Skrivani mas-Servizz Pubbliku – eżami, interview u appointment
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif fit-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 29132 qal li l-proċess tal-għażla tal-iskrivani kien għadu għaddej, meta fil-fatt ir-riżultat ta’ dan il-proċess kien diġà ġie ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29132 kienet oriġinalment skedata għat-27 ta’ Diċembru 2016 qabel ma l-Parlament ġie xolt għall-vakanżi tal-Milied sa’ 9 ta’Jannar 2017 u għaldaqstant it-tweġiba mogħtija tindika l-proċess tal-għazla fhiex kien wasal sa dak iż-żmien.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar matul is-sena 2016 fuq il-proġett ta' Permanent Link bejn Malta u Għawdex? F'kull każ kemm intefqu flus fuq kull fażi? Min għamel ix-xogħol jew studji u kif intgħażlu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 il-Kumpanija SINTEF ġiet appuntata biex tipprovdi kompetenza teknika u servizzi ta’ konsulenza permezz ta’ ‘negotiated procedure’ fuq dan il-proġett. Il-kumpanija tħallset €19,442.79 tul is-sena 2016.
Ġie ffirmat ukoll Service Agreement bejn Transport Malta u l-Universita’ ta’ Malta biex l-Universita’ tesegwixxi nvestigazzjonijiet ġeoloġiċi u ġeofiżikali. F’dan ir-rigward, ix-xoghol li sar tul is-sena 2016 jinkludi:
o
Passive seismic measurements
fuq l-art f’Malta, Għawdex u Kemmuna (għadhom għaddejja).
o
Bathymetric mapping
dettaljata taż-żona fejn qiegħed isir l-istudju permezz ta’
multibeam echosounder
u
subsurface geology
permezz ta’
2D sub-bottom profiling
.
o Studju seżmiku taż-żona marittima li għandu jistabbilixxi nformazzjoni dettaljata dwar is-
subsurface geology
,
stratigraphy
u
tectonic features
, b’mod partikolari l-presenża ta’
fault zones
tul il-medda msemmija u l-fond tas-saffi tal-blat kritiċi bħal ma huwa l-bażi tas-saff tat-tafal. F’dan l-istudju ntużaw
high-resolution multichannel seismic reflection
u
underwater refraction
.
o Analiżi tal-informazzjoni miġbura waqt l-istudji (din l-analiżi għadha għaddejja).
L-Università tħallset mal-€595,900.00 tul is-sena 2016 għal dawn is-servizzi.
Saru diversi laqgħat mal-ERA dwar il-postijiet fejn għandhom jiġu meħuda l-cores u sar ukoll stħarriġ f’qiegħ il-baħar biex tinkiseb informazzjoni fuq il-postijiet preferuti għal dan il-coring. L-istħarriġ sar mill-Kumpanija Ecoserv wara li nħarġet sejħa għal kwotazzjonijiet (€6,490 – għadhom ma tħallsux). Filfatt, marbut ma’ dan is-suġġett, tul is-sena in kwistjoni ġie ppublikat tender għall-Coring Investigattiv (CT2186/2016). Dan it-tender qiegħed jiġi aġġudikat.
