B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28898, jista’ l-Ministru jgħid hux se jżomm mal-wegħda tiegħu li kien għamel fil-pubbliku li sal-aħħar tas-sena 2016 jippubblika l-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratt ma’ Barts Medical School? Jekk le għaliex il-Ministru jħoss il-bżonn li jaħbi dan il-kuntratt meta skont il-Gvern huwa tant ta' benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt msemmi minnu hu governat bir-regoli tal-Business Promotion Act, liema liġi kienet daħlet fis-seħħ fil-1988 taħt Gvern Nazzjonalista.
Projects Malta – heliport ta’ Għawdex — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema xogħlijiet ser isiru minn Projects Malta fil-Heliport ta’ Għawdex? Kemm ser jiswew dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid għal-liema raġuni dawn ix-xogħlijiet ser isiru minn Projects Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat li ħarġu numru ta’ sejħiet fil-Gażżetta tal-Gvern b’rabta ma’ ħidma fil-heliport t’Għawdex. Dawn is-sejħiet kienu jinkludu xogħlijiet ta’:
· Supply and installation of Boundary Metal Fencing –
tender
waqgħet minħabba li l-kwotazzjoni kienet eċċessiva.
· Electrical, Plumbing, Tiling and Sanitary Works –
tender
ingħata għal prezz ta’ €5647.51.
· Plastering, Pointing and Painting Works – tender ingħata għal prezz ta’ €3538.48.
· Supply and Installation of Aluminium Apertures –
tender
ingħata għal prezz ta’ €3000.50.
Dawn ix-xogħlijiet kienu neċessarji u saru bħala manutenzjoni tal-heliport
Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont totali ta’ xogħol u f’termini ta’ flus li l-Gvern ta lill-isptarijiet u kliniċi privati fis-snin 2010, 2011, 2012 u 2013 sena b’sena?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-medja ta’ kemm intefqu flus fis-sena mill-Gvern għal-xogħlijiet li saru mal-isptarijiet u kliniċi privati bejn l-2010 u l-2012 kienet ta’ €764,407.63.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex marbut li jibgħat il-pazjenti fl-isptarijiet immexxija minn Vitalis Global Healthcare (VGH) għall-operazzjonijiet u investigazzjonijiet? X’se tkun il-policy tal-Gvern dwar xogħol li s-soltu jingħata lill-isptarijiet privati li fil-passat u fil-preżent qed ikunu ta’ tant għajnuna lill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi huwa l-ħsieb tal-gvern illi l-kollaborazzjoni bejn l-Gvern u l-isptarijiet privati Maltin tkompli u saħansitra tiżdied fix-xhur u s-snin li gejjin.
Sptar Ġenerali t’Għawdex u Sptar Karin Grech — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid li peress li l-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u f’Karin Grech li kienu fuq il-kotba tal-Gvern qabel ma’ ġew trasferiti mal-Vitalis Global Healthcare (VHG) ġew assigurati li se jibqgħu jgawdu l-istess kundizzjonijiet li għandhom skont il-ftehim kollettiv, jekk dawn humiex intitolati għal żidiet biex ikunu pari mal-ħaddiema li se jiġu impjegati mill-VGH?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema in kwistjoni kienu, għandhom u se jibqgħu ħaddiema tas-servizz pubbliku, sakemm ma jagħżlux huma xort'oħra, u li għalhekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jibqgħu dawk li ġew maqbula mal-unions rispettivi tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid kif titħallas l-ispiża għas-saħħa? Jista’ jispjega jekk hemmx persentaġġi mill-VAT, min-National Insurance u mit-taxxi li jmorru direttament għall-ispiża tas-saħħa?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi ghat-twegiba moghtija f'PQ28883.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, m'hemm l-ebda rbit dirett kif indikat mill-Onor. Interpellant bejn id-dħul mit-taxxa msemmija u n-nefqa fuq is-saħħa.
Għawdex – Fontana – Triq Mons. Mikiel F Buttigieg – xogħolijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir il-wiċċ u jingħaddu s-servizzi fi Triq Mons. Mikiel F Buttigieg fil-Fontana stante li din it-triq qatt ma ngħatat wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li din it-triq tifforma parti mill-pjan ta’ asfaltar ta’ toroq u li x-xogħol fuqha għandu jibda fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir patching fi Triq it-Tiġrija fin-Nadur peress li hemm partijiet minnha li jinsabu fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid meta hu ppjanat li jsir resurfacing ta' din it-triq u jekk hemmx il-ħsieb li jsir culvert għall-ilma tax-xita peress li f'din it-triq jinġabar l-ilma tax-xita minn partijiet sostanzjali tal-lokalità tan-Nadur?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi l-patching fit-triq in kwistjoni tlesta. Il-culverts ser isiru meta t-triq tiġi resurfaced fil-futur.
Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali t’Għawdex — sodod
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28881 fejn il-Ministru qal li kull sodda fl-Isptar Mater Dei swiet medja ta' €874.40c kull lejl bejn l-2012 u l-2015, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija kkalkulata li swiet kull sodda fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kull sena fl-aħħar sitt snin? X’tinkludi din l-ispiża?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2016, in-nefqa għal kull sodda kull lejl fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kienet ta’€636.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26091 li saret sitt xhur ilu u li fiha l-Ministru kien qal li l-Gozo Channel għaddejja bit-taħdidiet biex tinstab soluzzjoni bejn il-partijiet kollha konċernati biex ikun hemm servizz ta’ ġarr ta' merkanzija bejn l-Imġarr u ċ-Ċentru ta’ Malta, jista’ issa l-Ministru jgħid jekk instabitx is-soluzzjoni, issa li għaddew sitt xhur? Meta se jerġa’ jibda s-servizz tal-merkanzija bejn l-Imġarr u l-port ta' Marsamxett jew il-Port il-Kbir issa li ilu wieqaf sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26091.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26262 u 25829, issa li ilhom pendenti aktar minn tmien xhur u jgħid min huma l-konsulenti li għandu fil-Ministeru tiegħu jew fid-Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fid-data tal-31 ta' Mejju 2016? X'irwol għandu kull konsulent u kemm hu s-salarju ta' kull konsulent? X'perkaċċi oħra barra s-salarju għandu kull konsulent?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27453
Principal mas-Servizz Pubbliku – eżami, interview u appointment
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm qagħdu persuni għall-eżami ta’ Principal mas-Servizz Pubbliku u kemm għaddew minnhom? Kemm minn dawk li għaddew mill-eżami sal-lum, issejħu għall-interview? Kemm minn dawk li għaddew mill-eżami sal-lum, ingħataw l-appointment ta’ Principal mas-Servizz Pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li ħames mija u disgħa u ħamsin (559) persuna qagħdu għall-eżami, filwaqt li tnejn u erbgħin (42) kienu assenti (Total 601).
Minn dawk li qagħdu għall-eżami, mitejn u ħamsa u tmenin (285) ġabu l-marka minima indikata fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Il-proċess tal-għażla għadu għaddej u dan jinvolvi li jiġu mgħajjta għall-intervista skont kemm applikant ġab marki fl-eżami b’ordni ta’ mertu skont il-parametri tal-ftehim mal-unions konċernati.
Skrivani mas-Servizz Pubbliku – eżami, interview u appointment
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm qagħdu persuni għall-eżami ta’ Skrivan mas-Servizz Pubbliku u kemm għaddew minnhom? Kemm minn dawk li għaddew mill-eżami sal-lum, issejħu għall-interview? Kemm minn dawk li għaddew mill-eżami sal-lum, ingħataw l-appointment ta’ Skrivan mas-Servizz Pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li elf u tnax-il (1,012) persuna qagħdu għall-eżami, filwaqt li mija u ħamsa u għoxrin (125) kienu assenti (Total 1,137).
