Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lija — Triq il-Forn

Question

Jista' l-Ministru jara x'ser jagħmel biex jitnaqqas kemm il-volum tat-traffiku kif ukoll l-ispeed tal-vetturi li jinżlu minn naħa tal-Mirakli għal Triq il-Forn f'Ħal Lija? Japprezza li f'dawn l-inħawi tar-raħal joqgħodu nies anzjani u ħafna jkunu f'periklu meta joħorġu minn djarhom? Kien hemm xi konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar ilmenti fuq din il-problema f'dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-miżuri kollha li qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant biex jitnaqqas il-volum tat-traffiku u l-ispeed tal-vetturi fi Triq il-Forn, Ħal Lija ġew irrakkomandati mid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku (dak iż-żmien il-Bord għall Kontroll tat-Traffiku) kif ġej:- f'Novembru ta' l-1997 li jiġu nstallati signs li jiprojbixxu il-passaġġ ta' heavy vehicles fl-inħawi tat-triq imsemmija, f'Settembru ta' l-1998 installazzjoni ta' aktar signs li jiprojbixxu l-passaġġ ta' heavy vehicles fl-inħawi tat-triq imsemmija, f'Ottubru ta' l-2000 li jsiru tliet road humps fi Triq il-Forn, jiġu nstallati speed limit signs ta' 25Km/h u projbizzjoni ta' vetturi twal (aktar minn 6 metri).
Leg 9 PQ #34275 Sitting 761 2002-06-25 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

DOI

Question

B'riferenza għall-istqarrija mid-DOI rigward il-pożizzjoni tal-gvern Malti vis-a-vis id-dritt ta' xiri ta' art agrikola minn ċittadini ta' l-UE, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kommunikazzjoni li ntbagħtet lill-UE mill-gvern Malti u dan sabiex jinforma lill-istess UE li hu mhux jaqbel li ċittadini ta' l-UE għandu dritt jixtri art agrikola bi skopijiet ta' biedja sa mill-ewwel jum ta' sħubija sħiħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li komunikazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett kien wieħed kontinwu u jirriżulta b’mod l-aktar ċar li ma hemm l-ebda diskrepanza fl-interpretazzjoni tar-riżultati tan-negozjati bejn iż-żewġ partijiet, dwar is-suġġett tal-proprejta`.
Leg 9 PQ #34225 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32596, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Air Malta fil-każi elenkati u dan mill-1996/97 sal 2001/2002

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-każi kollha l-Air Malta ħadet il-passi meħtieġa. Ma nħossx li jkun prudenti li jiġu ppubblikati id-dettalji.
Leg 9 PQ #34226 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Long Service Medal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex tingħata l-long service medal tal-pulizija? Jekk m'għadhiex tingħata, jista' jgħid għaliex ma baqgħetx tingħata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa l-ħsieb ta` l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li l-midalja għal servizz twil u effiċjenti tkompli tingħata.
Leg 9 PQ #34227 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ġlied tal-Klieb — Investigazzjoni

Question

B'riferezna għar-rapport fil-ġurnal "The Independent" tas-17 ta' Ġunju 2002 rigward ġlied tal-klieb, jista' l-Ministru jgħid saritx investigazzjoni mill-pulizija? Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar il-Ħadd 16 ta` Ġunju 2002 filgħodu, il-Pulizija ta` Ħal Qormi irċeviet telefonata anonima fejn kienet infurmata li f`Wied il-Kbir, tal-Ħandaq, kien hemm kelb mejjet maħruq. Il-Pulizija marret fuq il-post, fejn instab illi din l-informazzjoni kienet korretta. L-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija s`issa irriżultat fin-negattiv. Dwar il-każ l-ieħor imsemmi ta` Sant Elmo, ma jirriżultax illi l-Pulizija kellha rapport.

