Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #22578 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja tar-Rabat Għawdex – sigurtà mal-binja

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21761, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Biblijoteka ta’ Għawdex, fl-Arkivji ta’ Għawdex u fl-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex, li t-tlieta li huma jinsabu fl-istess binja fi Triq Vajringa, ir-Rabat Għawdex hemmx fire alarm u x’jiġri f’każ li jkun hemm nar meta dawn ikunu magħluqa issa li m’hemmx watchman mal-binja? Jista’ jgħid f’liema skejjel f’Għawdex hemm watchman u f’liema m’hemmx? F’dawk l-iskejjel li hemm watchman, kemm-il persuna hemm jaħdmu f’dan il-grad f’kull skola? Jista’ jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Ministeru li jneħħi l-watchmen kollha minn mal-iskejjel f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-binja li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant sallum ma hemmx fire alarm. Madankollu min-naħa tas-sezzjoni tal-Arkivju Nazzjonali f'Għawdex fi tmiem il-ħin tax-xogħol tintefa l-provvista tal-elettriku sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' nirien. Infurmat ukoll mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li bħalissa qed isir proċess biex tiġi installata fire alarm. In-numru ta’ Watchmen li jaħdmu fl-iskejjel Primarji ta’ Għawdex huwa: Għajnsielem - 4 persuni Kerċem – 3 persuni Qala – 3 persuni San Lawrenz – 3 persuni Sannat – 5 persuni Xagħra – 5 persuni Xewkija – 3 persuni Żebbuġ – 3 persuni Watchmen li jaħdmu fl-iskejjel Sekondarji ta’ Għawdex: Sekondarja ta’ Għawdex – 2 persuni Fl-iskola ta’ Sir M. A. Refalo Sixth Form, fir-Rabat, Għawdex hemm 3 watchmen. Binjiet oħra Visual and Performing Arts, Xewkija – 3 persuni Science and Cultural Centre, Lunzjata – 3 persuni Fl-iskejjel l-oħra t’Għawdex, jiġifieri fl-iskejjel Primarji tal-Għarb, Nadur u Rabat u fl-iskola Sekondarja tas-Subien tar-Rabat, m’hemmx watchmen. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid jevalwa l-bżonnijiet fir-rigward ta’ sigurtà ta’ kull faċilità edukattiva u jindirizza implimentazzjoni effettiva f’dan il-qasam.
Leg 12 PQ #22579 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Raħħala full-time — persentaġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17437, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ raħħala full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib man-numru ta’ raħħala full-time f’Malta u Għawdex kollu sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda full-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda kollha f’Malta u Għawdex sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ sajjieda part-time f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tas-sajjieda part-time ta’ Malta u Għawdex kollha sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ full-time farmers f’Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-full-time farmers kollha fil-pajjiż sal-aħħar tas-sena 2015? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ part-time farmers ġewwa Għawdex u dan x’persentaġġ iġib tal-part-time farmers fil-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ma tagħmilx distinzjoni bejn bdiewa u raħħala. Skont il-formoli ta' bidu ta' mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, it-tabella t’hawn taħt turi n-numru ta' bdiewa u raħħala, u sajjieda li kellhom impjieg full-time u impjieg part-time f’Għawdex fl-aħħar ta' Lulju 2015 (l-aħħar ċifri ppubblikati). It-tabella turi wkoll il-persentaġġ fuq Malta u Għawdex fl-aħħar ta' Lulju 2015. Full-time Persentaġġ ta' Għawdxin jaħdmu Full-time fuq Malta u Għawdex Part-time Persentaġġ ta' Għawdxin jaħdmu Part-time fuq Malta u Għawdex Bdiewa u Raħħala 287 17.72% 318 19.97% Sajjieda 78 22.67% 137 21.96%

