Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni – notifika ta’ konċentrazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta d-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Kompetizzjoni jirċievi notifika ta’ konċentrazzjoni skont l-LS 79.08, apparti li jieħu ħsieb li din tkun ippubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern u f’ġurnal ta’ kuljum, jekk ukoll jeħux ħsieb li l-istess notifika tkun avżata fuq il-website tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk mhux qed isir hekk, x’inhi r-raġuni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li skont regolament 5(4) tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet, id-Direttur Ġenerali għandu obbligu li jippubblika n-notifika fil-Gazzetta tal-Gvern u f ’gazzetta ta’ kuljum. B’danakollu infurmata li mis-sena l-oħra, l-Uffiċċju beda jippublika l-istess notifika wkoll fuq il- website tal-Awtorità.

MCCAA – abbonament elettroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) toffrix il-faċilità li min hu interessat jista’ jabbona b’mod elettroniku biex l-avviżi, deċiżjonijiet pubbliċi, newsletters, gwidi u tagħrif ieħor għall-konsumaturi eċċ. jiġu notifikati lilu b’mod elettroniku bħalma jsir f’każ ta’ diversi websites oħra?

Response (DALLI, HELENA)

Il-materjal kollu maħruġ għall-pubbliku mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) huwa disponibbli fuq il-website tal-istess Awtorità. Aktar tard din is-sena, il-konsumaturi se jkollhom l-possibbiltà, fost servizzi oħra, li jabbonaw mal-website tal-MCCAA sabiex minn żmien għal żmien ikunu jistgħu jirċievu numru ta’ notifiki, tagħrif u aħbarijiet elettronikament.
Leg 12 PQ #32439 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Torri tal-Qbajjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu fuq it-Torri tal-Qbajjar li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir xi ħaġa mmedjata għal bini tant storiku? Jista’ jispjega kif il-Gvern sab €4.2 miljun biex jieħu lura Cafe Premier fil-Belt Valletta u €400,000 biex, skont kif rapportat fil-media lokali, tinxtara pittura għall-Mużew li għad irid jibda x-xogħol fuqu imma f’erba’ snin ma għamel assulutament xejn biex dan il-post storiku ma jispiċċax fix-xejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tat-Torri tal-Qbajjar, hemm kawża sub judice dwar dan u m'hemmx aktar kummenti x'wieħed iżid f'dan l-istadju f'dan ir-rigward. Rigward ix-xiri mill-Ministeru tal-opra ta' arti tal-artist rinomat fuq livell internazzjonali, Mattia Preti, nerġa' nisħaq li din se tkun attrazzjoni qawwija fil-Gozo Museum fi ftit snin oħra, biex jiġi attirat turist ta' kwalita' lejn Għawdex.
Leg 12 PQ #32440 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pittura ta’ Mattia Preti — fondi

Question

B’referenza għall-pittura ta’ Mattia Preti li qed jiġi rapportat li nxtrat mill-Ministeru għal Għawdex minn irkant, jista’ l-Ministru jgħid kemm swiet b’kollox din il-pittura u ċjoè l-prezz totali tagħha flimkien ma’ taxxi, trasport, kummissjonijiet eċċ? Jista’ jgħid mil-liema vot tal-Ministeru tiegħu nħarġu jew ser jinħarġu dawn il-fondi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat illi l-opra ta’ arti ta’ Mattia Preti li għaliha qed jagħmel riferenza l-Onorevoli Interpellant inxtrat għal $320,000, liema prezz tela għal $396,500 meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni taxxi u premiums li jkun hemm f’dawn l-akkwisti. Ma’ dawn wieħed irid iżid $4,711 għat transport u insurance. Dan il-Ministeru għamel talba lil Ministeru għal Finanzi li alloka flus ad hoc biex tinxtara din l-opra, li skont Heritage Malta hi biċċa xogħol ta’ arti ta’ kwalita , il-prezz hu fair and reasonable u ser tkun attrazzjoni li ser titgawda minn kulħadd.
Leg 12 PQ #32441 Sitting 506 2017-04-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Pittura ta’ Mattia Preti – persuna li għamlet l-irkant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienet il-persuna li waqt l-irkant li sar barra minn Malta għall-pittura ta’ Mattia Preti, li skont kif qed jiġi rapportat fil-media lokali ġiet mixtrija mill-Ministeru għal Għawdex, kienet preżenti għall-irkant u għamlet l-offerta f’isem il-Ministeru? Jekk din il-persuna ma kenitx preżenti imma għamlet l-offerti bit-telefown, jista’ l-Ministru jgħid min kienet din il-persuna li għamlet l-offerti bit-telefown f’isem il-Ministeru? F’kull każ jista’ jgħid kif din il-persuna ġiet awtorizzata u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li permezz tiegħu ġiet awtorizzata din il-persuna kif ukoll il-prezz li fih kellha tieqaf toffri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li kienet Heritage Malta li ħadet ħsieb il-ħtiġijiet burokratiċi sabiex tinxtara l-opra ta' arti msemmija, kif inkarigata mill-Ministeru għal Għawdex. Ma kien hemm ħadd preżenti għall-irkant iżda ġiet irreġistrata absentee bid elettronika mal-auction house u ġiet stabbilita l-offerta massima - $375,000. Din is-somma kienet dik issuġġerita minn Heritage Malta bħala l-offerta massima (€350,000), u dan kien miftiehem u approvat mill-Ministeru ta’ Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, bil-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali dejjem infurmat. Fil-fatt din l-opra ta' arti inxtrat (hammer price) għall-prezz ta’ $320,000.

