Jista' l-Ministru jispjega kif il-Maltacom plc qiegħda toffri s-servizz ġdid tal-voice mail lill-klijenti tagħha u għaliex dan is-servizz qed jiġi impost fuq il-klijenti u dan mingħajr il-kunsens tal-klijenti stess?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li il-Maltacom qed toffri dan is-servizz avvanzat lill-abbonati tagħha mingħajr ħlas. Difatti l-abbonat mhuwiex obbligat li jżomm dan is-servizz u jista' jiddiżattivaħ meta jrid billi jċempel fuq freephone 0800774141.
Tajjeb jingħad ukoll li l-Maltacom qed tieħu l-passi biex is-sejħiet li daħlu fil-PhoneMail matul April u Mejju ma jiġux iċċarġjati.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema terminu ta' żmien l-ex-Kummissarju tal-Pulizija Gorg grech ġie impjegat mal-Maltacom u ma' liema sussidjarja tagħha qiegħed dan l-impjieg jekk hu l-każ? X'inhu s-salarju li ġie mogħti u x'benefiċċji oħra għandu in konnessjoni mal-impjieg tiegħu? X'inhi s-somma li trid tingħatalu bħala penali jekk l-impjieg tiegħu jiġi tterminat mill-Maltacom qabel iż-żmien jew għal xi raġuni oħra li ma tinkludix il-kunsens tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numru 31624 u 32123 dwar l-istes materja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jgħid f'liema stadju waslet il-kawza li Martin Gaffarena qed jagħmel kontra l-ex Assistant Kummissarju Joe Psaila u l-Gvern dwar allegazzjonijiet ta' frame up li allegatament Psaila għamel kontra l-istess Gaffarena meta kien fil-pulizija; jekk kienx hemm xi tentattivi biex il-kawza tiġi transatta minn naħa tal-gvern u x'kien ir-riżultat ta' dawn it-tentattivi.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi fejn l-awtoritajiet ingliżi ta' l-ajruport ta' Heathrow ippenalizzaw lill-Air Malta għall-perjodu 1974 - 2001?
X'kienu l-każi u l-akkużi tal-penali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mis-sena 1996 'l hawn, il-kumpanija nazzjonali ta' l-ajru kienet penalizzata diversi drabi minħabba li meta xi passiġġieri jaslu Londra dawn ma jkollomx fuqhom jew ma jurux id-dokumenti meħtieġa. L-Air Malta ma għandhiex informazzjoni għas-snin qabel l-1996. L-ammonti ta' penalita' bejn l-1996 u s-27 ta' Marzu 2002 kienu hekk
1996/97 Lm22,000
1997/98 Lm14,000
1998/99 Lm17,000
1999/2000 Lm 7,000
2000/01 Lm11,000
2001/02 Lm 8,000
Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni tal-persuna indikata under separate cover għar-reserved parking tintlaqa' u dan fid-dawl tal-kundizzjoni fiżika ta' l-applikanta kif ukoll minħabba l-fatt fl-inħawi parking huwa limitat ħafna u dan qiegħed joħloq inkonvenjent kbir għall-istess persuna li għandha bżonnijiet speċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata applikat darbtejn fl-4 ta' Awissu 1998 u fiz-19 ta' Lulju 2000, u darbtejn l-applikazzjoni ġiet irrifjutata. Minn wara l-aħħar applikazzjoni twaqqaf ir-Review Panel Board fuq rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u għaldaqstant l-applikazzjoni tal-persuna msemmija ser tiġi riveduta mnn dan il-bord awtonomu, fejn id-deċiżjoni tieghu tkun finali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li l-Ambaxxati jużaw sabiex jixtru oġġetti artistiċi bħal pitturi etċ?
