Sptar Karen Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex — Total Asset Base and Estimated Values
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuwa t-Total Asset Base and Estimated Values kurrenti f’kull każ:
a. tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex;
b. ta’ Karen Grech Hospital; u
c. tal-Isptar San Luqa?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kunsilli lokali li għandhom is-sistema tal-pannelli fotovoltajiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali għandu sistema ta' pannelli fotovoltajiċi? Kemm fiha pannelli kull sistema? Meta ġiet installata? Kemm hija l-feed-in tariff għal kull sistema?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28543, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont globali li se titħallas Vitals Global Healthcare għas-servizzi mogħtija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-Isptar Karen Grech sal-aħħar tas-sena 2016? Jista' jgħid mil-liema data bdiet titħallas din il-kumpanija? Jista' jgħid kemm hu l-ammont imħallas kemm għall-Isptar Karen Grech u kemm għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jista' jgħid kif ġiet stabbilita din is-somma?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammonti li ser jitħallsu lill-Vitals Global Healthcare sal-aħħar tas-sena dwar l-isptar Karen Grech u l-isptar Ġenerali t’Għawdex huma kkumparabbli mal-ispejjez rikorrenti li kienu mħallsa qabel, fuq l-istess entitajiet.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28546, jista’ l-Ministru jgħid e¿att kemm tħallsu Vitals Global Healthcare mill-Gvern sal-lum għas-servizzi li taw u/li qed jagħtu peress li fir-risposta tiegħu ma ta l-ebda ċifri? Ma jaħsibx li ladarba dawn qed jitħallsu minn fondi pubbliċi, huwa neċessarju li din il-Kamra u l-pubbliku jkun jaf x' qed jitħallsu u xi tħallsu s’issa? Jekk le, jista’ jagħti r-raġuni għaliex ma jridx jippubblika dawn iċ-ċifri li tħallsu minn fondi pubbliċi u ta' xiex tħallsu?
Għawdex – Iż-Żebbuġ – Triq is-Sagħtrija – wiċċ bit-tarmak
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ippjanat li parti minn Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex tingħata wiċċ bit-tarmak peress li din il-parti ġdida ta' Triq is-Sagħtrija tinsab fi stat ħażin ħafna b'detriment għar-residenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ser terġa tinħareġ sejħa għall-offerti biex isir dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi r-remunerazzjoni annwali tad-Direttur tal-Embryo Protection Authority (EPA)? Jista' jgħid ukoll jekk min qed jokkupa l-post ta' Direttur tal-EPA, għandux perks oħra addizzjonali barra r-remunerazzjoni? Jekk iva x’inhuma?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttur tal-Embryo Protection Authority (EPA) hija s-Sinj. Simone Attard. Is-salarju tagħha huwa ta' skala 4.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-għases kollha li hemm f'Għawdex? Jista' jgħid fil-każ ta' kull għassa, kemm hemm pulizija assenjati fiha u kemm huwa l-persentaġġ ta' ħin fil-ġimgħa li tkun miftuħa? Jista' jgħid liema minn dawn l-għases għandhom sistema ta' computer u IT b' konnessjoni mas-sistema ċentrali tal-Pulizija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-għassa ta' Marsalforn u l-uffiċċju ta' fuqha u dan stante li aktar kmieni din is-sena f'risposta parlamentari kien indika li dan ix-xogħol kellu jsir f' Settembru 2016? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol u għal liema skop se jintuża l-uffiċċju li hemm fuq din l-għassa?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li twettqet spezzjoni fil-post mill-Perit tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u minn impjegati tal-Ministeru biex jaċċertaw l-istat tal-binja. Irriżulta li minħabba l-fatt li l-bini kien abbandunat għal żmien twil għadd ta' bidliet strutturali jridu jsiru. Instab li hemm ħafna ħsara fil-ġebel (spiċċut bil-melħ), u anke ħafna ħsara fil- kostruzzjoni tal-konkos peress li tfaċċa l-ħadid u beda jaqsam il-konkos. Barra minn hekk it-taraġ li jwasslek għat-tieni sular irid jitkisser minħabba t-tromba tal-lift. Iridu jinqalgħu xi ħitan u minflokhom jitilgħu oħrajn. Għalhekk il-Ministeru, b’konsultazzjoni mal-Kunsill, ser jiddetermina x’inhu l-aħjar mod kif nipproċedu fil-ġimgħat li ġejjin.
Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — proposti
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li ġew imressqa mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD lill-Gvern għall-Budget għas-sena 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Wasteserv – persuni ngaġġati mal-Iscammel – ġbir ta’ skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew ingaġġati mill-Wasteserv biex ikunu mal-iscammels jissorveljaw il-ġbir tal-iskart mid-djar fil-lokalitajiet ta' Għawdex? Kif ġew ngaġġati dawn il-persuni u għal kemm żmien? Kif ġew magħżula u x’inhi l-paga li qed jirċievu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li hemm total ta’ 17-il persuna li ġew ingaġġati sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fis-separazzjoni tal-iskart organiku fil-gżira t’Ghħwdex, li jinkludi sorveljanza tal-ġbir ta’ dan l-iskart mill-iscammels.