Għasri – il-Fanal tal-Gordan – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2016 x’xogħol ta’ restawr sar fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri u dan peress li jinsab fi stat ħażin minkejja li Transport Malta qed tikri partijiet mill-istess Fanal u ddaħħal eluf ta’ euro fis-sena mill-kirja tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 saret rinovazzjoni u bini mill-ġdid tal-poġġaman tal-ħadid fit-turretta. Rigward ir-restawr innifsu tal-Fanal, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – ingaġġ ta’ farmers u ġardinara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu farmers u ġardinara (ingħataw impieg ġdid mal-Gvern) minn barra is-Servizz Pubbliku fid-dipartiment u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid jekk hemmx sejħiet pendenti biex jidħlu jaħdmu iktar ħaddiema f'dawn il-gradi minn barra s-Servizz Pubbliku u jekk m’hemmx calls hemmx il-ħsieb li jinħarġu calls oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn Marzu 2013 u t-30 ta’ Marzu 2017, fil-Ministeru tiegħi, ġew ingaġġati ħames (5) uffiċjali fil-grad ta’ Gardener u ħames (5) uffiċjali oħra fil-grad ta’ Farmer. Din is-sena nħarġet sejħa pubblika oħra għal ingaġġ fil-grad ta’ Farmer u, minħabba li l-proċess tal-għażla għadu għaddej, bħalissa ma hemmx il-ħsieb li jinħarġu sejħiet oħrajn.
Leg 12 PQ #32247 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ingaġġ ta’ farmers u ġardinara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu farmers u ġardinara (ingħataw impieg ġdid mal-Gvern) minn barra s-Servizz Pubbliku fid-dipartiment u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum? Jista' jgħid jekk hemmx sejħiet pendenti biex jidħlu jaħdmu iktar ħaddiema f' dawn il-gradi minn barra s-Servizz Pubbliku u jekk m’hemmx calls hemmx il-ħsieb li jinħarġu calls oħra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-lum iddaħħlu 6 ġardinara minn barra s-Servizz Pubbliku. Is-sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-postijiet vakanti jinħarġu skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.
Leg 12 PQ #32267 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex Vot ta' Marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26243 u 27736 u jgħid il-vot tal-marketing ta' Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta li kellu fil-Ministeru tiegħu kif ġie minfuq għas-sena 2014 u għas-sena 2015? Jista' issa li ghaddiet aktar minn sena u baqa' ma wegibx dawn il-mistoqsijiet jghid ukoll kif gie minfuq l-istess vot ghas-sena 2016? Għal kull każ jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq kull inizjattiva u kemm kien għad fadal minn dan il-vot li ma ntużax sal-aħħar tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid għal kull każ ta' kull inizjattiva li ttieħed b' dan il-vot, ix-xogħol jew is-servizzi sar wara sejħa għall-offerti, talba għal kwotazzjonijiet jew b' direct order?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #32270 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ir-Rabat Għawdex – Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31902 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġie riferuta lilu u ċioè: Jista’ jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fuq Triq ir-Repubblika, Triq Sant’Ursola, Triq Gedrin, Triq Kerċem u Triq Qasam San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li mill-ħames toroq imsemmija l-Korporazzjoni wettqet xogħlijiet fi Triq Sant’Ursola, Triq Qasam San Ġorġ u f’parti żgħira minn Triq ir-Repubblika. F’dawn l-inħawi kien hemm ukoll proġetti oħrajn li mhumiex taħt ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni. Ix-xogħol għadu ma ġiex iċċertifikat peress li r-riżultati tat-testijiet li saru għadhom ma ġewx sottomessi. L-istimi li saru fuq dan it-tender huma ta’ ammont globali u mhux maqsuma skont it-toroq.

Kottonera – Baċir numru 1 – restawr ta’ proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħallasx għall-parti mir-restawr li sar jew qed isir fuq il-proprjetà li hemm fil-Baċir Numru 1 fil-Kottonera, liema proprjetà ngħatat lill-iżviluppatur biex jużaha bħala parti mill-American University of Malta? Jekk sar restawr mill-Gvern jew xi awtorità tiegħu, kemm sewa dan ir-restawr sa issa u kemm hu mistenni li jiswa b'kollox? Jista' jgħid jekk dan hux qed isir b'ko-finanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #32325 Sitting 504 2017-04-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi – Baga akbar għall-cruise liners

