Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28935 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Pazjenti Għawdxin — servizz ta' coach/mini van għall-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti Għawdxin li jużaw is-servizz ta' coach/mini van li twassalhom l-Isptar Mater Dei f'ċertu ġranet qed ikollhom jistennew sa tard filgħaxija biex din il-coach teħodhom lura lejn Għawdex u dan minkejja li jkunu ilhom diversi sigħat li jkunu lesti mill-appuntament tagħhom? Jista' jirrimedja biex din it-tbatija ta' pazjenti Għawdxin tiġi mnaqqsa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta' transport minn Għawdex isir kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt lejn u minn l-Isptar Mater Dei u entitajiet oħra tas-Saħħa f’Malta, skont il-bżonn u r-rikjesta tal-pazjent. Dan is-servizz hu mingħajr ħlas. Is-servizz provdut isir permezz ta’ coach li titlaq mill-isptar t'Għawdex għal mal-vapur tas-7.30am. Bħala rutina, il-coach terġa' lura minn Mater Dei u għal Għawdex mal-vapur tas- 2pm jew 3pm skont iċ-ċirkustanzi meħtieġa. F'każijiet ta' eċċezzjoni il-coach tirkeb ma' vapur aktar tard skont il-ħtieġa ta' pazjenti partikolari.
Leg 12 PQ #28936 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella – master plan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27507, u jgħid b' kollox kemm sewa l-proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella? Jista’ jagħti lista fiex intefaq dan l-ammont? Kemm tħallas kull kuntrattur li ħadem fuq dan il-proġett u f'kull każ ix-xogħol ingħata b'direct order, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'tender?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-informazzjoni rikjesta hija waħda voluminuża. Għaldaqstant ninforma lill-istess Onor. li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #28937 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Ġenerali t’Għawdex — art

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24421, u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim/kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għaddiet għand il-Malta Industrial Parks? Jista' jgħid għaliex l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex għadda għand il-Malta Industrial Parks u jekk issa allura ż-żona tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hijiex qed tiġi meqjusa bħala żona industrijali?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art fejn hemm l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għaddiet lill- Malta Industrial Parks skont l-Ordinanza tal-Kummissarju tal-Art (Kap 169) tal-Liġijiet ta’ Malta, permezz ta’ Avviż Legali Nru 95/2016. Il-pjanta ta’ din l-art ġiet transunta fl-Atti tan-Nutar Tania Spiteri datat 8 ta’ Marzu 2016. Kopja ta’ l-Avviż Legali flimkien ma’ l-Att qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28961 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Gozo General Hospital – Strategic Leadership Board – membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStrategic Leadership Board for Gozo General Hospital għadux jeżisti? Jekk iva, jista' jgħid minn huma l-membri attwali ta' dan il-Bord? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord matul is-sena 2016? Jista' jpoġġi l-kopja tal-minuti tal-laqgħat ta' dan il-Bord fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord imsemmi minnu kellu terminu ta' sena, liema terminu ma ġiex imġedded.
Leg 12 PQ #28962 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form — elezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit fil-bidu tas-sena skolastika li qegħdin fiha, kif kien qal li se jsir fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 26240? Jista' jgħid min huma l-membri ta' dan il-kunsill u meta saret l-elezzjoni? Jekk l-elezzjoni għadha ma saritx, meta hu maħsub li ssir u dan peress li din hija l-uniku skola post sekondarja f'Malta u f'Għawdex li ma għandhiex Kunsill tal-Istudenti kif titlob il-Liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Istudenti ġie kostitwit kif imwiegħed. Infurmat li peress li ma kien hemm l-ebda statut u l-ebda Kunsill preċedenti, ġie adottat l-istess statut imħaddan minn Giovanni Curmi Higher Secondary School kif indikat lis-Sixth Form ta’ Għawdex mid-Direttorat Ġenerali għal Servizzi Edukattivi (DES), b’xi differenzi minimi. Ġiet applikata klawsola 7.5 (iv) ta’ dan l-istatut u għalhekk ma saritx elezzjoni. L-ismijiet tal-membri ta’ dan il-Kunsill tal-Istudenti qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.
Leg 12 PQ #28896 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 25235, 23780, 23402 u 25484 u jgħid kemm-il esproprjazzjoni ta' art jew bini saret f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ x' kien l-iskop tal-esproprjazzjoni u f'kull każ kemm kien il-prezz li bih ġiet stmata l-istess art? Jista’ jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-prezz mogħti mill-Kummissarju tal-Artijiet lis-sidien ġie aċċettat minn dawn tal-aħħar u f'kemm il-każ dan il-prezz ma ġiex aċċettat?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, it-tagħrif mitlub.
Leg 12 PQ #28897 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex – art fejn kien hemm il-miżbla tal-Qortin