Dawn gew ingaġġati tramite l-kuntrattur JF Services Ltd, fuq bażi każwali, marbutin mall-bżonnijiet tal-proġett.
Il-persuni gew magħżula tramite intervista u qegħdin jitħallsu bil-paga ta’ €7.76 fis-siegħa.
Jista' l-Ministru jgħid xi skemi ta' xogħol jew taħriġ qed tħaddem bħalissa Jobs Plus f' Għawdex? Kemm hemm persuni f'kull skema? X'xogħol jew taħriġ qed jagħmlu dawn il-persuni u f’liema postijiet? Xi ħlas qed jieħdu dawn il-persuni għax-xogħol li qed jagħmlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus bħalissa qed tamministra żewġ skemi f’Għawdex: Work Exposure Scheme 2016 u Work and Training Exposure Scheme for Part 1 Registering Clerks. In-numru totali ta’ individwi li qegħdin jipparteċipaw fl-iskema Work Exposure Scheme 2016 huwa ta’ 160. Matul il-perjodu li l-parteċipanti jkunu fuq l-iskema, dawn jibqgħu meqjusa li qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad. Dawk kollha li jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad kienu eliġibbli li jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Persuni li huma taħt l-24 sena ma setgħux jipparteċipaw f’din l-iskema. Matul il-perjodu l-parteċipanti huma eliġibbli għal €145 fil-ġimgħa. Il-parteċipanti ġew allokati f'postijiet mill-Ministeru għal Għawdex.
In-numru totali ta’ individwi li pparteċipaw fl-iskema Work and Training Exposure Scheme for Part 1 Registering Clerks huwa ta’ 25. Matul il-perjodu li l-parteċipanti jkunu fuq l-iskema, dawn jibqgħu meqjusa li qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad. Dawk kollha li jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad bi preferenza klerikali ngħataw din l-opportunità li permezz tagħha qed jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Matul il-perjodu l-parteċipanti huma eliġibbli għal €150 fil-ġimgħa. L-eżerċizzju huwa ffinanzjat, amministrat u mmexxi minn Jobsplus f’Għawdex u l-parteċipanti huma allokati fl-uffiċċji tal-Korporazzjoni.
Gozo Channel – kuntratturi — servizzi ta’ ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm kuntratturi li qed jagħtu servizz ta' ħaddiema lill-Gozo Channel? Kif ġie magħżul kull kuntrattur? Jista' jgħid f'kull każ kemm qed jitħallsu l-ħaddiema ta' dan il-kuntrattur skont il-kuntratt li jkun ingħata? Jista' jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-ħaddiema li jagħtu servizz lill-Gozo Channel u li jkunu ngaġġati ma’ kuntrattur? Jekk iva, f’liema oqsma?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li hemm żewġ kuntratturi qegħdin jagħtu servizz ta’ ħaddiema lill-Gozo Channel (Operations) Limited wara sejħa għall-offerti. Id-dettalji huma:
Kuntrattur Tip ta’ ħaddiema Rata kull siegħa
(Mingħajr VAT)
€
Floorpul Co. Limited Cleaners fit-terminals 6.44
Trust Business Solutions JV Cleaners fuq il-vapuri 6.44
Trust Business Solutions JV Mooring Men fit-terminals 7.28
Trust Business Solutions JV Cafeteria Attendants fuq il-vapuri 7.28
Rigward jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-ħaddiema li jagħtu servizz lill-Gozo Channel u li jkunu ngaġġati ma’ kuntrattur, r-risposta hija iva skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru tiegħu jew xi Dipartiment li jaqa' taħtu kkummissjona rapport dwar waiting lists tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei? Jista' jikkonferma li dan sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal dan ir-rapport?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa ma kkummissjona l-ebda rapport dwar waiting lists tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei.
Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni – impjegati — remunerazzjoni
Question
B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 28547, jista’ l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija u jgħid l-impjegati tal-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni (EPA) x' remunerazzjonijiet għandhom u x'perks għandha/u kull impjegat/a?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tlett impjegati tal-Awtorita’ għall-Protezzjoni ta' Embrijuni huma mħallsin skont id-direttiva numru 7 maħruġa mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Marsalforn Għawdex – playing field u ġnien Tliet Għoljiet — dwal
Question
Jista' l-Ministru jgħid x' passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex jassigura li d-dwal li hemm maħruqa u ma jixgħelux fil-playing field u fil-ġnien Tliet Għoljiet f'Marsalforn Għawdex u li ilhom hekk għal diversi xhur, jerġgħu jinxtegħlu?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li sar investigazzjoni min-naħa tas-sezzjoni tal-enġinerija fi ħdan il-Ministeru irriżulta li hemm problema bil-batteriji tal-arbli tad-dawl u bil-cables fi ħdan il-ġnien. Bħalissa s-sezzjoni tal-enġinerija għaddejja b`eżerċizju biex l-arbli tad-dawl jiġu ikumnikati mad-dawl bl`użu ta’ transformers, u qed jitħejja tender għax-xiri ta’ cables li jifilħu aktar għal-istrapazz.
