Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16598 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Is-Sur Richard Cachia Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jitħallas is-Sur Richard Cachia Caruana bħala ko-ordinatur ewlieni għan-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea? Tista' titqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, JOE)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet numru 14090 u 15781.
Leg 9 PQ #16600 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Londra — Malta House

Question

Peress li f'Ġunju ta' din is-sena l-Malta House f'Londra, 36-38 Piccadilly tagħlaq ħames snin miftuħa, jista' l-Ministru jgħid għal dawn il-ħames snin, sena b'sena, kemm intefqu flus in konessjoni ma' din il-proprjeta', lil min u għaliex saret kull nefqa? Jekk il-gvern Malti, kera jew qiegħed jikri partijiet minn din il-proprjeta', xi flus tħallsu sena b'sena bħala kera, lill-gvern Malti?

Response (BORG, JOE)

Il-Malta House hi propjeta tal-Ministeru tal-Finanzi f'isem il-Gvern u ta' l-Air Malta. Il-Ministeru tiegħi sempliċement jikri tlett sulari f'Malta House li jintużaw bħala l-Kummissjoni Għolja u apparti il-kera li ħallas, li għas-sena 1999 hija ta' madwar Lm130,147 li tinkludi kera, service charge u VAT fis-sena, liema kera titħallas lill-kumpanija Malpro - (kumpanija li hija propjeta tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Air Malta), la joħroġ u lanqas idaħħal flus minn din il-propjeta. Għalhekk nistieden l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #16601 Sitting 307 2000-06-05 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tal-Finanzi

Londra — Kummissjoni Għolja Maltija

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' l-awditur datat 26 ta' Frar, 1996 sa l-1 ta' Marzu 1996, rigward il-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra, liema rapport sar mill-Uffiċċju tal-Verifika?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħadi l-mistoqsija lill-Uffiċċju tal-Verifika direttament.
Leg 9 PQ #15720 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Sir Paul Boffa — Airconditioners

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati s-sistemi ta' l-airconditioners li hemm f'ward 2 fl-Isptar Sir Paul Boffa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-4 air conditioners li hemm fil-Ward 2 ġewwa l-Isptar Boffa hemm żewġ air conditioners li huma bil-ħsara u li l-ispare parts għal mudelli tagħhom m`għandhomx jiġu manufatturati peress li huma mudelli `obsolete`. Għaldaqstant qed nistennew iċ-ċertifikazzjoni neċessarja li permezz tagħha jkun jista` jinbeda l-proċess għal xiri ta` żewġ air conditioners oħra.
Leg 9 PQ #15789 Sitting 285 2000-05-02 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Richard Cachia Caruana — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra jekk ġiex iffirmat kuntratt bejn il-gvern u s-Sur Richard Cachia Caruana liema kuntratt jirregola x-xogħol, kondizzjonijiet, ħlas, eċċ tas-Sur Cachia Caruana fil-kariga tiegħu bħala negozjatur ewlieni fl-applikazzjoni għal sħubija sħiħa fl-UE? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ħlas li qed, jew li se jirċievi, is-Sur Cachia Caruana għal dan ix-xogħol?

Response (BORG, JOE)

Ma għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14090.
Leg 9 PQ #15138 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju — Tenders għal xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb l-mistoqsija parlamentari numru 12245 peress li issa għaddew diversi xhur minn meta saret din il-mistoqsija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Numru 12742.
Leg 9 PQ #15139 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Maltin — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid tul din il-leġislatura x'kienet in-nefqa li għamel kull ambaxxatur Malti għal żjarat li għamel barra l-belt fejn qiegħed stazzjonat? Għal liema raġuni saru dawn iż-żjarat?

Response (BORG, JOE)

Sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jipprovdiniex b'raġuni valida għala għandi nirrispondi l-mistoqsija magħmula minnu, m'inhix dispost naħli ħin l-uffiċċjali tal-Ministeru u flus il-poplu għal xejn b'xejn. Jekk l-Onorevoli Interpellant irid xi informazzjoni speċifika dwar xi żjara jew żjarat magħmula minn xi Ambaxxatur jew Ambaxxaturi partikolari, nitolbu jagħmel mistoqsija apposta u nirrispondiha.
Leg 9 PQ #15140 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxaturi Maltin — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa li għamel kull ambaxxatur Malti għal hospitality u entertainment tul din il-leġislatura? X'kienet ir-raġuni għal kull nefqa?

Response (BORG, JOE)

Sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jipprovdiniex b'raġuni valida għala għandi nirrispondi l-mistoqsija magħmula minnu, m'hinix dispost naħli ħin l-uffiċċjali tal-Ministeru u flus il-poplu għal xejn b'xejn. Jekk l-Onorevoli Interpellant irid xi informazzjoni speċifika dwar xi nefqa magħmula minn xi Ambaxxatur jew Ambaxxaturi partikolari f'hospitality jew entertainment nitolbu jgħamel mistoqsija apposta u nirrispondiha.
Leg 9 PQ #14551 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jingħata lil sidien ta' raba' esproprjata fl-inħawi ta' Raba' tas-Salib fejn l-isptar il-ġdid? Jista' jikkonsidra l-għoti ta' raba' oħra bħala kumpens lil dawn is-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kumpens li ser jingħata lill-persuni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ser ikun skond l-Ordinanza għall-Akkwist ta` Art Kap. 88. Ninsab infurmat ukoll li talbiet biex sidien ta` art esproprijata jiġu mogħtija proprjeta` flok flus bħala kumpens jiġu kkunsidrati skond il-policy li tirregola l-Att dwar it-Trasferiment ta` Artijiet skond kif ġiet approvata mill-Parlament.
Leg 9 PQ #14327 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żweġijiet Għawdxin tul l-aħħar sentejn, xahar b'xahar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13911 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Rekluti ġodda

Question

Jista' Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet (bliet jew irħula) huma r-rekluti ġodda fil-Forzi Armati ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #13417 Sitting 235 2000-02-07 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Comino Pig Development Co. Ltd.

