Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – liċenzji tal-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja tal-kaċċa f’Għawdex illum u kemm kien hemm persuni li kellhom liċenzja tal-kaċċa fl-2011? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li għandhom liċenzja għall-insib f’Għawdex illum u kemm kien hemm persuni li kellhom liċenzja għall-insib fl-2011?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2011, 1,623 persuna residenti f’Għawdex kellha liċenzja ġenerali tal-kaċċa, filwaqt li 692 persuna kellha liċenzja ġenerali tal-insib. Fis-sena 2016, in-numru ta' persuni liċenzjati huwa 1,628 (kaċċa) u 1,160 (insib) rispettivament.
Leg 12 PQ #25488 Sitting 391 2016-05-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Sannat road — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fit-tender li nħareġ biex parti minn Sannat Road tingħata t-tarmak (dik magħrufa bħala l-Qasam) hemmx inkluż ukoll għall-istess triq: bini kull fejn hemm bżonn ta’ retaining walls, bankini biex jintużaw minn ħafna nies li jkunu bil-mixi għax s’issa ma fiha ebda bankina u hemmx inkluż ukoll li jsiru culvert tal-ilma? Jista’ jgħid jekk l-upgrading tad-daħla ta’ Sannat, f’salib it-toroq lejn ix-Xewkija u l-Munxar hijiex inkluża f’dan it-tender?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ix-xogħlijiet imsemmija fil-mistoqsija ser ikunu maqsumin f’diversi fażijiet. Is-sejħa għall-offerti tkopri l-asfaltar ta’ parti minn Triq Sannat. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew minn naħa tar-Rabat u jkopru l-asfaltar ta’ parti minn Triq Sannat
Leg 12 PQ #25489 Sitting 391 2016-05-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Żona Industrijali Xewkija – Childcare Centre

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25132, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu indagax dwar studji li setgħu saru jew jekk sarux studji biex jiġi assigurat li s-saħħa tat-tfal li qed jattendu ċ-child care centre fiż-żona industrijali tax-Xewkija hija mħarsa u dan peress li mad-dawra tal-istess child care centre hemm numru ta’ garages li kontinwament jużaw l-ispray?Jista’ jikkonferma li hu kien il-Ministru li nawgura dan iċ-child care centre ftit tal-ġimgħat ilu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn aktar x’inżid mar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 25132.
Leg 12 PQ #25490 Sitting 391 2016-05-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex – ħaddiema mas-settur pubbliku

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25269, u peress li huwa l-Ministru responsabbli miċ-Ċivil, jista’ jgħid f’liema gradi u f’liema dipartiment ġew ingaġġati l-ħaddiema Għawdxin li bdew jaħdmu f’Għawdex matul is-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 sal-lum? Jista’ jgħid għall-istess perijodu, x’kien il-grad tal-ħaddiema Għawdxin taċ-Ċivil li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
Leg 12 PQ #25491 Sitting 391 2016-05-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — art

