Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24421 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex qed tiġi meqjusa bħala żona industrijali?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet li tinbena skola primarja flok il-ground tal-Football tar-Rabat, Għawdex inbidlux? Jekk iva, għaliex inbidlu u meta nbidlu? Fejn hu maħsub li tinbena din l-iskola primarja ġdida fir-Rabat Għawdex jekk inbidlu l-pjanijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pjan li tinbena skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex ma nbidilx. Se jinbnew skola primarja, underground car park u sports field li tinkludi 9-a-side football ground. Il-grawnd tal-futbol tar-Rabat se jkun parti integrali mill-proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li matul is-sena 2015, f’xi żmien jew ieħor kienu fuq xogħol temporanju f’xi skema li ġiet introdotta għall-ħaddiema f’Għawdex? F’liema skemi kienu jaħdmu u x’kienu l-kundizzjonijiet ta’ kull skema u l-iskop ta’ kull skema li kien hemm matul is-sena 2015?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, l-iskemi li ġew introdotti għall-ħaddiema f’Għawdex kienu tnejn:
Work Trial Scheme for Youths - Gozo li fiha pparteċipaw 536 persuna
Work and Training Exposure Scheme li fiha pparteċipaw 231 persuna.
Work Trial Scheme for Youths – Gozo
Din l-iskema kienet immirata lejn dawk li qegħdin jirreġistraw u/jew dawk li huma inattivi bejn l-età ta’ 16 u 24 sena. L-iskop ta’ din l-iskema kien li nagħtu esperjenza ta’ xogħol lil dawn iż-żgħażagħ għal perjodu definit ta’ ħames ġimgħat mas-settur privat.
Din l-iskema kienet finanzjata minn fondi tal-Ministeru għal Għawdex u l-ETC kienet responsabbli mill-amministrazzjoni tal-iskema.
Work and Training Exposure Scheme
Din l-iskema kienet miftuħa għal dawk kollha li qegħdin jirreġistraw u/jew huma inattivi li huma ‘l fuq minn 25 sena. Permezz ta’ din l-iskema, il-parteċipanti ngħataw l-opportunità li jingħataw esperjenza ta’ xogħol ma’ dipartimenti/entitatjiet tal-Gvern/NGOs għal perjodu definit. Minbarra dan, dawk kollha li pparteċipaw fl-iskema attendew taħriġ dwar ‘Basic Employment Skills’.
Din l-iskema kienet finanzjata minn fondi tal-Ministeru għal Għawdex u l-ETC kienet responsabbli mill-amministrazzjoni tal-iskema.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jitkompla x-xogħol fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija peress li ħafna mit-toroq f’din iż-żona industrijali jinsabu fi stat ħażin ħafna, l-aktar wara li saru t-trinek fihom? Meta hu mistenni li dawn it-toroq fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija jsiru bit-tarmak u jitkompla x-xogħol ta’ tisbiħ f’din iż-żona?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol imsemmi fit-toroq fiż-żona Industrijali tax-Xewkija huwa mistenni li jsir bejn Mejju u Lulju 2016
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinħareġ l-offerta biex issir Triq Sannat fis-Sannat u dan peress li fl-20 ta' Jannar għal tweġiba li kien ta għall-mistoqsija parlamentari 22719 kien qal li din kellha toħroġ fi żmien ġimgħatejn oħra u issa għaddew kważi tliet xhur minn dakinhar u jidher li għadha ma ħarġitx? Jista' jgħid jekk hux se jsir xogħol mill-pjazza ta' Sannat sa fejn tibda Triq it-Tabib Anton Tabone?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li Sannat Road ser issir mill-Pjazza ta’ Sannat sa Triq it-Tabib Anton Tabone. Ninsab infurmat ukoll li malli jagħtu l-informazzjoni dwar is-servizzi il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma it–tenders jiġu ippublikati.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – ftehim bejn il-ħaddiema u l-Unions
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat ftehim mal-Unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema f'kategoriji diversi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex dwar il-privatizzazzjoni ta' dan l-Isptar u dan peress li diversi xhur ilu kien ġie indikat li ntlaħaq ftehim mal-Unions kollha? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-ftehim mal-Unions dwar dan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
Gozo Channel – inkjesta interna jew investigazzjoni dwar tenders
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il inkjesta interna jew investigazzjoni interna talab il-Ministeru tiegħu dwar għoti u/jew ħruġ ta' tender u għoti ta' servizzi jew xogħol wara kwotazzjonijiet u għoti ta’ direct orders mill-kumpanija Gozo Channel? Min għamel dawn l-inkjesti jew investigazzjonijiet? Jista' jpoġġi kopja tar-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? X'passi ħa l-Ministeru fuq dawn ir-rapporti li saru?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesti nterni jew investigazzjonijiet li kien hemm kollha kienu konnessi ma materja maniġerjali u li minħabba s-sensitivita kummerċjali tagħhom mhux għaqli li jiġu ppublikati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmak fuq it-trinka li saret fit-triq li tagħti mis-Sannat għax-Xewkija (Triq taċ-Ċimiterju tas-Sannat) peress li preżentament din it-trinka hija ta' periklu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet jinsabu għaddejjin bħalissa u huwa previst li ser ikunu lesti sal-ġimgħa d-dieħla.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex qed tiġi meqjusa bħala żona industrijali?