Żona Industrijali tax-Xewkija — Childcare Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex jara li ċ-Child Care Centre li nbena fiż-żona industrijali tax-Xewkija jibda jopera? Meta hu mistenni jibda jopera, minn min ser jitħaddem u kemm hu mistenni li jilqa’ tfal fih?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 6506 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 348, nhar it-Tnejn, 25 ta' Jannar 2016)
Leg 12 PQ #22716 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Qortin tax-Xagħra — park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun lest il-park fil-Qortin tax-Xagħra li hu ppjanat li jsir fuq il-post fejn qabel kien hemm il-miżbla? Fejn waslu x-xogħlijiet fuq dan il-park? Liema xogħlijiet jonqos u meta hu mistenni li jibda jintuża mill-pubbliku?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirriferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Ix-Xewkija – Tal-Kus – Waste Transfer Station

Question

Jista’ l-Ministru jgħid issa li ġie inawgurat il-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija, għaliex xorta waħda hemm skart li għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra? Meta hu ppjanat li t-teħid tal-iskart lejn il-Qortin jitwaqqaf għal kollox? X’qed jiġri mill-iskart kollu li qed jidħol ix-Xagħra u li qed jiddaħħal fil-Waste Transfer Station tal-Kus fix-Xewkija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-Wasteserv qed tistenna l-permess jinħareġ. Dan wara proċess estensiv ta’ diskussjonijiet mal-MEPA, sabiex nassiguraw li kollox se jkun skont il-permessi. Għaldaqstant, l-iskart għadu qed jittieħed fil-Qortin fix-Xagħra. Il-proċeduri ta’ kif jiġi mmaniġjat l-iskart hawnhekk ma nbidlux. Il-pjan huwa li appena jinħareġ il-permess, il-kumpanija Wasteserv tibda tilqa’ l-iskart f’dan l-impjant. Dan isir ftit ftit, sakemm wieħed jassigura li kollox qiegħed jaħdem kif suppost.
Leg 12 PQ #22121 Sitting 347 2016-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21592 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-espressjoni ta’ interess biex tinbena pixxina ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux ser jiffinanzja xi parti minn din il-pixxina u jekk le, allura l-privat kif ser idaħħal lura l-investiment li ser jagħmel? Jista’ jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa din il-pixxina ser tkun tista’ tintuża mill-Għawdxin b’xejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull kumment huwa superfluwu sakemm jagħlaq il-perjodu tar-Request for Proposals. Aktar informazzjoni tingħata 'il quddiem. Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant ukoll, illi dan il-Ministeru se jagħmel dak kollu possibli biex dil-Pixxina ssir realta' u b'hekk inwettqu dak li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem wegħdu u qatt ma wettqu.

Gozo Channel — vjaġġi fil-ġimgħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid skont il-PSO li l-kumpanija Gozo Channel għandha ma' Transport Malta kemm-il vjaġġ fil-ġimgħa suppost isir minn Għawdex lejn l-Port ta' Marsamxett jew il-Port il-Kbir u lura? Jista' jgħid jekk dawn hux qed isiru u jekk le x'passi se jittieħdu biex jiġi assigurat li l-Gozo Channel timxi mal-obbligi li għandha fil-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #22442 Sitting 347 2016-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — pariri legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ġie magħżul biex jagħti pariri legali u pariri oħra lill-Ministeru tiegħu fuq il-PSO li l-kumpanija Gozo Channel għandha mal-Gvern? Kif intgħażlu? Xi tħallsu s'issa? Lestew ix-xogħol tagħhom u jekk le meta hu mistenni jkun lest? X'kienu l-pariri li ngħata l-Ministeru għal Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda konsulenti ma ġew appuntanti minnu biex jagħtu pariri lil Ministeru ta' Għawdex dwar il- PSO tal-Gozo Channel.