Jista' l-Ministru jgħid liema servizzi ġodda bdew jingħataw mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex matul is-sena 2016 u meta bdew jingħataw? Jista' jgħid liema xogħol sar matul is-sena 2016 fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, kemm sewa dan l-istess xogħol u minn min kien sar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 saru diversi xogħolijiet ta’ manutenzjoni u rinovar fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Tul din l-istess sena infetħu 3 kliniki ġodda għad-dispożizjoni tal-pazjenti tagħna, dawn huma l-Endocrinology, Rheumatology u Neurology.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tas-Saħħa ma jipprovdix pilloli Rosuvastatin tal-5mg imma jġib biss ta' 20mg u 40mg? Jaf il-Ministru li dan qed iwassal biex min ikollu bżonn pilloli tal-5mg, qed ikollu jixtrihom? Jista' jikkunsidra li jibdew jinġabu pilloli tal-5mg ukoll?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa jipprovdi l-pilloli Rosuvastatin f’żewġ dozi - 20mg u 40mg bħala mediċini 3rd line għal dawk il-pazjenti li mhux ikkontrollati bi statins oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jew xi awtorità governattiva, tawx xi forma ta’ kumpens biex tkun tista’ ssir triq pubblika fuq art li fuqha kien hemm il-Freedom Press u l-art tal-madwar? Jekk ingħata xi forma ta’ kumpens, lil min ingħata u x'kien? Jekk il-kumpens kien wieħed monetarju, kemm ingħataw flus?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħallasx għall-parti mir-restawr li sar jew qed isir fuq il-proprjetà li hemm fil-Baċir Numru Wieħed fil-Kottonera u liema proprjetà ngħatat lill-iżviluppatur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jużaha bħala parti mill-American University of Malta? Jekk sar restawr mill-Gvern jew xi awtorità tiegħu, kemm sewa dan ir-restawr sa issa u kemm hu mistenni li jiswa b' kollox? Jista' jgħid jekk dan hux qed isir b' ko-finanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea?
Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD — proposti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28674, jista’ l-Ministru jgħid, mill-proposti li ġew imressqa mill-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-MCESD għall-Baġit 2017, kemm minnhom ġew inkorporati fil-baġit u kemm minnhom tħallew barra?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
It-tagħrif li qed jitlob għalih l-Onor. Interpellant jinstab bejn id-dokument bl-isem Measures proposed by the Gozo Regional Committee of the MCESD for the 2017 Budget (September 2016) li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ftit jiem ilu mill-Onor Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili u fid-Diskors tal-Baġit 2017 li jien għamilt f’din il-Kamra fis-17 ta’ Ottubru 2016.
Il-Ministeru ma jistax jagħmel l-eżerċizzju mitlub mill-Onorevoli Interpellant għaliex ikun soġġettiv ħafna li tiddikjara jekk kull waħda minn madwar tlett mitt proposta li ġew sottomessi ġewx inkorporati u, jekk iva, il-grad ta’ kemm ġew inkorporati.
Il-Bagit hu eżerċizzju ferm akbar minn sempliċi kullana ta’ miżuri. Huwa strument li fit-totalità tiegħu jistimola l-ekonomija biex tilħaq l-ogħla potenzjal possibbli u tara li l-ġid jitqassam mas-saffi kollha tas-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Learning Support Assistant Għawdxin – video conferencing
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Learning Support Assistants Għawdxin li qed jattendu kors organizzat mill-Università ta' Malta bdewx jingħataw il-faċilità matul din is-sena skolastika biex isegwu l-lectures permezz tal-video conferencing minn Għawdex? Jekk le, għaliex u meta hu maħsub li jingħataw din il-faċilità biex jitnaqqas bil-kbir l-inkonvenjent ta' dawn il-persuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-kors kien offrut Malta biss u meta l-istudenti applikaw dan kienu jafuh.
Madankollu, saru arranġamenti biex il-lectures fit-tieni semestru ta’ din is-sena jkunu organizzati permezz tal-video conferencing u jkunu jistgħu jiġu segwiti Għawdex permezz ta’ dan il-mezz mill-istudenti Għawdxin. L-Università bħalissa qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan ikun possibbli u biex l-istudenti jkunu jistgħu jipparteċipaw attivament waqt dawn il-lectures, għall-benefiċċju tagħhom stess. F’xi każijiet, pero', minħabba n-natura ta’ xi ftit lectures li huma experiential, il-preżenza fiżika tal-istudenti kollha f’Malta se tkun meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa totali fuq pagi tal-ħaddiema u spejjeż oħra relatati mal-pagi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'kull sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016?