Jista' l-Ministru jgħid issa li fl-aħħar ġimgħat spiċċaw żewġ Maġġuri tal-Pulizija mid-Distrett ta' Għawdex, meta hu ppjanat li dawn jiġu sostitwiti b'Maġġuri oħra, aktar u aktar meta wieħed minn dawn il-Maġġuri li spiċċa kien qabeż Maġġur li huwa stazzjonat Malta u fis-seniority kien jiġi qablu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li, wieħed mit-tlett Surġenti Maġġuri li kienu stazzjonati ġewwa Għawdex irtira bil-pensjoni. Ieħor qiegħed bit-‘termination leave’. Infurmat ukoll li malli l-esigenzi tal-Korp hekk jitolbu, sostituzzjoni ta’ dawn l-uffiċċjali tista’ tigi kkunsidrata.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tal-kumpanija Gozo Ferries Limited? Jista’ jgħid minn huma d-Diretturi ta’ din il-kumpanija?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kumpanija qed tipprovdi s-servizz ta’ security fil-Gozo Sports Complex? Kif ġiet magħżula din il-kumpanija u kemm ilha tipprovdi dan is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz kuljum tipprovdi din il-kumpanija f’dan il-post? Minn kemm ilha tipprovdi dan is-servizz sal-lum, kemm tħallset din il-kumpanija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li sakemm tingħata t-tender għas-servizz ta’ sigurta fil-Gozo Sports Complex, is-servizz qed jingħata mill-kumpanija Executive Security Services Ltd. Din il-kumpanija ġiet magħżula wara sejħa għall-offerti ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern li ħarġet fit-13 ta’ Marzu 2015 b’referenza MGOZ T 5/2015 bit-titolu “Provvediment ta’ Servizz ta’ Sigurta’ fil-Ministeru għal Għawdex”. Is-servizzi ta’ sigurta fil-Gozo Sports Complex ġew kummissjonati permezz ta’ addendum għal din it-tender.
Jiena nfurmat ukoll li din il-kumpanija ilha tipprovdi s-servizz fil-Gozo Sports Complex mit-3 ta’ Diċembru 2015 għal-13 il-siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa; 9 siegħat nhar ta’ Sibt; u 8 sigħat fil-Ħdud u btajjel pubbliċi u li sa issa għadhom ma sarux ħlasijiet lil din il-kumpanija għas-servizz pprovdut f’dan il-kumpless peress li l-kumpanija għada ma bgħatitx l-invoices relattivi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li sejħa għall-offerti biex jiġi provdut servizz ta’ security fil-Gozo Sports Complex li ħarġet fil-bidu ta’ Marzu 2016 ġiet irtirata? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet għaliex din is-sejħa għall-offerti ġiet irtirata?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti msemmija fil-mistoqsija ġiet irtirata minħabba modifika li kien hemm bżonn fid-dokument tal-offerta u li din l-offerta ġiet ippublikata mill-ġdid fl-1 ta’ April 2016.
Pixxina f’Għawdex – sejħa għall-interess għall-bini u mmaniġġar
Question
Jista' l-Ministru jgħid, issa li għalqet is-sejħa ta' interess għall-bini u immaniġġar ta' pixxina f' Għawdex, kemm kienu dawk li applikaw u min kienu? Jista' jgħid meta hu maħsub li jintgħażel il-preferred bidder f'din is-sejħa ta' interess? Jista' jgħid meta hu maħsub li tibda topera din il-pixxina u l-fatt li se tkun Public-Private Partnership (PPP) jista' l-Ministru jgħid x'qed jistenna l-Gvern minn dan il-ftehim?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha rikjesta minnu, tinsab elenkata fil-Press Release bin-numru PR 160507.
Qala Għawdex – Triq Andar ix-Xagħri – manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’manutenzjoni qed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Qala fuq Triq Andar ix-Xagħri fil-Qala, Għawdex peress li din it-triq tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid kemm intefqu flus fuq il-manutenzjoni ta’ din it-triq fl-aħħar tliet snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-kunsilli lokali joperaw b’mod awtonomu fil-parametri tal-liġi li tirregola l-istess kunsilli lokali.