Minn dawk li qagħdu għall-eżami, disa’ mija u tlieta u għoxrin (923) ġabu l-marka minima indikata fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
Il-proċess tal-għażla għadu għaddej u dan jinvolvi li jiġu mgħajjta għall-intervista skont kemm applikant ġab marki fl-eżami b’ordni ta’ mertu skont il-parametri tal-ftehim mal-unions konċernati.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qiegħed fuq il-Board of Governors hux l-istess individwu li ġie appuntat fuq it-Tribunal ta’ Appell għall-Kompetizzjoni u Konsumatur? Jekk iva, tarax li jista’ jkun hemm problemi ġaladarba dan l-individwu hu membru kemm tal-Board of Governors tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kif ukoll tal-istess Tribunal li allura jisma’ u jiddeċiedi appelli minn deċiżjonijiet meħuda minn direttorati f’ħdan l-istess MCCAA?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-isem tal-persuna tħalla fuq il-lista bi zvista. Bħalissa għaddej il-proċess biex jitneħħa l-isem minn fuq it-Tribunal.
Ordinanza dwar id-Drittijiet ta’ Xhieda – tariffi riveduti
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu riveduti t-tariffi fl-iskeda kollha tal-Kap. 108 tal-Liġijiet ta’ Malta (Ordinanza dwar id-Drittijiet ta' Xhieda)?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-tariffi kienu saru ħafna snin ilu u ilhom snin twal ma jiġu applikati u għalhekk il-Gvern ma jarax l-utilità li din l-Ordinanza tiġi emendata.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli tiġi introdotta l-faċilità li każ quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur jiġi sottomess b'mod elettroniku, fejn kemm it-talba kif ukoll ir-risposta jkunu jistgħu jsiru b’mod elettroniku?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li dan huwa proċess u qegħdin isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din il-facilità.
Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli l-Gvern jintroduċi sistema fejn wieħed jista' jsegwi l-andament tal-każ tiegħu quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur b' mod elettroniku fuq website dedikata għal dan l-iskop, bħalma hemm diġà l-faċilità quddiem il-Qrati Ordinarji u fora oħra aġġudikattivi?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li dan huwa proċess u qegħdin isiru l-konsultazzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din il-facilità.
Ir-Rabat Għawdex – skola primarja – bini minflok playing field
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hu li ħa d-deċiżjoni li l-Iskola Primarja l-ġdida tar-Rabat Għawdex tinbena minflok parti mill-playing field li hemm fiċ-Ċentru tar-Rabat jew inkella kenux uffiċjali tal-Foundation for Tomorrow Schools (FTS) li waslu għal din id-deċiżjoni? Jista' jgħid jekk kienx hu li ħa din id-deċiżjoni u min tah il-parir biex wasal għal din id-deċiżjoni? Jekk kienet l-FTS li ħadet din id-deċiżjoni, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-laqgħa tal-Bord tal-FTS ta’ fejn u meta ttieħdet din id-deċiżjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li l-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex tinbena fuq is-sit identifikat kienet deċiżjoni eżekuttiva wara konsultazzjoni pubblika u wara diskussjonijiet mal-partijiet kkonċernati u wara li ġew esplorati siti alternattivi differenti li ma setgħux jiġu aċċettati għal raġunijiet differenti, fosthom li huma żgħar wisq jew barra z-zona ta' żvilupp.
Toroq f’Għawdex – kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea Programming Period 2014-2020
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq f'Għawdex li jistgħu jsiru b' kofinanzjament ta' Fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Programming Period 2014-2020? Jista' jgħid minn dawn, kemm diġà tlestew taħt dan il-programming period? Dawk li għadhom ma sarux, meta hu maħsub li jsiru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu 2014-2020, it-toroq tat-TEN-T li ġew priorizzati li jsiru matul dan il-perjodu jinkludu l-proġett tal-Kappara u l-junction tal-Marsa. In-National Transport Master Plan li ġiet ippublikata dan l-aħħar tipprovdi iktar dettalji dwar il-programm ta’ proġetti bħala parti mit-TEN-T li mistennija jsiru matul dan il-perjodu.
Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — proposti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28674, tista’ l-Ministru tgħid, mill-proposti li ġew imressqa mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD għal-Baġit 2017, kemm minnhom ġew inkorporati fil-baġit u kemm minnhom tħallew barra?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.