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23401 u jgħid meta l-Kummissarju tal-Artijiet għadda lill-Enemalta l-art fix-Xagħra Għawdex fejn qabel kien hemm il-miżbla tal-Qortin? Jista' jgħid b’liema kundizzjonijiet għaddiet din l-art u jippreżenta kopja tal-ftehim jew kuntratt li sar bejn il-Kummissarju tal-Artijiet u l-Enemalta?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju ta’ l-Artijiet u l-Korporazzjoni Enemalta b’ seħħ mill-25 t’Awwisu 2014, daħlu fi ftehim għal-ħamsa u għoxrin sena, biex il-kumpanija tuża l-arja ’l fuq minn ħames metri (5m) minn wiċċ l-imsemmija art, bil-kundizzjonijiet kif imniżżla fi skrittura privata transunta fl-Atti tan Nutar Keith German tal-25 t’Awwissu 2014. Estratt ta’ dan il-ftehim qed jiġi ppreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28898 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Barts Medical School – ftehim iffirmat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim iffirmat ma’ Barts Medical School fit-18 ta' Marzu 2015?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt msemmi minnu hu governat bir-regoli tal-Business Promotion Act.
Leg 12 PQ #28899 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Privatizzazzjoni tal-Isptarijiet — unions

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma’ liema unions ġie ffirmat ftehim dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta' Għawdex? Ma’ liema unions kien hemm diskussjonijiet imma ma ġiex iffirmat ftehim? Fejn ma ġiex iffirmat ftehim, x'kienet ir-raġuni? Fejn ġie ffirmat ftehim, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet dwar il-public private partnership tal-Isptarijiet Karen Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta' Għawdex saru mal-unions MUMN, GWU, UHM u MAM. Ġie iffirmat ftehim mal-GWU u MUMN.

Dwejra Management Board — kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm varjazzjoni fil-kompożizzjoni tad-Dwejra Management Board? Jekk iva, x' tibdil jew żieda kien hemm? Jista' jgħid għaliex il-Gozo Tourim Association għadha ma ngħatatx rappreżentanza fuq dan il-Bord? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord minn kemm ilu li reġa’ ġie kostitwit? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-minuti tal-laqgħat li kellu dan il-Bord minn meta reġa’ ġie kostitwit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-entita’ responsabbli mit-tmexxija tad-Dwejra hija msejħa Dwejra Steering Committee. Dan il-Kumitat hu kompost minn numru ta’ membri li jirrappreżentaw diversi setturi, abbażi tal-Pjan ta’ Mmaniġġjar ta’ dan is-sit, u kif muri hawn taħt: · Timmy Gambin – Chairperson nominat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima (MSDEC) · Michelle Piccinino – rappreżentant tal-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi · Noel Formosa – rappreżentant tal-Kunsill Lokali San Lawrenz · Herman Galea - rappreżentant tad-direttorat tal-PARKs · Kevin Fsadni - rapreżentant tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta · Amity Gauci - rapreżentant tal-Ministeru għal Għawdex · Vincent Attard - rapreżentant tal-NGOs (Nature Trust Malta) · Joseph Vella Gauci - rapreżentant tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-UNESCO · Michael Stivala - rapreżentant tal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) · Joseph Caruana – Osservatur · Dr Fenech Vella – Segretarja tal-Kumitat Is-settur tat-turiżmu huwa diġa’ rapreżentat fuq dan il-Kumitat permezz tal-membru tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta. Din tal-aħħar hija l-aġenzija responsabbli mit-turiżmu fil-gżejjer Maltin. Dwar il-minuti, minħabba li l-laqgħat mhumiex pubbliċi u fil-laqgħat jistgħu jsiru referenza għall-interessi privati u kummerċjali ta’ terzi li l-Bord m’għandux awtorizazzjoni li jippublika l-informazzjoni li taw dawn l-istess terzi, għaldaqstant ma nħossx li huwa għaqli li informazzjoni u diskussjonijiet li jkunu saru fil-magħluq jiġu pubblikati. Il-Minuti jinkludu l-opinjonijiet professjonali u personali tal-membri li saru waqt deliberazzjonijiet fuq policy u azzjonijiet li ser jittieħdu. Madanakollu nserraħ ras l-Onor Interpellant li kwalunkwe deċiżjonijiet li jieħu dan il-Bord, dawn jiġu ippublikati.
Leg 12 PQ #28930 Sitting 461 2016-12-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei – waiting lists – rapport minn kumpanija