Id-domanda tal-Onor. Interpellant tirrigwardja l-operat ta’ kunsill lokali partikolari u mhux tad-dekasteru tiegħi
Jista’ l-Prim Ministru, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23775, u jgħid jekk il-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadux jiffunzjona? Jekk għadu jiffunzjona, min huma l-membri ta’ dan il-Bord u meta l-aħħar li ltaqa’?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlametari 23773, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jingħata l-wearing course lit-triq li tagħti minn San Lawrenz għad-Dwejra peress li din għadha bil-base course biss? Jista’ jgħid meta hu maħsub li jsiru l-crash barriers f’din l-istess triq biex jiġi assigurat li ma jiġrix xi inċident b’konsegwenzi gravi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq li tagħti għad-Dwejra qiegħda fil-lista tax-xogħlijiet li għandhom isiru fil-futur qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq Triq il-Qala fin-Nadur peress li din it-triq arterjali u li minnha jgħaddi ħafna traffiku nkluż trakkijiet mill-barrieri tal-Qala tinsab fi stat ħażin ħafna u dan peress li mhu qed issir l-ebda manutenzjoni fiha?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija hi nkluża fil-programm ta’ xogħljiet tal-Ministeru
Rabat Għawdex – klassijiet tal-kinder u l-pre-kinder
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-klassijiet tal-kinder u l-pre-kinder fl-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex għas-sena skolastika li jmiss mhux ser jibqgħu fl-iskola tal-Vajringa? Jista’ jikkonferma li dawn ser imorru fil-premises ta’ taħt il-Knisja u fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb f’Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid jekk dan il-post li jidher li hu basement jew semi basement huwiex addattat biex fih jinżammu l-klassijiet tal-kinder u l-pre-kinder tar-Rabat, Għawdex? Il-Ministru kkonsulta mal-MUT dwar dan iċ-ċaqlieq? Jekk iva meta u x’kien l-eżitu ta’ din il-konsultazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena li ġejja l-klassijiet tal-Kindergarten tal-iskola primarja tar-Rabat Għawdex ser jiċċaqalqu għal perjodu temporanju għaċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb f'Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex. Dan qed isir mhux b'kapriċċ imma minħabba problema kbira ta' spazju li hemm bħalissa fl-istess skola. Is-sena li ġejja hemm bżonn minn tal-anqas tliet klassijiet oħra biex jakkomodaw lill-istudenti kollha tal-primarja tal-istess skola, mill-ewwel sas-sitt sena.
Il-post f'Taċ-Ċawla ġie magħżul wara li ġew ikkunsidrati siti oħrajn fil-viċinanza tal-iskola. Il-post imsemmi jintuża bħala klassijiet tad-duttrina kif ukoll isir it-tagħlim tal-katekiżmu għal studenti aktar kbar u adoloxxenti u attivitajiet mal-komunitá tar-Rabat.
Diversi uffiċjali mid-Direttorat tal-Edukazzjoni żaru l-post u assiguraw li huwa post addattat biex jintuża mit-tfal tal-Kindergarten. Ser isiru wkoll bosta xogħlijiet strutturali u titjib ta’ faċilitajiet biex il-post ikun attrezzat bl-aħjar mod għall-ġid tat-tfal u l-għalliema.
L-MUT ġiet mgħarrfa b'dan iċ-ċaqliq. Uffiċjali mill-union għandhom ukoll iżuru dan il-post.
B'rabta ma' dan kollu, saret laqgħa mal-ġenituri tat-tfal li ser jintlaqtu minn din iċ-ċaqliqa. L-attendenza għal din il-laqgħa kienet waħda tajba ferm. Indirizzaw il-laqgħa l-Prinċipal tal-Kulleġġ u l-Kap tal-Iskola fejn ġie spjegat lilhom għalfejn qed issir din iċ-ċaqliqa. Il-kelliema assiguraw lill-ġenituri li t-tfal ser ikomplu jirċievu l-aqwa edukazzjoni possibbli u li huma kienu u ser jibqgħu parti mill-Iskola Primarja tar-Rabat fi ħdan il-Kulleġġ t'Għawdex u xorta waħda jieħdu sehem fil-ħafna attivitajiet li torganizza l-iskola.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23272, jista’ l-Ministru jagħti l-popolazzjoni skont l-etajiet indikati f’dik il-mistoqsija għal kull waħda mill-14-il lokalità ta’ Għawdex peress li fir-risposta tiegħu huwa ta l-popolazzjoni totali ta’ Għawdex kollu bl-etajiet iżda mhux skont il-lokalità kif mitlub?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra