Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26262 Sitting 409 2016-06-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25829 u jgħid min huma l-konsulenti li għandu fil-Ministeru tiegħu jew fid-Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fid-data tal-31 ta' Mejju 2016? X'irwol għandu kull konsulent u kemm hu s-salarju ta' kull konsulent? X'perkaċċi oħra barra s-salarju għandu kull konsulent?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

In-Nadur – pulizija – training tal-isparar

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25925, jista’ l-Ministru jgħid f’liema snin it-taħriġ fl-isparar għall-Pulizija Għawdxin sar fix-shooting range tal-Forzi Armati tal-Qortin fin-Nadur u f’liema snin il-Pulizija Għawdxin kellhom jiġu Malta għal dan it-taħriġ f’dawn l-aħħar 12-il sena? X'inhi r-raġuni li dan it-taħriġ ma jsirx Għawdex stess ladarba hemm post adegwat fejn jista' jsir?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li taħriġ fl-isparar għal-Pulizija Għawdxin kien sar f'Għawdex bejn Marzu 2012 u April 2013. Infurmat ukoll li f'dawn l-aħħar tnax il-sena, fis-snin qabel Marzu 2012, Pulizija Għawdxin kienu jiġu Malta għal-istess taħriġ. Kien hemm diversi fatturi għaliex dan it-taħriġ ma baqax isir Għawdex. Fost dawn hemm il-fatt li l-isparar fuq ir-range huwa biss l-aħħar parti tat-taħriġ relatat. Parti sewwa minn dan it-taħriġ importanti fil-fatt tkopri it-tejorija dwar il-prekawzjonijiet li wieħed irid jieħu waqt l-użu kif ukoll l-immaniġġjar tal-armi kif ukoll dwar kif u meta membri tal-Korp jista jirrikorri għall-u¿u tal-armi tan-nar. Din il-parti tal-kors isir fl-Akkademja fejn hemm it-tagħmir u faċilitajiet kollha meħtieġa. Raġuni oħra hi li waqt li fil-passat it-taħriġ kien isir fl-istess jum meta l-uffiċjali jkunu u jidħlu xogħol bil-lejl, illum il-kors isir kuljum mit-Tnejn sal-Gimgħa, waqt il-ħin tax-xogħol u meta il-membri, inklużi dawk stazzjonati Għawdex, meta jkunu xogħol fil-għodu. L-ammonti ta' uffiċċjali li jattendu minn Għawdex, jkun limitat għal tnejn kuljum darba.
Leg 12 PQ #26240 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill tal-Istudenti tas-Sixth Form

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit kif titlob il-liġi u dan peress li sitt xhur ilu, f'Diċembru li għadda, kien informa lil din il-Kamra li kien talab aktar informazzjoni dwar dan il-Kunsill? Jekk għadu ma ġiex kostitwit dan il-Kunsill x’inhi r-raġuni? Għaliex f'din l-iskola post sekondarja m’hemmx Kunsill tal-Istudenti bħalma hemm fi skejjel post sekondarji oħra? X'passi ħa l-Ministru biex dan il-Kunsill jitwaqqaf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mis-sena skolastika li ġejja ser ikun hemm Kunsill tal-Istudenti kostitwit.

Għawdex – Management Bord tad-Dwejra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Management Bord tad-Dwejra f'Għawdex ġiex kostitwit u dan in vista peress li ftit tal-ġimgħat ilu l-Ministru kien qal li kien se jitkellem maċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u jara li jiġi kostitwit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jien iltqajt mal-Awtorità tal-Ambjent u ġejt infurmat li l-Management Plan jonqsu biss fine tuning, li minħabba f’dan iddeċidejt li l-Kumitat / Awtorità li jmexxi d-Dwejra, għandu jiġi appuntat però ser jiġi ridimensjonat u diġà qegħdin jiġu avviċinati n-nies biex jippresedu fuq dan il-Bord. Meta l-eżerċizzju jkun ikkompletat fi żmien qasir, kollox jiġi mħabbar pubblikament.
Leg 12 PQ #26242 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan tad-Diving — miżuri