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24421 u 25230 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/ kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex ser tiġi meqjusa bħala Żona Industrijali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #25492 Sitting 391 2016-05-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Artijiet agrikoli barra ż-żona tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat artijiet agrikoli barra ż-żona preżenti tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ġewx mitluba lura lill-bdiewa li kienu jaħdmuhom u ċjoe' biex dawn il-bdiewa joħorġu minn dawn l-artijiet? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' pjanta li turi l-artijiet li ġew mitluba lura lill-bdiewa li kienu jaħdmuhom? X'inhu l-iskop li dawn l-artijiet ittieħdu lura mingħand il-bdiewa u x'ser isir bl-istess artijiet?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #25449 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Għawdex – Mental Hospital, Residenza Sant’Anna — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-residenti fir-Residenza Sant'Anna, ir-residenti fis-sala tal-Anzjani Irġiel, u r-residenti fix-short stay u l-long stay fil-Mental Hospital ta’ Għawdex jiġu rilokati għall-post ieħor fi żmien li ġej? Jekk iva, meta se jiġu rilokati u fejn se jittieħdu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet proposti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jeżiġu li jkun hemm xi ċaqlieq ta' pazjenti b'mod temporanju. Il- pjanijiet għadhom qed jiġu evalwati sabiex jinħoloq lanqas inkonvenjent għall-pazjenti.
Leg 12 PQ #25483 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella — Master plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta tlesta l-master plan għaċ-Ċittadella? Kemm sewa dan il-master plan? Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-master plan fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Master Plan taċ-Ċittadella tlesta f’Mejju 2010 u ġie jiswa €264,000 (eskluża l-VAT). Ninsab infurmat ukoll li l-Masterplan komplut ilu aċċessibbli fuq l-Internet minn dakinhar. Barra minn dan nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7122 li għamel huwa stess li magħha ġiet imqiegħda kopja tal-Masterplan fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #25484 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23780, 23402 u 25235 u jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta’ art jew bini saret f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid f’kull każ x’kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u f’kull każ kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-art? Jista’ jgħid f’kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f’kemm il-każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #25485 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex — bini ta’ skola primarja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25231, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-iskola primarja, underground car park, sports field u 9-a-side football ground li qed jiġu ppjanati mill-Ministeru tiegħu fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid jekk dwar dan il-proġett saritx konsultazzjoni u kienx hemm qbil mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-car park li fuqu maħsub li jkun hemm il-football ground. Il-pjanti tal-iskola primarja għadhom mhux kompluti għax qegħdin isiru diskussjonijiet preliminari mal-Awtorità tal-Ippjanar. Flimkien ma' Ministru ieħor, għamilt laqgħa ta' konsultazzjoni ma' partijiet konċernati dwar dan il-proġett.
Leg 12 PQ #25486 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Main ġdid tal-ilma minn Ħondoq ir-Rummien sa’ Ta’ Ċenċ

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25267 fejn qal li x-xogħol fuq il-main tal-ilma ġdid bejn Ħondoq ir-Rummien u Ta’ Ċenċ f’Għawdex u r-re-surfacing tat-toroq minn fejn għadda dan il-main kien oriġinarjament stmat li ser jiswa 6.17 miljun ewro, jista’ l-Prim Ministru jgħid kif ix-xogħol li oriġinarjament kien stmat li ser jiswa 6.17 miljun ewro meta l-offerta għax-xogħol kollu ngħatat bil-prezz ta’ 4.15 miljun ewro lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħlijiet in kwistjoni ħarġu fis-suq kompetittiv b’open tender. Kien hemm kompetizzjoni qawwija fejn dan il-kuntrattur rebaħ it-tender b’offerta ta’ €4.1 miljun.
Leg 12 PQ #25487 Sitting 390 2016-05-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Main ġdid tal-ilma minn Ħondoq ir-Rummien sa’ Ta’ Ċenċ

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ser jiswa iżjed minn dak stmat oriġinarjament ix-xogħol fuq il-main tal-ilma u re-surfacing minn Ħondoq ir-Rummien sa Ta’ Ċenċ f’Għawdex u x’kienu l-varjazzjonijiet fuq l-istess xogħol? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu fuq il-partijiet tat-triq imsemmija li diġà kien hemm ċediment u ħsarat fihom minkejja li x-xogħol għadu kemm tlesta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li x-xogħlijiet se jiġu jiswew inqas milli kienu stmati oriġinarjament għal dan il-proġett. Dan il-proġett ma kienx intiż biex jinbnew it-toroq iżda l-proġett huwa wieħed ta’pipeline tal-ilma bejn Ħondoq u Ta’ Ċenċ. Bħala parti minn dan il-proġett, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu fl-obbligu li jagħtu wiċċ ġdid fit-triq li minnha għadda l-main tal-ilma. Il-kuntrattur, se jirranġa a spejjeż tiegħu dawk ix-xogħlijiet li saru u ma kienux skont it-termini tal-istess kuntratt.
Leg 12 PQ #25410 Sitting 389 2016-05-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem Għawdex — Dar ta’ San Ġużepp - kirja

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25268, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għażla ta' Dar San Ġużepp f'Għajnsielem saritx b’mod dirett jew inkella nħarġitx sejħa għall-offerti, jew tal-inqas expression of interest? Jekk saret sejħa għall-offerti jew expression of interest kemm kienu dawk li ssottomettew l-offerta tagħhom? Jista' jgħid għalfejn il-ftehim ta' kera li sar mill-Ministeru tiegħu fuq din id-dar huwa ta' natura sensittiva meta dan qed jitħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi l-ebda informazzjoni x’inżid mar-risposta li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 25268.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi — Management Board tad-Dwejra

