mal-Ministeru u fosthom kien hemm stedina għall-Kelliema ewlenija ta’ l-oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, li ma setgħetx tattendi minħabba impenji oħra.