Leg 12 PQ #22470 Sitting 347 2016-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel sekondarji – suġġeti konnessi ma’ turiżmu u ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji kollha (tal-Gvern u tal-Knisja) ta’ Għawdex li qed isegwu s-suġġett konness mat-turiżmu u l-ospitalità? Kemm-il siegħa fil-ġimgħa ikollu kull student f’dan is-suġġett? F’kull skola, kemm huma l-għalliema li jgħallmu dan is-suġġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Iskejjel Sekondarji tal-Istat u tal-Knisja f’Għawdex li jipprovdu t-tagħlim tas-suġġett konness mat-Turiżmu u l-Ospitalità huma tlieta: 1. Kulleġġ t’Għawdex, Skola Sekondarja Subien 2. Il-Konservatorju tal-Isqof Sekondarja tal-Bniet 3. Is-Seminarju Minuri Sekondarja tas-Subien. L-informazzjoni mitluba f’din mistoqsija hija miġbura fit-tabella t’hawn taħt: SKOLA Numru ta’ Studenti Numru ta’ Sigħat fil-ġimgħa Numru ta’ Għalliema Kulleġġ t’Għawdex Skola Sekondarja Subien 6 4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa 2 Konservatorju tal-Isqof 17 4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa 2 Seminarju Minuri 9 4 lezzjonijiet ta’ 40 minuta il-waħda – 2.67 sigħat kollox fil-ġimgħa 2
Leg 12 PQ #22471 Sitting 347 2016-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Yacht Marina u Cruise Liner Terminal — konsorzju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi magħżul il-konsorzju li se jibni l-yacht marina u l-cruise liner terminal f’Għawdex? Meta hu mistenni jibda x-xogħol u meta hu mistenni li dan il-proġett jibda jilqa’ fih l-ewwel yacht u l-ewwel cruise liner?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess miexi u qiegħed quddiem il-Pivatision Unit.
Leg 12 PQ #22472 Sitting 347 2016-01-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Għawdex — Istitut għat-Turiżmu - korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm studenti fl-Istitut għat-Turiżmu t’Għawdex? Liema korsijiet qed isegwu? Jista’ jgħid kemm hemm għalliema fl-istess Istitut u x’suġġetti jgħallmu dawn l-għalliema? Kemm kienet l-ispiża totali ta’ dan l-Istitut fis-sena 2015 u fiex kienet maqsuma din l-ispiża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħal ma diġa tajna l-informazzjoni f’Mistoqsija Parlamentari bin-numru 19180, datata 14 t’Ottubru 2015, l-Istitut ghall-Istudji Turistiċi (ITS) f’Għawdex għandu 9 studenti full-time li qed isegwu diploma f’Food Preparation and Production Operations. Hemm ukoll 14-il student li qed isegwu l-kors Basic Kitchen and Larder; 6 studenti li qed isegwu l-kors Basic Pastry and Baking; 3 studenti li qed isegwu Pastry and Baking f’livell intermedju; u student li qed isegwi kors fuq Kcina f’livell intermedju. Fl-2015, l-ITS provdiet ukoll Food Handling Course li għalih attendew 13-il student. Qed jiġu pprovduti wkoll korsijiet part-time, b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, illi għalihom qed jattendu 52 student. L-Istitut f’Għawdex hemm lecturer illi jgħallem fuq bażi full-time u erba’ visiting lecturers mill-campus ta’ Malta. L-ispiża diretta għal-campus ta’ Ghawdex, fis-sena 2015, kienet ta’ Euro 125,000.
Leg 12 PQ #22115 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra Għawdex – xogħlijiet fuq il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol biex dik li kienet il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex tiġi konvertità f’park tal-familja ma tkompliex, issa li din il-miżbla ilha aktar minn seba’ snin li ngħalqet? Meta hu maħsub li jitkompla dan ix-xogħol?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lil Ministeru kkoncernat.
Leg 12 PQ #22116 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Libreriji f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-libreriji f’Għawdex hux se jgħaddu taħt il-Malta Libraries? Jekk iva, meta hu maħsub li jibdew jagħmlu parti mill-Malta Libraries?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Libreriji f’Għawdex se jgħaddu taħt il-Malta Libraries. Il-proċess ta’ detailing tal-impjegati se jibda fix-xhur li ġejjin.