Birkirkara — Triq F. S. Caruana

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman fil-bidu ta' Triq F. S. Caruana Birkirkara? Fin-nuqqas, jista' jirrakkomanda li ssir mill-kunsill lokali ta' Birkirkara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku qed jara x'jista' jsir fil-post indikat.
Leg 9 PQ #34236 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Birkirkara — Ta' Paris - Triq G Borg - Tindif

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir dak it-tindif/ilqugħ neċessarju fl-għalqa li hemm fi Triq G Borg, Ta' Paris, Birkirkara? Jaf li din il-biċċa art qiegħda tintuża għal rimi ta' skart/ħmieġ ieħor b'inkonvenjent kbir għall-familji residenti f'din it-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret fuq il-post fejn irriżulta illi ġew mitfuha xi ammonti relattivament żgħar ta` materjal ta` bini fuq l-aħħar biċċ`art li għad trid tiġi żviluppata f`din it-triq. Għalkemm hemm xi applikazzjonijiet għal żvilupp fuq is-sit, l-ebda permess għadu ma inħareġ. Il-propretarju aċċetta li jnaddaf l-iskart li twaddab minn terzi wara li saru l-kuntatti neċessarji mill-Uffiċjal inkarigat.

Ħal Balzan — Wied

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir il-proġett tant meħtieġ fil-wied ta' Ħal Balzan u dan sabiex tissolva l-problema ta' l-għargħar? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titneħħa s-side road li hemm viċin is-showrooms viċin il-bus-stop ta' quddiem il-ġibjun ta' Ħal Lija? Jaf li jekk din is-side road titneħħa jiġu preġudikati bil-kbir l-istess ħwienet li hemm fiha? Jista' jgħid jekk ikkonsultax mas-sidien ta' dawn il-ħwienet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat tat-Toroq beda jaħdem fuq proġett ta' l-immaniġjar ta' l-ilma tax-xita mill-pjazza ta' l-Imsida sa Birkirkara, u li eventualment iservi biex ikopri ukoll il-bżonnijiet ta' kontrol ta' l-ilma tax-xita fil-Wied ta' Hal Balzan. Rigward is-side road li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, s'issa d-Direttorat tat-Toroq m'għandu l-ebda ħsieb li jneħħi din is-side road għalkemm kienu saru xi proposti f'dan ir-rigward.

Fleur-de-Lys — Triq Notabile

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir resurfacing tat-triq li tagħti minn Triq Notabile sa' Fleur-de-Lys? Jaf il-Ministru li l-bankina qiegħda fi stat diżastruż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq fil-preżent qed jesegwixxi xogħlijiet ta' resurfacing f'diversi lokalitajiet f'Malta kollha u x-xogħol mitlub mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li jkollu d-Direttorat.

Frame Up

Question

B'riferenza għall-interpellanza nru. 32874 u speċjalment għat-tieni parti tat-tweġiba mogħtija, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-kumpens imħallas minn fondi pubbliċi lill-attur biex ġew ċeduti ż-żewġ kawżi kif ukoll minn ħallas l-ispejjeż ġudizzjarji. Xi proprozjon tad-danni jirrapreżenta l-ammont imħallas minn fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont imhallas kien ta' Lm10,139 ghall-ispejjez gudizzjarji u Lm23,861 bhala somma maqbula ghac-cessjoni da parti tal-attur tal-pretensjoni tieghu ta' danni kontra l-Gvern.
Leg 9 PQ #33530 Sitting 738 2002-05-20 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wasal biex jitneħħa s-servizz tad-dawl tal-kamra f'Baħar iċ-Ċagħaq li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-dettalji ġew mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta li min-naħa tagħha għandha tinfurmani dwar il-każ.

Tender

Question

B'riferenza għat-tender li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min ikkontesta għat-tender in kwestjoni, kemm kienet l-ogħla offerta, lil min ġiet assenjata u għal liema raġuni ġie assenjat it-tender lil din il-persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għall-bejgħ tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ tenders - waħda għas-somma ta' Lm3,050 u l-oħra għas-somma ta' Lm3,015. L-Awtorita' tad-Djar tat id-dritt ta' l-ewwel rifjut lill-persuna li offriet Lm,3,015 peress li l-offerent l-ieħor kien diġa' akkwista ħames fondi oħra mingħand l-Awtorita' tad-Djar fl-istess lokal. Il-proċedura adottata mill-Awtorita' hi konformi mal-kundizzjonijiet tat-tender li jgħidu: "L-Awtorita' tirreserva d-dritt li tagħti dritt ta' l-ewwel rifjut (right of first refusal) lil kwalunkwe persuna li tagħmel l-offerta u dan skond il-policy ta' l-Awtorita' jew għal kwalunkwe raġuni li hi xierqa" "L-Awtorita' ma tintrabatx li tilqa' l-ogħla jew xi offerti" L-Awtorita' tad-Djar allokat dan il-fond lill-offerent li qatt ma akkwista fond ieħor. Dan il-bejgħ sar għas-somma ta' Lm3,050.