Question

Jista' l-Ministu jgħid x'ġie implimentat s’issa mill-Master Plan tad-Diving li sar fl-2006 u f’liema sena ġew implimentat kull waħda mill-miżuri li saru? Jista' jgħid x'miżuri għad fadal biex jiġu implimentati u fejn wasal il-Ministeru tiegħu fuq kull miżura ta' dan il-master plan?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #26243 Sitting 406 2016-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Vot ta’ Marketing

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-vot tal-marketing ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta li kellu fil-Ministeru tiegħu kif ġie minfuq għas-sena 2014 u għas-sena 2015? Għal kull każ jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull inizjattiva u kemm kien għad fadal minn dan il-vot li ma ntużax sal-aħħar tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid għal kull każ ta' kull inizjattiva li ttieħed b' dan il-vot, ix-xogħol jew is-servizzi sar wara sejħa għall-offerti, talba għal kwotazzjonijiet jew b' direct order?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #26091 Sitting 405 2016-06-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Servizz tal-vapur tal-Gozo Channel lejn Sa Maison

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'Jannar ta' din is-sena waqaf is-servizz tal-vapur tal-Gozo Channel lejn Sa Maison? Jista' jgħid għaliex issa li għaddew kważi sitt xhur ma nstabitx alternattiva għal dan it-trasport bil-baħar bejn Għawdex u l-Belt Valletta? Jista' jgħid għaliex dan is-servizz twaqqaf sitt xhur ilu meta suppost kellu jibda xogħol fuq estensjoni tal-Yacht Marina f’Sa Maison u sal-lum ma sar l-ebda xogħol fuq din l-estensjoni iżda dan is-servizz importanti twaqqaf?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumpanija GCCL qiegħda tipprovdi servizz alternattiv għal ġarr tal-merkanzija lejn iċ-Cirkewwa. Sa dan it-tant il-kumpanija għada għaddejja bit-taħdidiet biex tinstab soluzzjoni ġusta għal partijiet kollha konċernati.

Suldati Għawdxin li ntbagħtu jaħdmu Malta

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25801, jista’ l-Ministru jgħid jekk allura s-suldati Għawdxin li ġew trasferiti lejn Malta biex jaħdmu fl-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati aktar minn sena ilu, humiex destinati li jibqgħu jaħdmu Malta? Jaf il-Ministru li din hi l-ewwel darba li suldati Għawdxin li kienu Malta u ntbagħtu jaħdmu Għawdex għax inħoloq xogħol għalihom hemm imma wara ftit reġgħu ttieħdu jaħdmu Malta? Jikkonferma li s-superjuri tagħhom qalulhom li dan ser ikun għal żmien limitat?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 25530.
Leg 12 PQ #26093 Sitting 405 2016-06-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex – Triq Putirjal – madum tal-bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir il-madum tal-bankina fi Triq Putirjal Rabat, Għawdex li tiġi fuq ir-riħ tal-playing field peress li din il-bankina tintuża kuljum minn mijiet ta' persuni u kif tinsab preżentament hija ta' periklu għal kull min jgħaddi minn fuqha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-madum tal-bankina fi Triq Putirjal Rabat Għawdex qiegħed jiġi imwaħħal u x xogħol fuq l-istess bankina beda nhar it-Tnejn 13ta’ Ġunju 2016.

Xagħra – Triq Marsalforn – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tax-Xagħra ser ikompli bix-xogħol fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li applika għal fondi taħt l-iskema ‘Proġetti Speċjali fil-Lokalitajiet’ sabiex ikun jista’ jkompli x-xogħol fi Triq Marsalforn. Il-Kunsill qed jistenna l-eżitu tar-rapport tal-Awditur dwar din l-iskema qabel jipproċedi.
Leg 12 PQ #26095 Sitting 405 2016-06-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – applikazzjoni mal-Planning Authority