Leg 12 PQ #22117 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Arkivji ta’ Għawdex – Arkivji Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Arkivji ta’ Għawdex jaqgħux taħt l-Arkivji Nazzjonali u taħt il-Ministeru tiegħu, jew jekk humiex amministrati b’mod separat mill-Arkivji Nazzjonali u l-Ministeru tiegħu m’għandux taħt idejh il-kontroll ta’ dawn l-Arkivji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-Arkivju Nazzjonali għandu sezzjoni tiegħu f'Għawdex. Il-liġi tal-Arkivji Nazzjonali (Cap. 477 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jirregola l-operat tal-Arkivju Nazzjonali, jistipula li din is-sezzjoni tkun immexxija minn Assistent Arkivista Nazzjonali, kif fil-fatt hu il-każ. Nikkonferma li l-Arkivji Nazzjonali inkluż dak ta' Għawdex jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 12 PQ #22118 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – self ta’ kotba mil-liberiji reġjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba minn kull librerija reġjonali u lokali li hemm f’Għawdex matul is-sena 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #22119 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġett taċ-Ċittadella - baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux se jkun hemm varjazzjonijiet mill-baġit oriġinali li kien maħsub li jintefaq fuq il-proġett taċ-Ċittadella f’Għawdex? Kemm hu maħsub li se jkunu dawn il-varjazzjonijiet u kemm minnhom se jitħallsu minn fondi nazzjonali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea disponibbli għall-proġett taċ-Cittadella jammonta għal €11,669,586. Sal-aħħar tas-sena 2015, minnhom intefqet is-somma ta’ €10,537,015.13 li jammontaw għal 90.3% tal-fondi allokati. Kif jaf l-onorevoli interpellant, waqt it-twettiq tax-xoghol instabu numru konsiderevoli ta’ fdalijiet arkeoloġiċi li rriżultaw f’diversi tibdiliet fil-proġett biex dawn setgħu jiġu priservati u integrati fil-proġett. Bħalissa qegħdha issir evalwazzjoni tax-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru mill-fondi Nazzjonali biex dan il-proġett jiġi konkluż.

Vapur tal-Gozo Channel – post fejn jittrakka f’Sa Maison

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-vapur tal-Gozo Channel ma jibqax jittrakka f’Sa Maison minħabba l-yacht marina li se ssir? Jista’ jgħid fejn hu mistenni li jibda jittrakka l-vapur tal-Gozo Channel li jivvjaġġa bejn Għawdex u l-Belt Valletta? Il-post fejn se jibda jittrakka ġie diskuss u maqbul mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Iċ-Ċittadella – Rampa tal-Pjazza Katidral

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi se jieħu l-Ministeru tiegħu biex issa li ġie stabilit li r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella f'Għawdex mhix skont il-guidelines Access for All din tittranġa u tkun skont dawn il-guidelines? Ma jaħsibx Ministru li dan huwa proġett tal-Gvern kofinanzjat mill-Unjoni Ewropeja li kellu jkun ta' eżempju kif jkun aċċessibbli għal kulħadd speċjalment għall-persuni bi problemi ta' mobilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Cittadella Għawdex, kif ġiet approvata mill-KNPD ma kenitx intiża li tifforma parti minn rotta aċċessibbli għal bini pubbliku, u dan joħroġ ċar mill-pjanti approvati. Ir-rampa li ġiet approvata tifforma parti mit-triq li per konsegwenza trid timxi mal-pendil tat-triq. Fil-fatt il-pendil ta’ din il-parti tat-triq ittejbet permezz tar-rampa/triq li ġiet iffurmata. Kif hemm spjegat fir-rapport tal-KNPD tad-29 ta’ Settembru 2011, l-aċċess għall-bini li hemm fil-Pjazza kellu jiġi ndirizzat b’modi oħra. Minħabba nuqqas ta’ spazju, l-aċċess għal bini pubbliku ma jistax jissolva b’rampa. Għal dan il-għan, il-KNPD ġiet infurmata (u ġie kkonfermat mill-istess KNPD) li hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA biex dan l-aċċess jiġi pprovdut permezz ta’ lift li għandu jagħti aċċess pubbliku skont l-Access for All Design Guidelines lill-binjiet fil-Pjazza speċjalment għall-persuni b’nuqqas ta’ mobilità kif ukoll rotta aċċessibbli għaċ-Cittadella.