Ordinanza dwar id-Drittijiet ta’ Xhieda – tariffi riveduti
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29067, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-raġuni li t-tariffi fl-iskeda kollha tal-Kap. 108 tal-Liġijiet ta' Malta (Ordinanza dwar Drittijiet ta' Xhieda) mhux qed jiġu applikati u ilhom ma jiġu applikati għaliex l-għola tariffa għal xhud hija ta' madwar 70 ċenteżmu għal xhud professjonist u li għaż-żminijiet tal-lum din hija redikola u ħadd mhu se jfittex biex jieħu 70 ċenteżmu jew anqas, talli jkun ħela nofstanhar jew aktar biex imur jagħti x-xhieda tiegħu meta jiġi mħarrek? Ma jaħsibx li jekk ikun hemm tariffa adegwata għax-xhieda dan iwassal biex ma jitħarrkux xhieda għalxejn u għalhekk jiġi ffrankat ħafna ħin prezzjuż lill-Qrati tagħna u fl-istess ħin xhud li jitlef sigħat ta' xogħol biex jagħti x-xhieda tiegħu, jingħata kumpens ġust?
Response (BONNICI, OWEN)
L-imsemmija tariffi japplikaw kemm għall-kawżi fil-Qrati Ċivili u kemm għall-kawżi quddiem il-Qrati Kriminali. Jekk kellu jkun hemm revizzjoni kif qed jiġi suġġerrit mill-Onor Membru, tista' tinħoloq sitwazzjoni fejn min ma jistax iħallas jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu li jressaq provi biex jiddefendi lilu nnifsu.
Ma hemm xejn x’jindika li jekk joghlew it-tariffi allura dan ifisser li jiġu mħarrka inqas xhieda. Illum il-Qorti diġà tirregola x-xhieda li jiġu mressqa għall-aħjar amministrazzjoni tal-ħin tagħha u tar-relevanza tal-provi.
B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 26094, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra tkompliex? Jekk iva, meta tkompla u meta hu mistenni li jitlesta? Jekk ix-xogħol fuq din it-triq ma tkompliex, x’inhi r-raġuni u meta hu mistenni li jitkompla u jitlesta x-xogħol fuq din it-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li applika u rċieva finanzjament mill-iskema ‘Proġetti Speċjali fil-Lokalitajiet’ għat-tieni parti ta’ Triq Marsalforn. Ix-xogħol f’din it-triq mistenni jitkompla u jitlesta fil-futur qarib, u d-dewmien kien ikkawżat minħabba l-investigazzjoni li saret mill-Awditur Ġenerali dwar din il-iskema li damet madwar sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat ġiex imwaqqaf Kulleġġ ġdid ma’ dawk li diġà kienu eżistenti? Jekk iva, liema hu dan il-Kulleġġ u liema skejjel jinkorpora fih? Min ser ikun il-Prinċipal ta' dan il-Kulleġġ u fejn ser ikun l-uffiċċju ta' dan il-Prinċipal?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kulleġġ Mikiel Anton Vassallo kien maħsub dal-aħħar snin u twaqqaf biex jiġbor fih skejjel/istituzzjonijiet post-sekondarji li jaqgħu taħt il-MEDE. Il-Prinċipal ta’ dan il-Kulleġġ huwa s-Sur Victor Galea u se jkun jopera kemm minn uffiċċju Għawdex u ieħor Malta minħabba n-natura ta’ dan il-Kulleġġ.
Għawdex — Żona Industrijali tax-Xewkija - xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħlijiet huma ppjanati li jsiru fi Triq it-Taflija li tagħmel parti miż-Żona Industrijali tax-Xewkija f'Għawdex u dan peress li t-triq tinsab fi stat ħażin ħafna u parti mit-triq fl-aħħar ġimgħat ċediet u ġiet magħluqa bil-barriers? Jekk hemm xogħlijiet ippjanati, jista' jgħid meta huma mistennija li jsiru u jitlestew?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant ix-xogħlijiet fuq it-triq imsemmija ser jibdew dan ix-xahar. Dawn jinkludu t-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-ħajt divisorju bejn it-triq u l-RS2, li qiegħed fi stat ħażin ħafna w huwa l-kawza prinċipali taċ-ċediment tat-triq. Wara li dan jitlesta, it-triq terġa' ssir u tinkesa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nħaslet il-pjazza prinċipali tax-Xagħra minn meta saret bit-tarmak aħmar sal-lum? Jista' jgħid min qed jagħmel dan il-ħasil u kemm qed jiġi jiswa’ dan il-ħasil kull darba li jsir?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Pjazza prinċipali tax-Xagħra tinħasel kull nhar ta’ tnejn, għajr meta tkun ix-xita. Tinħasel mill-ħaddiema tal-Agrikultura bil-makkinarju tal-istess sezzjoni.