Response (BORG, JOE)
Ir-riżorsi finanzjarji li għandu l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sabiex jixtri xogħolijiet artistiċi li jitqiegħdu fl-Ambaxxati u Residenzi Uffiċċjali barra minn Malta huma limitati. Jekk xi Ambaxxatur jidentifika xi xogħol artistiku li jħoss li jkun addattat għall-Ambaxxata jew għar-residenza uffiċċjali, isiru l-kuntatti meħtieġa sabiex jiġi determinat jekk l-oġġett artistiku għandux jinxtara mill-Gvern Malti għal dan l-iskop. Kull akkwist bħal dan jiġi deċiż skond iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. Minħabba li, kif għidt, niddisponu minn riżorsi limitati, xiri ta' dan it-tip huwa rari.
Kien hemm xi każijiet fejn xogħolijiet artistiċi ġew mislufa mid-Dipartiment tal-Mużewijiet għall-użu fl-Ambaxxti barra minn Malta. F'kull każ, jinżamm inventarju akkurat tax-xogħolijiet kollha li jkunu nkisbu mill-Ministeru b'dan il-mod.
Inoltre kien hemm ukoll każijiet fejn xi Ambaxxaturi ħadu magħhom barra minn Malta xi pitturi jew kwadri propjeta tagħhom personali biex jarredaw ir-residenza uffiċċjali tagħhom fil-pajjiż li fih jirrappreżentaw lil pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetajiet Malpro I u Malpro II (f'liema soċjetajiet il-Gvern Malti għandu interess sostenzjali) ghandhomx proprjeta f'Londra li preżentement ser tinkera?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li s-soċjeta' Malpro Limited tmexxi l-Malta House f'Londra. Din hija blokk ta' uffiċini mikrija lil diversi entitajiet. Parti mill-blokk ġie vakat riċentement u għaldaqstant bħalissa Malpro Limited qiegħda fil-proċess li tieħu ħsieb li dan il-post jinkera mill-ġdid.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31778, jaf il-Viċi Prim Ministru illi l-inkwilini qed jgħix fir-residenza msemmija b'mod abbużiv u illegali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna indikata under seperate cover ssirilha l-operazzjoni tal-kataretti u dan tenut kont il-kondizzjoni fiżika u mentali tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hija ta' natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jara li tingħata konsiderazzjoni meħtieġa lit-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament liema talba saret mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali għar-rigward ripresa tal-fond 45/46 Triq Briġilla, Ħamrun? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir eviction?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment mhux bi ħsiebu jagħmel l-ebda eviction.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-soċjetajiet Malpro I u Malpro II (f'liema soċjetajiet il-gvern malti għandu interess sostenzjali) ghandhomx proprjeta f'Londra li preżentement ser tinkera?
Response (BORG, JOE)
Il-kumpaniji ndikati mill-Onorevoli Interpellant ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi. Għaldaqstant, nissuġġerixxi illi jressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jinxtegħel id-dawl li hemm fl-istazzjoni ta' B'Kara peress li ilu mitfi għal dan l-aħħar 3 ġimgħat?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern rigward xiri ta' computers fid-Dipartiment tal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kull Dipartiment tal-Gvern jixtri l-“Computers” li għandu bżonn skond il-ħtiġijiet tiegħu. Il-“Computers” jinxtraw kemm tramite l-kumpanija informatika tal-Gvern, il-“Malta Information Technology and Training Services Ltd”, kif ukoll direttament mis-suq. Is-“Central Information Management Unit” fl-Uffiċċju tiegħi jistabilixxi normi minimi li jiżguraw li l-“computers” li jinxtraw mid-dipartimenti jkunu kumpatibbli mas-sistemi ta’ l-informatika li jħaddan il-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk irċeviex ilment mill-Maġistrat li ismu qed jintbagħat separatament wara l-konkluzzjoni ta' l-inkjesta dwar l-istorbju fl-Isptar San Luqa u dan wara li fl-istess inkjesta ma' instemgħux il-provi kollha?