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 27784, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għall-baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġiex ippubblikat u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li tlestiet it-tender commitment form u t-tender qed tiġi vetted. Din il-baga hi maħsuba li tkun lesta u nstallata sa nofs l-2018. Id-dettalji dwar l-ispiża li hi maħsuba li se tintefaq fuq dan il-proġett, qegħdin jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #32239 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Fergħat ta’ universitajiet barranin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fergħat ta’ Universitajiet barranin f’Malta li joffru korsijiet li jwasslu għal degree u diploma? Kemm hemm studenti li qed jattendu u jsegwu korsijiet f'dawn il-fergħat ta’ Universitajiet barranin f’Malta? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm minn dawn huma ta’ nazzjonalità barranija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm ħames fergħat ta’ Universitajiet barranin li għandhom liċenzja biex joperaw f’Malta. Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija, infurmat li f’Marzu 2016 kien hemm: · fil-livell ta’ Degree (MQF Level 6), 131 student li minnhom erbgħa (4) kienu barranin. · fil-Livell ta’ Master (MQF level 7), 157 student li minnhom 116 kienu barranin .
Leg 12 PQ #32240 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed isegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u Għawdex fil-preżent? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità barranija? Jista' jgħid kemm minn dawn qed isegwu korsijiet fiċ-ċentru tal-MCAST f'Għawdex? Kemm iggradwaw studenti mill-MCAST minn kemm ilha mwaqqfa l-MCAST?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-total ta’ studenti li qed isegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u Għawdex fil-preżent hu ta’ 6342. Minn dawn, 6005 student huma Maltin filwaqt li 337* huma ta’ nazzjonalità barranija. Fil-Kampus t’Għawdex jattendu 214* studenti li erbgħa (4)* minnhom huma ta’ nazzjonalità barranija (*statistika bbażata fuq korsijiet full-time aġġornata sal-aħħar ta’ Frar 2017). Dwar kemm iggradwaw studenti mill-MCAST minn kemm ilha mwaqqfa l-MCAST, it-totali huma kif ġej: MQF Level 1 MQF Level 2 MQF Level 3 MQF Level 4 MQF Level 5 MQF Level 6 N/A Transnational 402 5434 8604 9140 3758 1453 126 113 Il-kolonna N/A tirreferi għall-kors tal-‘Pathway course to Independent Living’. Il-kolonna ‘Transnational’ tirreferi għall-kwalifiki internazzjonali tal-Avjazzjoni jew Marittimu li ma jintrabtux ma’ livell tal-qafas Malti għall-kwalifiki.

ELC – ħlas tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-ħlas tal-ilma u d-dawl li jintuża mill- Environmental Landscapes Consortium (ELC) għal-embellishment tat-toroq u roundabouts, u ċjoè jekk dawn il-kontijiet jitħallsux mill-ELC jew inkella minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' wħud mill-landscaped areas jitħallsu minn Transport Malta u oħrajn jitħallsu mill-ELC.
Leg 12 PQ #32242 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sal-aħħar ta’ Frar 2013, kemm kien hemm nies impjegati mas-Settur Pubbliku [inklużi intrapriżi pubbliċi)? Kemm minn dawn kienu impjegati full-time? Kemm minn dawn kienu impjegati fuq bażi part-time? Kemm minn dawn kienu impjegati f’position of trust? U kemm minn dawn kienu impjegati b’kuntratt definit?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #32243 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Bini tal-Isptar t’Għawdex – flus mgħoddija lill-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern sal-lum għaddiex flus lill-kumpanija Vitals Global Healtcare jew xi sussidjarja tagħha għall-bini tal-Isptar ta' Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm kien l-ammont ta’ flus rilaxxati u meta ngħata dan l-ammont ta’ flus?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru li hu responsabbli mill-ministeru li jamministra l-fondi allokati fil-Budget 2017 taħt Hospital Concession Agreement – Gozo General Hospital.
Leg 12 PQ #32244 Sitting 503 2017-04-05 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – contracts for service

Question

Jista' l-Ministru, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29882 li issa ilha pendenti diversi ġimgħat u jgħid kemm ingħataw contracts for service mill-Ministeru inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw, kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #32132 Sitting 502 2017-04-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett taċ-Ċittadella

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29007, 25790 u 26088 li issa ilhom pendenti aktar minn sitt xhur, u jgħid kemm ser jiswa b'kollox il-proġett taċ-Ċittadella? Jista’ jagħti break down tal-ispiża totali? Jista' jgħid liema xogħlijiet saru wara li nħareġ it-tender u liema kienu b'direct order jew sejħa għall-kwotazzjonijiet? Fejn ix-xogħol ingħata b'tender, jista' jgħid kemm kienet l-istima oriġinali tax-xogħol u kemm fil-fatt sewa l-istess xogħol? Jista' jagħti lista tad-direct orders li ngħataw f'dan il-proġett, lil min ingħataw u kemm swiet kull direct order?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 26259.
Leg 12 PQ #32133 Sitting 502 2017-04-04 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella – master plan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27507 u jgħid b' kollox kemm sewa l-proġett tat-twettiq tal-Master Plan taċ-Ċittadella? Jista’ jagħti lista fiex intefaq dan l-ammont? Kemm tħallas kull kuntrattur li ħadem fuq dan il-proġett u f'kull każ ix-xogħol ingħata b'direct order, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'tender?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.