Prodott jew servizz b’kaġun ta’ xi prattika kummerċjali mħux ġusta – rimedji li għandu l-konsumatur
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'rimedji għandu l-konsumatur taħt it-Taqsima VIII tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta, fil-każ li hu jkun xtara xi prodott jew servizz b’kaġun ta’ xi prattika kummerċjali mhux ġusta?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-konsumatur għandu l-fakultà li jirreferi l-każ għand l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-istess Awtorita’ għall-medjazzjoni. Jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-bejjiegħ, il-każ jigi riferut quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – ħruġ ta’ ordni għar-restituzzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid sa issa kemm-il darba d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ħareġ ordni għar-restituzzjoni ta’ flus jew proprjetà mogħtija mill-konsumatur a tenur tal-artiklu 107A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 tal-Liġijiet ta’ Malta?
Response (DALLI, HELENA)
Ma ħarġet l-ebda ordni għar-restituzzjoni kif qed jitlob l-Onor. Interpellant.
Infurmata li l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur jaħdem sabiex il-konsumaturi jiġu kkumpensati mill-kummerċjant ikkonċernat u b’hekk tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 107A tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.
In-Nadur – Triq l-Imġarr – problema ta’ skular ta’ drenaġġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi neċessarji biex problema ta' skular ta' drenaġġ fi Triq l-Imġarr fin-Nadur li issa ilha diversi ġimgħat u qed toħloq riħa insapportabbli, tiġi rimedjata? Jista' jserraħ ras ir-residenti tal-inħawi li m’hemm l-ebda periklu għas-saħħa tagħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li apparti l-fatt li huma ma rċivew l-ebda rapporti ta’ skular ta’ drenaġġ fit-triq imsemmija, minn spezzjoni li saret fuq il-post ma rriżultax li hemm xi skular ta’ drenaġġ. Sadanittant il-ħaddiema tal-Korporazzjoni ser jagħmlu manutenzjoni preventiva ta’ tindif tal-katusi u ssiġillar ta’ drop manholes.
Sajjieda Part-timers – użu ta’ diesel għad-dgħajjes
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex sajjieda part-timers Maltin qed jingħataw sussidju fuq l-użu tad-diesel għad-dgħajjes tagħhom filwaqt li sajjieda Għawdxin part-timers mhux qed igawdu minn dan is-sussidju? Ma jaħsibx li din id-diskriminazzjoni għandha tiġi rimedjata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni, sempliċiment għax ma jeżisti l-ebda sussidju fuq id-diesel użat mis-sajjieda, kemm jekk huma sajjieda full-time jew part-time, kemm jekk huma Maltin kif ukoll jekk huma Għawdxin.
Projects Malta – rapport ta’ waiting lists fl-Isptar Mater Dei u sptarijiet oħra
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport li sar minn Projects Malta jew mill-Ministru fl-Uffiċċju tiegħu dwar waiting lists fl-Isptar Mater Dei u/jew sptarijiet oħra wara negotiated procedure? Jista' jgħid minn min sar dan ir-rapport u kemm kien il-ħlas għal dan ir-rapport? Min innegozja l-prezz ma’ min għamel dan ir-rapport min-naħa tal-Gvern?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Projects Malta Ltd u mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministru fl-Uffiċju tiegħi, li ma ntalab l-ebda rapport f’dan is-sens.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28899, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mal-MUMN u GWU? Jista’ jgħid għaliex ma ġiex iffirmat ftehim simili mal-MAM u l-UHM?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija prassi li ftehim li jsir mal-unions ma jkunux ippubblikati minn-naħa tal-gvern. Rigward il-MAM u l-UHM, il-bieb kien u jibqa' miftuħ sabiex jiġi ffirmat ftehim magħhom ukoll.