B'referenza għat-tender maħruġ mill-ETC għal renewal of registration via fingerprint recognition devices (ETC Tender 5/2001) jista' l-Ministru jgħid:
1 Min kienu dawk li parteċipaw fit-tender?
2 Kemm kienet l-offerta tagħhom?
3 Min ħa t-tender? X'kienu l-kriterji ta' l-għażla? B'kemm ingħata u x'kienet il-contract value?
4 Meta huwa mistenni li jibda' dan il-proġett?
5 Sar studju tal-benefiċċji li tista' tiggwadanja l-korporazzjoni minn din is-sistema? Min għamel dan l-istadju u jista' l-Ministru jippreżenta kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-ditti li tefgħu t-tender dwar il-proġett indikat mill-Onor. Interpelant u l-prezzijiet relattivi kienu kif ġej:
Ditta Prezz(inkluż VAT)
Advanced Industrial Systems Ltd. Lm37,950
Alberta Lm245,617 Option l
Lm275,057 Option 2
Apco Ltd. Lm92,307
BDS Ltd Lm103,383
J.Grima & Co Ltd Lm74,659
Megabyte Ltd. Lm138,109
It-tender ingħatat lil Apco Ltd, li offrew l-irħas soluzzjoni wara li ġew eliminati ż-żewġ ditti li offrew prezz irħas. Waħda minn dawn id-ditti ġiet eliminata għaliex kienet nieqsa ħafna mill-lat tekniku u l-ispeċifikazzjonijiet mitluba fit-tender, u l-oħra ġiet eliminata għax is-soluzzjoni offruta kienet ser tinvolvi spejjeż rikurrenti ferm ogħla minn dik li ngħatat it-tender.
Ix-xogħol inizjali tal-proġett beda fit-3 ta' Jannar 2002.
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ħadet id-deċiżjoni li tidħol għal dan il-proġett wara analiżi u diskussjoni interna fl-istess Korporazzjoni. Dan il-proġett mistenni jwassal għal aktar kontrol fuq ir-reġistrar kif ukoll bħala mezz effettiv ġdid ta' komunikazzjoni bejn il-Korporazzjoni u l-klijenti tagħha. Dan barra li s-sistema mistennija twassal ukoll għal re-deployment ta' mpjegati tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jiġu nstallati liftijiet fl-appartamenti tal-gvern f'B'Kara u f'Ħal Lija?
Jekk fl-affermattiv f'liema appartamenti u meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar irċievet żewġ applikazzjonijiet għall-installar ta' lifts fil-lokalitajiet ta' Birkirkara u Ħal Lija.
L-Awtorita' tad-Djar irċievet l-applikazzjoni minn Blokk C3 Ta' Paris Birkirkara nhar it-Tlieta 4 ta' Diċembru 2001. L-Awtorita' tad-Djar bdiet l-ipproċessar ta' din l-applikazzjoni.
Fil-każ ta' Blokk A Triq Sir Ugo Mifsud Ħal Lija beda xi xogħol fuq il-post. Il-lift ser jiġi nstallat fuq barra u għalhekk ser jibda l-bini tax-xaft. Huwa previst li sa l-aħħar ta' Marzu l-installar ta' lift ikun lest.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li l-armla tal-pulizija li nqatel waqt il-hold up fuq bank dan l-aħħar kif ukoll il-werrieta ta' l-istess, għandhomx jingħataw pensjoni sħiħa kif ukoll dawk il-benefiċċji oħrajn li ingħataw lil vittmi ta' reati waqt il-qadi ta' dmirijiethom?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-Twegiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29920 f'din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-okkażjonijiet u x'kienet in-natura ta' l-inkjesta fejn l-Avukat Ġenerali iddeċieda li ma kienx hemm bażi għall-proċeduri kriminali kontra xi individwu avolja kien hemm indikazzjoni biex jittieħdu dawn il-proċeduri minn maġistrat wara li tkun saret inkjesta maġisterjali:
Bejn Ġunju 1971 u Mejju 1987; u
Bejn Mejju 1987 u Ottubru 2001
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29340 li tittratta fuq l-istess suġġett.