Lista ta' Ġurati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li isimhom qiegħed fuq il-lista tal-ġurati? Kemm minnhom huma avukati, tobba, inġiniera u periti? Fuq liema kriterji u kundizzjonijiet jintgħażlu?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ismijiet ta' persuni li jinsabu fuq il-lista ta' gurati, gew ppublikati fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' Novembru 2001. Ghaldaqstant minn din il-lista jirrizulta kemm minnhom huma avuakti, tobba, inginiera u periti. Il-kriterji ewlenin biex persuna tinghazel gurat huma li tkun ta' kondotta tajba, ghalqet il-21 sena u mhux prekluza mil-ligi li sservi ta' gurat.

Well Street — Valletta - Proprjeta` għall-Kiri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux proprjeta` għall-kiri f'Well Street, Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'hiex il-policy tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li jippubblika jew jindika postijiet vakanti li jkollu f'idejh u dan biex jiġu evitati abbużi ta' sgass.
Leg 9 PQ #33323 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Malta House f'Londra

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Malta House f'Piccadilly Street, Londra x'tiswa lil Malpro Limited u/jew lill-Gvern Malti fi ċnus u ħlasijiet oħra ta' kull sena? Din il-proprjeta` hija u tibqa' għal dejjem ta' Malpro Limited/Tal-Gvern Malti jew hemm xi ċens li jagħlaq? Jekk iċ-ċens jagħlaq kemm baqgħalu snin? Il-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra li qiegħda fil-Malta House, kemm tħallas fis-sena? Liema huma "id-diversi entitajiet" oħra li semma l-Ministru (seduta 706 ta' l-4/4/2002) u kemm iħallsu kull sena?

Response (BORG, JOE)

Bejn il-25 ta' Marzu 2001 u l-24 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni Għolja Maltija f'Londra ħallset lil Malpro Ltd is-somma ta' STG259,696, liema somma kienet magħmula minn ħlas ta' kera li jammonta għal STG212,610.40 u ħlas ta' "service charges" li jammonta għal STG47,085.60. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #33324 Sitting 735 2002-05-14 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni relattiva.

Frame Up

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32874 u cioe, jista' jgħid jekk huwiex possibbli li jgħid f'liema stadju waslet il-kawża li Martin Gaffarena qed jagħmel kontra l-ex Assistant Kummissarju Joe Psaila u l-gvern dwar allegazzjonijiet ta' frame up li allegatament Psaila għamel kontra l-istess Gaffarena meta kien fil-pulizija; jekk kienx hemm xi tentattivi biex il-kawża tiġi transatta minn naħa tal-gvern u x'kien ir-riżultat ta' dawn it-tentattivi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta inghatat f'seduta nru 731 .

Frame Up

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jgħid f'liema stadju waslet il-kawza li Martin Gaffarena qed jagħmel kontra l-ex Assistant Kummissarju Joe Psaila u l-Gvern dwar allegazzjonijiet ta' frame up li allegatament Psaila għamel kontra l-istess Gaffarena meta kien fil-pulizija; jekk kienx hemm xi tentattivi biex il-kawza tiġi transatta minn naħa tal-gvern u x'kien ir-riżultat ta' dawn it-tentattivi.

Response (GATT, AUSTIN)

Skond ir-records tal-Qorti, iż-żewġ kawżi fl-ismijiet `Martin Gaffarena versus Psaila` (484/91F1) u `Martin Gaffarena versus Kummissarju tal-Pulizija et (395/92H1) ġew ċeduti fl-4 ta` Diċembru 2001 u fit-2 ta` Novembru 2001 rispettivament. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal dak li jirrigwarda l-Gvern, il-kawza ġiet transatta.