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema entita' kienet responsabbli għat-tmexxija tal-Comino Pig Development Co. Ltd? Meta temmet l-attivita' tagħha u x'sar minnhom l-impjegati ta' din il-kumpannija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba jista' jsiba fir-reġistru tal-kumpanija ta' dak iż-żmien. Il-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjali hija f'pożizzjoni li tagħti r-risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija.

Raħal Ġdid — Valley Street - Fond Nru. 48/1

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond Nru.48/1, Valley Street, Raħal Ġdid (RO 14175: Dipartiment Akkomdazzjoni Soċjali) huwiex meqjus bħala sub-standard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi għalkemm ir-referenza R.O. 14175 ma taqbilx ma' l-indirizz mogħti, iż-żewġ postijiet, kemm il-post relatat ma' l-R.O. 14175 kif ukoll dak relatat ma' l-indirizz huma derekwiżizzjonati u għalhekk m'għadhomx aktar taħt il-kontroll tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Leg 9 PQ #12684 Sitting 222 2000-01-18 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Libya National Insurance Scheme — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispjega għaliex l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha talba quddiem il-Libya National Insurance Scheme (Nru. 362179) wara l-mewt tar-raġel tagħha, għadha ma ngħatatx kumpens, wara li issa għaddew madwar seba' snin mill-mewt traġika tar-raġel tagħha?

Response (BORG, JOE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #12243 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Sick leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru verifiki tas-sick leave mit-tabib tal-Gvern fl-1999 f'kull taqsima, sezzjoni jew skola governattiva li jiffurmaw parti mid-dipartimenti tal-proġetti u żvilupp tas-servizzi korporattivi u tas-servizzi lill-konsumatur fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? Kemm kien hemm impjegati governattivi li kellhom is-sick leave tagħhom verifikat iktar minn darba fl-istess sena u f'kull taqsima fid-dipartimenti imsemmija? Min kien it-tabib li għamel dan ix-xogħol u kemm tħallas fil-perijodu imsemmi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ma tinżammx statistika tal-informazzjoni mitluba. It-tabib li għamel dan ix-xogħol kien Dr Coronato Grech u tħallas is-somma ta' Lm4,578.878 matul il-perijodu msemmi.
Leg 9 PQ #12244 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet meta fl-1 ta' Settembru, 1999 kienet saret spezzjoni għal għarrieda mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru t'Għawdex, min-nutar Dr Godwin Grima u min-Nutara Mary Borg fl-Uffiċċju tar-Reġistru ta' l-Arti f'Għawdex u kien nstab li twettqu xi rregolaritajiet serji?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant ġie riferut lill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika.
Leg 9 PQ #12245 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju — Tenders għal xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu tenders għal xogħlijiet in konnessjoni maċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Millenju f'Għawdex? Kemm swiet kull tender u lil min ingħatat? Kemm kienet l-istima oriġinali għal kull tender li ngħatat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #12246 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Allokazzjoni ta' appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew allokati appartamenti tal-gvern f'Għawdex mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Liema huma dawn l-appartamenti u lil min ingħataw? Kemm kienet il-kera kummerċjali u sussidjata fuq kull appartament li ngħata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li mill-5 ta' Settembru 1998 sat-12 ta' Jannar 2000 ġie allokat appartament wieħed bin-numru 8 fi Block D, Taċ-Ċawla Housing Estate, Victoria. L-inkwilini huma s-Sur u s-Sinjura Camilleri. Il-kera kummerċjali hu ta' Lm215 fis-sena, filwaqt li dak issussidjat li l-koppja Camilleri qed iħallsu huwa ta' Lm193.50.
Leg 9 PQ #12247 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Passaporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inħarġu permessi f'Għawdex mill-1994 sal-lum? Kemm ġew reġistrati mwiet fl-istess Uffiċċju tal-Passaporti minn mindu bdew ikunu reġistrati hemmhekk? Kemm saru talbiet għal ċittadinanza doppja fl-istess uffiċċju mill-1996 sal-lum? Hemm xi uffiċjal li qed jagħmel ċertu xogħol konness ma' dan l-uffiċċju u li mhux ħaddiem fl-istess uffiċċju? Min huwa dan l-uffiċjal, x'inhu xogħlu u kemm tħallas ta' dan ix-xogħol sena b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Uffiċċju tal-Passaport f'Għawdex ma jipproċessax talbiet rigward permessi u ċittadinanza doppja. Ġew rreġistrati f'dan l-uffċċju 445 mewt mill-4 ta' Mejju 1998 sal-lum. Qabel din id-data l-imwiet kienu jiġu reġistrati mill-Pulizija. B'effett mill-1998 dan l-uffċċju ħallas il-miżata ta' Lm100 kull sena lil ex uffiċċjal is-Sur George Cassar għal servizzi ta' 'Arabic Translations' konnessi ma' dan l-Uffiċċju.
Leg 9 PQ #10991 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mobile Squad

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li t-tliet pulizija tal-mobile squad li ġew sospiżi minħabba allegazzjonijiet ta' swat fuq persuna ta' nazzjonalita' Libjana, sejrin jiddaħlu lura fuq xogħolhom, issa li l-investigazzjonijiet ntemmu u huma ġew liberati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każ tat-tlett membri tal-Korp tal-Pulizija li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ntbagħat lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku b`rakkomandazzjoni sabiex tiġi mneħħija l-interdizzjoni tagħhom.