Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali ta’ flus li d-Dipartiment tas-Saħħa ħallas sena b’sena għas-snin 2013, 2014, 2015 u 2016:
I. għal xiri ta’ mediċini;
II. għal xiri ta’ servizzi;
III. għal xiri ta’ makkinarju;
IV. għall-manutenzjoni ta’ makkinarju;
V. għal xiri ta’ proprjetà jew estensjoni ta’ bini u
VI. għall-manutenzjoni tal-binjiet li jaqgħu taħt id-dipartiment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul is-sena 2016? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul is-sena 2016 tista' l-Ministru tgħid kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni? Tista' tgħid kemm kien hemm ilmenti li daħlu fl-uffiċċju tal-Konsumatur f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017? Minn dawn l-ilmenti li daħlu f'Għawdex matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm l-uffiċċju t'Għawdex irnexxielu jasal għal ftehim bejn konsumatur u negozjant wara medjazzjoni?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fis-2016 ġew irreġstrati 69 kaz fl-Uffiċċju ta’Għadex.
Peress li ġew allokati ilmenti oħra minn Malta dan l-Uffiċċju wassal għal ftehim amikevoli bejn il-konsumatur u n-negozjant 107 kazijiet.
Matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2017 daħlu 10 ilmenti. L-ebda ilmenti ma kien allokat lill-Uffiċċju ta’ Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm żwiġijiet mill-2010 sal-aħħar tas-sena 2016 sena b' sena? Kemm minn dawn iż-żwiġijiet kienu bil-knisja u kemm minnhom kienu biċ-ċivil? Kemm minn dawn iż-żwiġijiet li saru mis-sena 2010 sas-sena 2016 saru f'Għawdex sena b' sena? Fil-każ ta' żwiġijiet f'Għawdex kemm minnhom kienu bil-knisja u kemm minnhom kienu ċivili?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba.
Awtorità tal-Ippjanar – Munxar Għawdex – manure clamp
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx xi applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex issir manure clamp jew xi ħaġa simili fil-Munxar, Għawdex? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ħaditx passi wara dak li deher f'ġurnal lokali (Malta Independent) dwar dak propost li jsir fil-Munxar aktar u aktar meta jidher li kull raħħal f'Għawdex ġie mitlub jiffirma ftehim bil-miktub biex jieħu d-demel tal-farm tiegħu fil-Munxar biex jiġi proċessat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt informat mill-Awtorità tal-Ippjanar li ma daħlet l-ebda applikazzjoni, kif imsemmija mill-Onor Interpellant, għand l-istess Awtorita . Kull applikazzjoni validata, tigi ppublikata skont il-liġi għall- informazzjoni tal-pubbliku inġenerali.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 31452, jista’ l-Ministru jgħid meta ngħata l-kuntratt indikat minnu, lil NexiaBT? Jista’ jgħid x' rapporti saru minn NexiaBT permezz ta' dan il-kuntratt? Meta beda dan il-kuntratt u meta spiċċa? Kemm tħallsu b' kollox NexiaBT għal dan il-kuntratt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Nexia Bt Advisory Services Limited ħarġu kontijiet għal valur ta €52,053 (VAT inkluż) lill-Ministeru għas-Saħħa għall-perjodu mit-30 ta’ Ġunju 2014 sat- 30 ta’ Ġunju tal-2016. Is-servizz waqaf f’Ġunju 2016.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-total ta' koppji li għamlu l-IVF f'Mater Dei minn meta beda jsir sal-aħħar ta' Frar 2017? Kemm minn dawn il-koppji kienu ta' nazzjonalità barranija u ta' liema nazzjonalità kienu? Kemm koppji, fejn il-mara kellha 43 sena jew aktar, għamlu l-intervent tal-IVF f' Mater Dei? Kemm koppji fejn il-mara kellha 25 sena jew anqas, għamlu l-intervent tal-IVF f'Mater Dei?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar 2015 u Frar 2017, saru 416 ċiklu tal-IVF/ ICSI f’Mater Dei. Dawn saru kollha minn residenti Maltin. Ma kien hemm l-ebda koppja, fejn il-mara kellha 43 sena jew aktar u lanqas fejn il-mara kellha 25 sena jew anqas, li għamlu l-intervent tal-IVF f'Mater Dei.
