Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numriuta' trasferimenti li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6 ta' Settembru sa l-24 ta' Ottubru, 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid fejn fiex wasal il-każ b'file No. JO/P/877/95 għar-rigward ta' fidi ta' ċens?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ma jistax jiffinalizza l-applikazzjoni għal fidwa taċ-ċens li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qabel ma' l-imsemmi uffiċċju jirċievi l-informazzjoni meħtieġa u mitluba minn terzi.
16.11.98
Fid-dawl ta' l-avviżi li dehru fil-ġurnali ta' nhar is-Sibt 6 ta' Novembru, 1998 rigward ħruġ ta' tender mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, jista' l-Prim Ministru jgħid liema tender hu ntiż biex isiru xogħlijiet fi Triq Anthony Sammut, tal-Qattus, B'Kara? Jikkonferma li dan imur kontra l-liġi li tirregola l-Kunsilli Lokali? Jekk le, fuq liema kriterji ntgħażlet din it-triq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ix-xogħlijiet fi Triq Anthony Sammut, Tal-Qattus, B'Kara,
se jsiru minħabba xi ħsara li kienet saret waqt il-bini
ta' blokk flats tal-Gvern. L-ispejjeż għal dan ix-xogħol
se jitħallsu mill-Ministeru responsabbli għad-Djar.
Ninsab infurmat li t-tender li ħareġ il-Kunsill Lokali
ta' B'Kara ma jiksirx il-liġi li tirregola l-Kunsilli
Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi sodisfatta l-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għal keep clear/reserved parking bay quddiem ir-residenza tiegħu peress li għandu diżabilita' (sieq waħda) u jsuq karozza u qatt ma jsib post fejn ikun jista' jipparkja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Din il-persuna applikat għall-'Keep Clear' fit-13 ta' Jannar 1998. Fis-16 t'Ottubru 1998 saritilha żjara fid-dar tagħha. Fil-21 t'Ottubru ktibnilha biex ninfurmawha li l-każ tagħha jiġi deċiż meta l-bord li jieħu ħsieb dan is-servizz jerġa jiġi ri-appuntat.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-volum u l-valur ta' l-importazzjoni lejn Malta minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea? Kif jikkompara mal-volum u l-valur totali ta' l-importazzjoni lejn pajjiżna? Jista' l-Ministru jelenka breakdown tas-setturi differenti? Kemm minnhom huma mediċina u mediċinali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwestjonarju mibgħut lilu mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-risposta tal-Gvern Malti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Kopja tal-kwestjonarju jitqiegħed meta jkun il-waqt.
Jista' l-Ministru jgħid, fid-dawl tar-rapporti tad-diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fuq il-mezzi tax-xandir nhar il-11 ta' Novembru, meta l-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti? Min se jagħmilhom? Kemm se jdumu? Fejn se jsiru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ETC beħsiebha tibda l-korsijiet dwar l-Unjoni Ewropea għall-kummerċjanti f'Marxu tas-sena d-dieħla. Il-korsijiet ser ikunu qosra f'forma ta' 'seminars'.
Bħalissa qegħdin isiru arranġamenti biex jiġu identifikati postijiet f'lokalitajiet ċentrali fejn jistgħu jsiru dawn is-'seminars'. Bħalissa wkoll qegħdin isiru diskussijonijiet bejn l-ETC, is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tas-Servizzi Ekonomiċi u d-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea biex jiġu identifikati persuni kompetenti biex imexxu dawn is-'seminars'.
16.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb mill-Amministrazzjoni preżenti li żżid il-complement tal-Forza numerika tal-korp tal-pulizija? Kemm hemm membri fil-korp? Kemm minnhom huma uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli okkażżjoni ngħid f'din il-Kamra, il-Gvern qed jivvaluta l-ħtiġijiet tal-Korp tal-Pulizija u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-'complement' tal-Korp għandux jiżdied.
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Ottubru, 1998, in-numru ta' membri fil-Korp kien ta' 1,759, li minnhom, 84 huma uffiċjali mir-'rank' ta' Spettur il-fuq.
10.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni jirreġistraw għall-impieg ma' l-ETC skond l-aħħar informazzjoni li għandu? Kemm minnhom kienu taħt it-30 sena? Kemm minnhom għandhom iżjed minn 40 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Awissu 1998, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol kien ta' 7,111. Minn dawn hemm 2,812 il-persuna li kienu taħt it-30 sena u 2,709 persuni li għandhom iżjed minn 40 sena.