Kunsilli Lokali — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema għall-kunsill lokali ħarġet matul is-sena 2015? Kemm kien l-ammont allokat għal kull skema? Kemm applikaw kunsilli lokali għal kull skema? Liema kienu l-kunsilli lokali li ħadu għajnuna minn kull skema u liema kienu dawk li applikaw u ma ħadux f’kull skema? Kemm kien l-ammont totali li ngħata lil kull kunsill lokali f’kull skema u għal liema proġetti jew inizjattivi? Kemm hu l-ammont li sal-lum tħallas lil kull kunsill lokali f’kull każ u f’kull skema?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi matul is-sena 2015 ħarġu seba’ sejħiet ta’ skemi għall-Kunsilli Lokali li kienu dawn : Memo 5/2015 - Ghajnuna Finanzjarja ghall-Korsijiet Lifelong Learning 2015-16 : Ammont allokat kien ta’ €20,000. Applikaw 14-il Kunsill Lokali u Regjun Lokali u bbenefikaw 11-il Kunsill Lokali. Memo 10/2015 - Għajnuna lill-Kunsilli Lokali li ghandhom responsabilta ta’ librerija lokali : Ammont allokat kien ta’ €35,000. Applikaw 46-il Kunsill Lokali u bbenefikaw kollha. Memo 11/2015 – Finanzjament ta’ Restawr ghall-Postijiet Storiċi : Ammont allokat huwa maħruġ mis-Sezzjoni responsabli għar-Restawr taħt l-istess Ministeru. Applikaw 36-il Kunsill Lokali biss u bbenefikaw ħamsa. Memo 22/2015 - Inizjattivi ta’ Attivitajiet Kulturali Ghax-Xahar ta’ Dicembru 2015 : Ammont allokat kien ta’ € 75,000. Applikaw b’34 applikazzjoni, kollha minn Kunsilli Lokali u bbenefikaw 14. Memo 30/2015 - Inizjattivi ta’ Attivitajiet Kulturali Ghas-sena 2016 : Ammont allokat kien ta’ €175,000. Applikaw b’108 applikazzjoniji- 97 mill-Kunsilli Lokali, 5 mill-Kumitati Amministrattivi u 6 mir-Regjuni Lokali biss ghadhom ghand il-Bord ta’Evalwazzjoni. Memo 32/2015 – Espressjoni ta’ Interess ghall-Impjieg ghall-Impjieg ta’ Persuna b’Dizabilita : Ammont allokat kien ta’ €80,000 Applikaw 21-il Kunsill Lokali u Regjun Lokali u ghad irrid jibda l-process ma’ l-ETC. Accessibity A+ Award : Ammont allokat kien ta’ €25,000 Applikaw 8 Kunsilli Lokali u Regjun Lokali. Ghadu ghaddej il-process mill-Bord ta’ Evalwazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-rigward dawk l-iskemi li diġa ġew allokati u ċioe: (i) Lifelong Learning (ii) Libreriji Lokali (iii) Restawr ta’ postijiet storiċi u (iv) Attivitajiet Kulturali għax-xahar ta’ Diċembru 2015 Skema Proġetti Kapitali: Ammont Allokat: €1,000,000* Kunsilli Lokali li Applikaw: Ħ’Attard; Ħal