Skola M A Refalo Sixth Form College — xogħlijiet ta' ristrutturar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31886 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm huwa mistenni li se jqum ix-xogħol ta' ristrutturar tal-iskola Sir M A Refalo Sixth Form College Għawdex sabiex parti minn din l-iskola tkun tista' tintuża minn Barts Medical School? Jista' jgħid jekk dawn l-ispejjeż humiex se jitħallsu mill-Gvern jew inkella minn Vitals Global Healthcare? Kemm studenti huwa maħsub li se jagħmlu użu minn din l-iskola fl-ewwel sena tagħha?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-binja mistenni jiswa madwar €150,000. Il-ħlas huwa arranġament kummerċjali bejn il-Malta Enterprise u Barts d-dettalji fuq dan ma jistgħux jiġu mogħtija. Bħal ma jiġri f’Malta, numru ta’ studenti jiddeċiedu l-karriera li ħa jsegwu meta joħorġu r-riżultati akkademiċi. Għaldaqstant, għadu kmieni wisq biex ngħidu kemm ser ikun in-numru ta’ studenti fl-ewwel sena.
B’referenza għar-risposta jew aħjar in-nuqqas ta' risposta tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari numri 31453 u 31888, jista’ l-Ministru jispjega kif dan il-Parlament u l-pubbliku in ġenerali ma għandux ikun jaf kemm ħallas il-Gvern lill-isptarijiet u l-kliniċi privati għal xogħol li dawn għamlu lill-Gvern bħala ammont totali għal kull sena fis-snin 2013, 2014, 2015 u fis-sena 2016? Jaf il-Ministru li kull ma qed tintalab hija ċifra totali u li dawn huma flus pubbliċi li tħallsu lill-kliniċi privati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif jaf hu din hija informazzjoni ta’ natura kummerċjali. Dawn il-flus pubbliċi intużaw sabiex il-pazjenti Maltin u Għawdxin ikunu jistaw jieħdu servizz effiċenti u l-kura meħtieġa mingħajr ma jkomplu jistennew għal tul ta’ żmien, kif kien jiġri taħt gvern nazzjonalista.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk dak li kien l-impjant ta' desalinazzjoni f'Ħondoq ir-Rummien fil-Qala Għawdex hux ippjanat li jerġa’ jibda jintuża? Jekk se jibda jintuża x'se jkun l-iskop tiegħu? Saru studji ambjentali biex jiġi assigurat li ma jagħmilx ħsara lill-baħar tal-bajja ta' Ħondoq u tal-madwar? Kien hemm diskussjoni mal-Kunsill Lokali tal-Qala dwar dan peress li dan il-Kunsill jidher li kellu pjanijiet oħra għal dan il-post?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qeghda tistudja l-possibilta’ li jiġi riġenerat l-impjant ta’ desalinazzjoni f’Ħondoq ir-Rummien, fil-Qala. L-iskop huwa li tiġi mtejjba l-kwalita’ tal-ilma tax-xorb. Bħalissa qegħdin fil-proċess tal-istudju ambjentali biex jiġi assigurat li ma ssirx ħsara lill-baħar tal-bajja ta’ Ħondoq u tal-madwar. Il-Korporazzjoni tikkonferma li diġa’ saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Qala dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid sal-lum kemm intefqu flus fuq il-kunċett ta' Eko Għawdex fis-sena 2016 u fl-2017? Jista' jagħti lista ta' kull pagament li sar mill-vot ta' Eko Għawdex għas-sena 2016 u għal xiex sar kull pagament? Jista' jgħid f'kull każ jekk il-pagament sarx wara direct order, call for quotations jew tender?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies fid-Direttorat ta' Eko Għawdex matul is-sena 2016 u fis-sena 2017 sal-lum? Jista' jgħid għal kull persuna li daħlet f’dan id-dipartiment f'dan il-perjodu f’liema kariga ġiet impjegata? Jista' jgħid x'calls kien hemm għall-impjegati f’dan id-dipartiment matul l-istess perjodu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn is-sejħiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex – għajnuna lill-parroċċi f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema parroċċi f'Għawdex ingħataw kontribuzzjonijiet jew għajnuna fi flus mill-Ministeru tiegħu jew xi waħda mill-entitajiet li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid f'kull każ kemm kien l-ammont li ngħata jew ġie miftiehem li jingħata lil kull parroċċa u għal liema skop ingħata?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx demel (manure) mill-irziezet tal-baqar f’Għawdex, li qed jiġi trasportat lejn Malta mill-Wasteserv jew min xi kuntrattur imqabbad minnha? Jista' jgħid fejn qed jittieħed u x'qed isir minnu? Jista' jgħid jekk dan hux qed jiġi trasportat fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mat-trips tal-iskeda jew fuq trips speċjali? Jista' jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum, kemm ġie trasportat demel minn Għawdex għal Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-WasteServ bdiet tagħti servizz lill-GAB (Agency for the Governance of Agricultural Bioresources) għat-transport u trattament ta’ demel. Id-demel qiegħed jinġabar minn Għawdex ġo bowsers, jiġi ttrasportat fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mat-trips tal-iskeda u jitniżżel fl-impjant tal-Malta North għat-trattament. S’issa ddaħħlu madwar 40 tunellata ta’demel.