10.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba saru żjarat fil-Ħabs minn Ministri mis-6 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Response (BORG, TONIO)
Fis-16 ta' Ottubru, 1998, fl-okkażżjoni tat-tielet anniversarju li ġiet imwaqqfa is-'Substance Abuse Therapeutic Unit' (SATU), li hija parti mill-ħabs, saret quddiesa fil-kappella ta' l-Imtaħleb u wara sar riċeviment żgħir fil-kumpless tas-SATU li hemm fl-Imtaħleb, li kont mistieden għalihom u attendejt jien.
09.11.98
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-membri kollha tas-segretarjati privati ta' kull Ministru u kull Segretarju Parlamentari fil-karigi relattivi tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet mogħtija minni b'risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 81 u 290.
Nerġa ntenni li f'dan l-istadju mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba għar-raġunijiet li ngħataw fit-tweġibiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru pendenti għad-dħul fid-djar residenzjali għall-anzjani, dar b'dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru pendenti għad-dħul fid-djar residenzjali għall-anzjani huwa kif jidher hawn taħt:
San Vinċenz de Paule 672 persuna
Msida 161 '
Floriana 59 '
Gżira 30 '
Żejtun 136 '
Mosta 55 '
Mtarfa 132 '
9.11.98
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew kostitwiti bordijiet u kummissjonijiet mill-Gvern mill-elezzjoni 'l hawn u min huma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mill-Elezzjoni 'l hawn, fid-dikasteru tiegħi, ġew rikostitwiti is-Senior Appointments Advisory Committee u il-Kumitat tan-Nomini (Att dwar Ġieħ ir-Repubblika).
Rigward Bordijiet u Kummissjonijiet oħra, nistieden lill-Onor Interpellant biex jirreferi il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri responsabbli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min ġie maħtur bħala konsulent fil-Ministeri u Segretarji Parlamentari mit-8 ta' Settembru, 1998 sal-lum? X'inhi l-honorarium, allowance u jekk hemm xi benefiċċji oħra bħall-karozza jew ħlas tat-telephone/mobile eċċ għal kull konsulent?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mit-8 ta' Settembru 1998 sal-lum ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt ta' ħatra ta' konsulent f'xi Ministeru jew Segretarjat Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma barranin? Kif inhuma mqassma fid-diversi divisions? Kemm minnhom qegħdin jistennew sentenza definittiva?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel, it-tieni u r-raba' partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 159 f'Seduta 6.
Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, minħabba raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li t-tagħrif mitlub għandu jiġi magħmul pubbliku.
09.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numriuta' trasferimenti li saru fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħtu mis-6 ta' Settembru sa l-24 ta' Ottubru, 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li risposta għal din id-domanda tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trasferimenti li saru fid-dekasteru, entitajiet etc. li jaqgħu taħtu mis-6 ta' Settembru sa l-24 ta' Ottubru, 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li diġa tajt għad-domandi No. 412 u 413.
Rigward trasferimenti minn u lejn dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħrajn, ninsab infurmat li għadu ma ġie formalizzat l-ebda trasferiment. Nkun f`posizzjoni li nwieġeb għal din il-parti tal-mistoqsija f`xi seduta oħra wara li jiġu finalizzati l-proċeduri uffiċjali kollha.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi xogħol ta' manuntenzjoni fi Triq F. Geneste, Birkirkara peress li preżentement din it-triq tinsab fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-parti l-kbira tat-triq F. Geneste kienet ġiet asfaltata u għalhekk il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb il-manutenzjoni tagħha.
Baqa' biċċa f'din it-triq li għadha mhix asfaltata u x-xogħol f'din il-parti irid isir mid-Dipartiment tat-toroq skond il-prijoritajiet li għandu.
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jaħtar lill-membri ġodda tal-Foundation for Social Welfare Services u l-Kummissjoni Konsultattiva kontra l-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-membri tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ko-ordinattiva kontra l-Abbuż mill-Alkoħol u d-Droga offrew ir-riżenja tagħhom kif inhi l-konswetudni wara bidla fl-Amministrazzjoni.
Qabel ma nikkonsidra l-possibilta' tal-ħatra mill-ġdid tal-membri tal-Fondazzjoni u l-Kummissjoni jinħtieġ li ssir evalwazzjoni serja ta' l-għanijiet u ta' kif iffunzjonaw s'issa dawn iż-żewġ organiżżazzjonijiet.
4.11.98