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx sottomessa xi applikazzjoni mal-Planning Authority għal xi żvilupp ġdid fl-area tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jekk iva jista' jagħti n-numru jew tracking number ta' din l-applikazzjoni u għal liema żvilupp ġiet sottomessa l-istess applikazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bhalissa qed jigu kkumpilati r-rapporti u l-istudji necessarji li hemm bzonn sabiex tigi sottomessa l-applikazzjoni tax-xoghlijiet li ser isiru fl-Isptar Generali ta’ Ghawdex mal-Awtorita ta’ l-Ippjanar. Dawn ir-rapporti jinkludu il-Project Development Statement, kif ukoll bosta studji ohra, fosthom studji geoteknici li fil-fatt qed issiru bhalissa fuq l-art tal-isptar. Ma hemm bzonn l-ebda permess ghall-istudji geoteknici.
Leg 12 PQ #26096 Sitting 405 2016-06-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur- Triq Għajn Qasab

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parti li fadal fi stat ħażin fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur hux ser titħalla fl-istat diżastruż li hi għal sajf ieħor u dan peress li minn din it-triq jgħaddu eluf ta' turisti, Maltin u Għawdxin li ta' kuljum imorru fil-bajja tar-Ramla?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn ix-xogħolijiet ser isiru.
Leg 12 PQ #25951 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ir-Rabat Għawdex – Skola sekondarja tal-bniet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid meta hu mistenni li l-istudenti kollha ta’ din l-iskola jkunu f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb li jsir mill-bini ta’ din l-iskola meta l-istudenti kollha jkunu f’sistema ta’ ko-edukazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ studenti fl-Iskola Sekondarja tal-bniet fir-Rabat, Għawdex għas-sena skolastika 2015/2016 hu 578. L-iskola ser tkun f’sistema ta’ edukazzjoni co-ed fis-sena skolastika 2018-2019. Il-binja ser tibqa’ tintuża bħala l-Middle School tal-Gozo College.
Leg 12 PQ #25952 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Bordijiet, Awtoritajiet u Kummissjonijiet – Persuni Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni minn Għawdex li ġew nominati fuq Bordijiet, Awtoritajiet jew Kummissjonijiet tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mill-bidu ta’ din il-Leġiżlatura sal-lum, meta ġew maħtura u l-pożizzjoni li jokkupaw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella ta’ hawn taħt; Isem u Kunjom Data tal-Ħatra Pozizzjoni Okkupata Isem tal-Bord Is-Sur Joseph Rapa 24 ta' Dicembru 2013 Chairman Advisory Committee on Health Care Benefits Onor. Franco Mercieca 7 ta' Lulju 2014 Chairman Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital Is-Sur Joseph Rapa 7 ta' Lulju 2014 Membru Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital Is-Sur Louis Magrin 7 ta' Lulju 2014 Segretarju Strategic Leadership Board for Gozo General Hospital

Pool tas-Segretarju Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kors ta' aġġornament li se jsir għal dawk il-persuni li ġew magħżula għall-pool tas-Segretarju Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali mhux se jsir f'Għawdex ukoll għall-parteċipanti Għawdxin u dan meta hemm numru kbir ta' persuni residenti f'Għawdex li huma f'dan il-pool u jridu jagħmlu dan il-kors?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li applikaw kien ta’ sittax u għaldaqstant ma kienx finanzjarment vijabbli li dan il-kors isir ukoll f’Għawdex. Iżda d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħa ħsieb li jipprovdi lill-parteċipanti Għawdxin bit-trasport miċ-Ċirkewwa għal post fejn se jsir it-taħriġ u lura. Dan bl-istess prassi li ttellgħu korsijiet simili fil-passat.
Leg 12 PQ #26088 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett taċ-Ċittadella