Water Services Corporation — Sistema tad-drenaġġ - Raħħala Għawdxin li jbattlu l-ħmieġ mill-farms
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-postijiet li fihom ġew awtorizzati r-raħħala Għawdxin biex ibattlu l-ħmieġ mill-farms tagħhom fis-sistema tad-drenaġġ tal-Water Services Corporation(WSC)? Jista' jgħid jekk meta jsir dan it-tbattil fis-sistema tal-WSC, ikunx hemm superviżjoni? Jista' jgħid min hu l-kuntrattur awtorizzat li jagħmel dan it-tbattil fis-sistema tal-WSC u kif ġie awtorizzat? Jista' jgħid kemm-il darba fl-aħħar sena s-sistema kellha problema u kien hemm fawrien tad-drenaġġ minħabba dan it-tbattil ta' ħmieġ li jkun ġej mill-farms?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni ma tagħti l-ebda permessi biex jintrema l-ħmieġ mill-farms. Matual l-aħħar sena kien hemm erba’ każijiet ta’ sadd fis-sistema minħabba dan it-tbattil.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn Childcare Centres liċenzjati f'Malta kull sena fis-snin 2010, 2011 u 2012?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ Childcare Centres liċenzjati f'Malta kull sena fis-snin 2010, 2011 u 2012 hu kif muri fit-tabella hawn taħt:
Sena
Numru ta’
Childcare Centres
liċenzjati f'Malta
2010
52
2011
60
2012
63
Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ Childcare Centres liċenzjati f’Malta sal-lum huwa 106.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31347, 31259, 31258, 31219, 31218, 30974, 30973, 30972, 30931, 30930 u 30929 li issa ilhom pendenti żmien twil, u jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq dawn it-toroq indikati f'kull mistoqsija? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ir-Rabat Għawdex – Triq il-Kastell/Triq it-Telgħa — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Kastell/Triq it-Telgħa fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq Triq il-Kastell u t-Telgħa tal-Belt saru bħala parti minn tender CT 3075/2013 li kienet tinkludi wkoll xogħol fuq l-Pjazza tal-Katidral u fuq it-toroq kollha ġewwa ċ-Ċittadella. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tal-Perit inkarigat (Dok. A) li jiċċertifika dawn ix-xogħlijiet. Il-kuntratt oriġinali ta’ din it-tender kien ta’ €3,082,207.91 (VAT inkluż). Bħala pagament finali tħallset is-somma ta’ €3,469,776.02 (VAT inkluż). Barra minn dan saru xogħlijiet oħra permezz ta’ direct orders li jammontaw għal €241,600.77 (inkluża l-VAT). Dawn ix-xogħlijiet kienu jkopru t-triq u l-istrutturi kollha relatati biex ġew konsolidati u integrati t-triq ta’ żmien il-Kavallieri, it-triq ta’ żmien l-Ingliżi, il-foss ta’ quddiem id-daħla taċ-Ċittadella, is-silos ta’ żmien il-Bronż u l-ħajt Ruman li ġew skoperti waqt it-twettiq tax-xogħlijiet flimkien ma’ xogħlijiet biex iċ-Ċittadella setgħet tibqa’ aċċessibbli waqt it-twettiq tax-xogħlijiet. It-testijiet li saru fuq iż-żewġ toroq imsemmija huma annessi (Dok. B).
Ir-Rabat Għawdex – Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn it-toroq kienu jagħmlu parti mill-Proġett tas-second class water li għamlu il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Għalhekk l-Onorevoli Nterpellant għandu jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ngħalaq il-canteen tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid kif qed jinqdew il-pazjenti u l-ħaddiema li jkollhom bżonn jixtru xi bżonnijiet issa li l-canteen huwa magħluq? Jista' jgħid meta hu maħsub li se jerġa’ jinfetaħ dan il-canteen?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi issa li beda’ l-bini tal-iskola medika ta’ Barts, saru arranġamenti sabiex il-ħaddiema jkollhom servizz ta' ikel minflok il-canteen imsemmi minnu.