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport li sar mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar waiting lists fl-Isptar Mater Dei u/jew sptarijiet oħra u li ngħata lil din il-kumpanija minn Projects Malta jew mill-Ministru fl-Uffiċċju tiegħu wara negotiated procedure? Jista' jgħid kemm tħallset din il-kumpanija għal dan ir-rapport u min innegozja l-prezz ma’ din il-kumpanija min-naħa tal-Gvern?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat li Projects Malta Limited ma ngaġġatx lil din il-kumpanija għas-servizzi msemmija u għaldaqstant ma nħareġ l-ebda pagament f’dan is-sens.
Leg 12 PQ #28880 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptarijiet Pubbliċi – interventi ta’ IVF / ICSI/ PESA / TESA / IVU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti għamlu l-intervent tal-IVF / ICSI / PESA / TESA / IVU fl-isptarijiet pubbliċi minn meta bdew isiru dawn l-interventi, sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta beda jingħata s-servizz tal-IVF/ICSI ġewwa Sptar Mater Dei saru 386 intervent li minnhom ibbenefikaw 278 koppja, għaliex kien hemm koppji li għamlu iktar minn intervent wieħed. Kien hemm ukoll 17-il intervent ta’ TESA/PESA fuq pazjenti irġiel.
Leg 12 PQ #28881 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali t’Għawdex — sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija kkalkulata li swiet kull sodda fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (separatament) kull sena fl-aħħar sitt snin? X’tinkludi din l-ispiża?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-medja ta’ kemm swiet kull sodda kull lejl mill-2012 sal-2015 fl-Isptar Mater Dei kienet €874.40.
Leg 12 PQ #28882 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Spiża għas-Saħħa — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif titħallas l-ispiża għas-saħħa? Jista’ jispjega jekk hemmx persentaġġi mill-VAT, mill-NI u mit-taxxi li jmorru direttament għall-ispiża tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tas-saħħa titħallas mill-budget hekk kif approvat fil-Parlament. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nitolbu biex jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #28883 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

ART Unit — somma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija s-somma totali – kollox inkluż (laboratorju, impjegati, speċjalisti, maintenance, apparat, dawl, work-up, stationery, kmamar tal-operazzjoni) li l-Gvern nefaq minn mindu bdiet topera l-ART (Assisted Reproductive Technology) Unit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma totali li l-Gvern nefaq minn mindu bdiet topera l-ART iġifieri mill-2013 sal- 2016 hija ta’ €1,512,801.13.
Leg 12 PQ #28894 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Awtoritá għall-Protezzjoni ta’ Embrijuni – miżata għall-interventi tal-IVF/ICSI

Question

B'referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 28549 u 28550, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżata dovuta lill-Awtorità għall-Protezzjoni ta' Embrijuni għal kull intervent ta' IVF/ICSI li jsir, għolietx minn €90 għall-€130? Jaf il-Ministru li din hija taxxa ġdida fuq koppji li jiddeċiedu li jagħmlu dawn l-interventi fi sptarjiet jew kliniċi privati għax għalkemm din titħallas mill-isptar/klinika privata lill-Awtorità, iżda finalment huwa l-pazjent li jġorrha? Ma jaħsibx li dan huwa piż żejjed fuq dawn il-koppji? Jista' jieħu l-passi biex din titneħħa jew almenu terġa’ tiġi ridotta għall-€90 għal kull intervent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28549 u 28550, nerġa' nfakkru li hi l-klinika liċenzjata li tħallas għal dawn il-miżati.
Leg 12 PQ #28895 Sitting 460 2016-12-07 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Iż-Żebbuġ Għawdex – shooting range — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol sar fuq ix-shooting range taż-Żebbuġ, Għawdex f’dawn l-aħħar tliet snin? Kemm sewa dan ix-xogħol u jekk dan sarx b'direct order jew tender? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim dwar l-amministrazzjoni ta' din ix-shooting range mill-Gozo Clay Target Association? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'din ix-shooting range llum u min iħallas il-pagi ta' dawn il-ħaddiema?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li din is-sena saret tinda li tiprotegi t-tiraturi mill-elementi peress li t-tinda li kien hemm kellha bzonn tinbidel u li din ġiet mħallsa minn Sport Malta. Saret manutenzjoni kostanti tas-sit mill-Ministeru għal Għawdex. Ninsab infurmat ukoll li ma hemm l-ebda ftehim formali mal-Gozo Clay Target Association dwar l-amministrazzjoni ta’ din ix-shooting range. Il-Ministeru għal Għawdex jipprovdi tlett watchmen u ħaddiem ieħor li jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni.
Leg 12 PQ #28858 Sitting 459 2016-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Acute case u long term care case – spiża ta’ kuljum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li acute case tqum lill-Gvern kuljum? Jista’ jgħid jekk dan jinkludix l-investigazzjonijiet u trattament kollu? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li long-term care case iqum kuljum lill-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża ta' trattament ivarja skont n-natura tiegħu, bejn minimu ta' €105 għal vista fid-dipartiment tal-emerġenza sa 'l fuq minn €15,000 għal każijiet ta' operazzjonijiet kumplessi.
Leg 12 PQ #28859 Sitting 459 2016-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali fl-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena: (1) għall-Isptar Mater Dei u (2) l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta ohra.
Leg 12 PQ #28860 Sitting 459 2016-12-06 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għas-Saħħa

Pharmacy of Your Choice

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Pharmacy of Your Choice kull sena minn meta bdiet topera?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali tal-POYC minn meta bdiet topera sal-bidu ta’ Diċembru tal-2016 hija €30,403,334. Din ma tinkludix l-ispiża tal-mediċini.