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 25790 u jgħid kemm ser jiswa b'kollox il-proġett taċ-Ċittadella? Jista’ jagħti break down tal-ispiża totali? Jista' jgħid liema xogħlijiet saru wara li nħareġ it-tender u liema kienu b'direct order jew sejħa għall-kwotazzjonijiet? Jista' jgħid fejn ix-xogħol ingħata b'tender kemm kienet l-istima oriġinali tax-xogħol u kemm fil-fatt sewa l-istess xogħol? Jista' jagħti lista tad-direct orders li ngħataw f'dan il-proġett, lil min ingħataw u kemm swiet kull direct order?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar peress illi l-informazzjoni mitluba hija waħda konsiderevoli.
Leg 12 PQ #26089 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħondoq ir-Rummien sa’ Ta’ Ċenċ – xogħol fuq il-main tal-ilma

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fix-xogħol li sar mill-Water Services Corporation fuq il-main tal-ilma minn Ħondoq ir-Rummien fil-Qala sa Ta’ Ċenċ fis-Sannat liema kienu x-xogħlijiet li saru li ma kenux fit-tender oriġinali u kemm swew dawn ix-xogħlijiet? Jista' jagħti lista' ta' dawn ix-xogħlijiet u jgħid kemm swiet kull biċċa xogħol li ma kenitx fit-tender? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet li ma kenux fit-tender oriġinali, ingħatawx b'direct order jew inħarġitx tender għalihom? Jista' jgħid f'kull każ lil min ingħata dan ix-xogħol?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fil-proġett imsemmi saru ċertu xogħlijiet addizjonali għaliex kien hemm bżonn li jiġu riżolti ċerti problemi tekniċi imprevedibbli li ma kinux oriġinarjament ippjanati. Ix-xogħlijiet jinkludu fost l-oħrajn: · bini ta’ triq fejn il-pedamenti kienu dgħajfin minħabba tafal jew nuqqas ta’ rdim sod; · tagħqidiet ta’ drenaġġ; · hard shoulders fil-ġnubijiet ta’ xi toroq, u · rampi għall-aċċess ta’ karozzi. L-istima finali ta’ dawn ix-xogħlijiet għad trid tiġi kkalkolata peress li x-xogħol għadu mhux komplut u qiegħed jiġi mkejjel. Ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-istess kuntrattur li rebaħ it-tender oriġinali.
Leg 12 PQ #26090 Sitting 404 2016-06-20 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kuntrattur li jipprovdi ħaddiema lill-Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25800 u jgħid min hu l-kuntrattur privat li ngħata l-kuntratt biex jipprovdi ħaddiema lill-kumpanija Gozo Channel? Kemm applikaw għal din is-sejħa għall-offerti u x' kienet l-offerta tagħhom? Bħalissa l-kuntrattur li ġie magħżul, kemm qed jipprovdi ħaddiema lill-kumpanija Gozo Channel u f'liema sezzjonijiet qed jaħdmu? Kemm qed jitħallsu dawn il-ħaddiema kull siegħa ta' xogħol li jagħmlu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar peress illi l-informazzjoni mitluba hija waħda konsiderevoli.
Leg 12 PQ #25838 Sitting 403 2016-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — art

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 25491, 24421 u 25230 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/ kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex ser tiġi meqjusa bħala Żona Industrijali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddiet lill- Malta Industrial Parks skont l-Ordinanza tal-Kummissarju tal-Art (Kap 169) tal-Liġijiet ta’ Malta, permezz ta’ Avvi¿ Legali Nru 95/2016. Il-pjanta ta’ din l-art ġiet transunta fl-Atti tan-Nutar Tania Spiteri datat 8 ta’ Marzu 2016. Kopja ta’ l-Avviż Legali flimkien ma’ l-Att qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #25839 Sitting 403 2016-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta’ Helicopter – Fixed-wing plane

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum min kienu l-persuni li ġew inkarigati mill-Ministeru tiegħu biex jagħtu konsulenza fuq l-airstrip u/jew servizz ta' helicopter jew fixed-wing plane bejn Malta u Għawdex? Kemm tħallsu dawn il-persuni għal dan ix-xogħol? Jista' jpoġġi kopja tar-rapport jew pariri li ngħata fuq l-airstrip u servizz imsemmi minn dawn il-konsulenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.