Balzan; Birkirkara; Birżebbuġa; Bormla; Il-Fgura; Il-Fontana; Il-Furjana; Il-Gudja; Għajnsielem; L-Għarb; L-Għasri; Il-Ħamrun; L-Iklin; L-Isla; Il-Kalkara; Ta’ Kerċem; Ħal Kirkop; Ħal Lija; Ħal Luqa; Il-Marsa; Marsaxlokk; L-Imdina; Il-Mellieħa; L-Imġarr; Il-Mosta; L-Imqabba; Il-Munxar; In-Nadur; In-Naxxar; Pembroke; Il-Qala; Ħal Qormi; Il-Qrendi; Ir-Rabat (Għawdex); Raħal Ġdid; Ħal Safi; Tas-Sliema; San Ġwann; San Lawrenz; San Pawl il-Baħar; Ta’ Sannat; Santa Venera; Is-Siġġiewi; Is-Swieqi; Tal-Pietà; Ta’ Xbiex; Ix-Xewkija; Ix-Xagħra; Ix-Xgħajra; Il-Belt Valletta; Wied il-Għajn; Ħaż-Żabbar; Iż-Żebbuġ; Ħaż-Żebbuġ; Iż-Żejtun; Iż-Żurrieq. Il-Kunsilli li mistennija jibbenifikaw minn din l-Iskema: Birkirkara; Birżebbuġa; Bormla; Il-Fgura; Il-Gudja; Il-Ħamrun; L-Isla; Ta’ Kerċem; Ħal Luqa; Il-Marsa; Marsaxlokk; L-Imġarr; Il-Mosta; L-Imqabba; In-Nadur; Ħal Qormi; Raħal Ġdid; Ħal Safi; Tas-Sliema; San Pawl il-Baħar; Is-Siġġiewi; Ix-Xagħra; Ix-Xewkija; Ix-Xgħajra; Il-Belt Valletta; Wied il-Għajn; Ħaż-Żebbuġ; Iż-Żejtun; Iż-Żurrieq. Sa issa għadu ma ngħata ebda ammont lill-ebda Kunsill Lokali. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali qed jistenna r-rapport tal-Awditur Ġenerali wara li l-Oppożizzjoni talbet li ssib inkjesta mill-istess Awditur Ġenerali. Ko-Finanzjament ta Proġett li applikaw għalihom Fondi Ewropej (Vot 7237): Ammont ivvutat: €400,000 Kunsill LokaliAmmont Mogħti matul l-2015 (€) Il-Mellieħa 24,399.36 L-Imdina 3,981.81 L-Imġarr14,620.00 L-Isla25,376.75 Il-Munxar 8,834.05 Ix-Xagħra 21,458.99 In-Nadur28,100.24 L-Għasri2,200.71 Ħa¿-¯ebbuġ 21,107.05 L-Għarb 3,915.10 Il-Belt Valletta 79,148.70 Il-Qala10,435.48 Ħal Qormi 1,661.28 * Stante li din l-iskema tinsab għall-iskrutinju tal-Awditur Ġenerali wara talba tal-Oppozizzjoni, il-Gvern bi prudenza għażel li jiffriża l-ezekuzzjoni tal-iSkema sakemm dan l-iskrutinju jintemm.
Leg 12 PQ #22047 Sitting 345 2016-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għassa ta' Marsalforn — proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-proprjetà li hemm fuq l-għassa ta' Marsalforn f'Għawdex fiex tikkonsisti? Jista' jgħid issa li se jieħu din il-proprjetà mingħand il-Kunsill taż-Żebbuġ għaliex se tintuża? Jista' jgħid jekk infurmaw lill-kunsill bid-deċiżjoni tiegħu li jieħu din il-proprjetà f'idejn il-Ministeru għal Għawdex? Il-Kunsill taż-Żebbuġ se jkun involut f'dak li se jsir b'din il-proprjetà?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx x’inżidu mar-risposta 21518.