Enemalta – Triq il-Kanun Żebbuġ Għawdex — tneħħija ta’ arblu tad-dawl
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li l-Enemalta tneħħi arblu tad-dawl li wara li twessgħet parti minn Triq il-Kanun fiż-Żebbuġ, Għawdex spiċċa f'nofs ta' triq u qiegħed ikun ta' periklu għal dawk li jużaw din it-triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-arblu msemmi dalwaqt jitneħħa.
Skola Medika ta’ Barts – Għawdex – studenti li bdew l-istudji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student beda l-istudji tiegħu fl-Iskola Medika ta' Barts f'Għawdex f' Settembru 2016? Jista' jgħid jekk hux il-kors mediku kollu huwa ppjanat li jsir f'Għawdex? Jekk le liema partijiet mill-kors se jsiru f'Għawdex u liema partijiet f'Malta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28281. Ninformaha ukoll illi l-kors mediku se jsir prinċiparjament ġewwa Għawdex. Dan ma jeskludix opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ Mater Dei u mal-Università ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-latrina pubblika li huwa inawgura ftit tal-ġimgħat ilu f'Ħondoq ir-Rummien f'Għawdex, sarux fiha x-xogħlijiet li hemm bżonn biex tkun aċċessibbli għal kulħadd? Jekk iva, meta saru dawn ix-xogħlijiet u minn min saru? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità li turi li din issa hija skont il-guidelines tal-istess kummissjoni u hija aċċessibbli għal kulħadd?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li kellhom isiru fil-latrina pubblika f’Ħondoq ir-Rummien biex tiġi aċċessbli għal kulħadd, saru f’Ottubru mis-sezzjoni tal-enġinerija fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Wara korrespondenza mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, l-istess kummissjoni ikkonfermat li bil-bidliet li saru, il-latrina pubblika ġiet aċċessibli għal kulħadd skont il-guidelines tal-kummisjoni. Ġeneralment, ċertifikati mill-Kummissjoni Nazzjoniali Persuni b’Diżabilita’ jinħargu biss f’każ ta’ proġetti mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid mir-rapport li sar dwar il-bini mill-ġdid tal-breakwater ta' Marsalforn, liema soluzzjoni iddeċieda li jaddotta l-Gvern? Meta huwa mistenni jibda x-xogħol fuq dan il-breakwater u kemm hu mistenni li tkun l-ispiża? Inħarġet sejħa għall-offerti biex ikun jista' jsir dan ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin jiġu studjati sew ir-rapporti biex appena tittieħed l-aħjar deċizjoni niddeċiedu l-way forward. Irrid infakkar lill-Onorevoli li dal-moll waqa’ minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni kontinwa li qatt ma saret. Kif kien jaqa’ ukoll il-moll tal-Menqa li kieku s–sena l-oħra ma sarx x-xogħol fuqu.
Gozo Ferries u Gozo Channel – ristrutturar tal-kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid wara li sar ristrutturar tal-kumpaniji Gozo Ferries u Gozo Channel, issa l-assi li kellhom dawn il-kumpaniji għand liema kumpanija jinsabu u l-ħaddiema li kienu impjegati mal-Gozo Channel, ma’ liema kumpanija issa huma impjegati? Kemm hemm ħaddiema impjegati ma’ din il-kumpanija u f’liema gradi huma impjegati dawn il-ħaddiema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proċess ta’ ristrutturar tal-Gozo Channel, saret għaqda b’akkwist (merger by acquisition) taħt il-liġi li tirregola l-kumpaniji, bejn il-Gozo Ferries Limited u l-Gozo Channel Company Limited. L-assi operattivi li kellha l-Gozo Channel Company Limited qegħdin fil-proċess li jiġu trasferiti fil-kumpanija operattiva ġdida, Gozo Channel (Operations) Limited, li assumiet l-operat, obbligi u kuntratti kollha li kellha l-Gozo Channel Company Limited. It-tlett vapuri huma propjeta’ tal-kumpanija Gozo Channel (Holding) Ltd. (preċedentement magħrufa bħala Gozo Ferries Limited) li tagħha hi sussidjarja l-Gozo Channel (Operations) Ltd.
Il-Gozo Channel (Operations) Limited assumiet ukoll l-impjieg tal-ħaddiema kollha li kienu impjegati mal-Gozo Channel Company Limited bi qbil mar-rapprezentanti tal-ħaddiema. Ta’ min iżid li saru wkoll laqgħat mal-ħaddiema kollha sabiex jiġi spjegat lilhom il-proċess kollu u kif il-pozizzjoni tal-impjieg u id-drittijiet tagħhom ma kienux se jiġu affettwati b’ dawn il-kambjamenti fl-istrutturi tal-Grupp.