Question

B' referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25232 jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi taħtar il-Management Bord għad-Dwejra f’Għawdex u dan peress li jirriżulta li dan mhux kostitwit u ilu ma jiltaqa' mill-2012? Ma jaħsibx il-Ministru li Bord bħal dan huwa essenzjali biex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dwejra Management Board ġie mwaqqaf mill-MEPA skont kif kien imniedi mill-Action Plan for Dwejra. Sabiex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qegħda tħejji Pjan ta' Tmexxija (management plan) għas-sit biex jintuża bħala qafas ċar għall-immaniġġjar xieraq ta’ dan is-sit. Dan il-pjan jirrikjedi wkoll it-twaqqif ta’ korp maniġerjali għas-sit biex jissostitwixxi lid-Dwejra Management Board. Illum, 16 ta’ Mejju 2016, iltqajt mac-chairman tal-ERA fuq dan is-suġġett fejn tlabtu tagħrif dwar l-istruttura ta’ dan il-bord. Wara beħsiebni ngħaddi minnufih sabiex napponta l-imsemmija membri ta’ dan il-bord.
Leg 12 PQ #25432 Sitting 389 2016-05-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – impjegati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema gradi huma impjegati s-797 impjegat mal-Gvern li hemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tabella ta’ hawn taht: Sptar Generali ta' Ghawdex-Impjegati mal-Gvern: Tobba Nurses Allied Health Professionals Ohrajn 44 233 71 449
Leg 12 PQ #25433 Sitting 389 2016-05-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — impjegati ma’ kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li huma impjegati ma’ xi wieħed mill-kuntratturi li jagħtu servizzi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? F’liema gradi huma impjegati dawn il-ħaddiema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm total ta’ 69 haddiema mpjegati mal-kuntratturi, li qeghdin jaghtu servizz fl-isptar Generali ta’ Ghawdex.Fost dawn insibu li hemm 23 cleaners, 27 clerks u 19 carers.

Cruise liner terminal — Privatisation Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess quddiem il-Privatisation Unit sabiex isiru Cruise Liner Terminal u Yacht Marina oħra f'Għawdex? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn iż-żewġ proġetti li kienu mwegħda fil-programm elettorali?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proċess fil-proġett tal-Cruise Liner Terminal u Yacht Marina f’Għawdex qiegħed fl-istadju ta’ diskussjonijiet mal-Proponent li ssottometta l-Proposta. Dwar meta huwa mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett, dan ikun jista’ jingħad meta l-kompiti kollha neċessarji relatati jkunu ġew imwettqa b’mod metikoluż.
Leg 12 PQ #25448 Sitting 389 2016-05-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Residenza Sant’Anna — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fir-Residenza Sant' Anna fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Kemm hemm impjegati fl-istess Residenza u f’liema gradi huma impjegati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-residenza Sant’Anna gewwa l-Isptar Generali t’Ghawdex hemm 81 resident.

Għawdex – tfal taħt l-età f’diskoteki

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Pulizija f'Għawdex, kemm qabdet tfal taħt l-età f'diskoteki jew f’postijiet oħra ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt l-età matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b' sena? Kemm minn dawn il-każijiet spiċċaw il-Qorti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2014 sal-lum, kien hemm każ wieħed ta’ persuna taħt l-età li nqabdet f'diskoteka jew f’post ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt l-età ġewwa Għawdex u eventwalment tressqet il-Qorti.

Għawdex — Persuni li nqabbdu jpejpu f’postijiet li hu pprojbit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpju f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit il-Pulizija f'Għawdex matul is-snin 2014, 2015 u 2016 sal-lum, sena b' sena? Kemm tressqu persuni l-Qorti dwar dan kull sena fis-snin indikati? Kemm-il sid ta' stabbiliment tressaq il-Qorti fl-istess snin talli ppermetta tipjip f'post fejn huwa pprojbit?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn is-sena 2014 u llum, kien hemm persuna waħda li nqabdet tpejjep f'post fejn t-tipjip huwa pprojbit mill-Pulizija f'Għawdex u li eventwalment tressqet il-Qorti. Ma kienx hemm sidien ta' stabbiliment li tressqu il-Qorti talli ppermettew tipjip f'post fejn huwa pprojbit matul l-istess perjodu.