Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew — Votanti li talbu l-għajnuna tal-kummissarji elettorali
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm votanti li talbu l-għajnuna lil kummissarji elettorali biex jivvotaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li saru fit-12 ta' Ġunju? Jista' jagħti l-figura għal Għawdex separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
(Tweġiba mogħtija: 05/07/2004PM)
(Seduta Numru: 146)
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titħallas l-ammont dovut lilha rappreżentanti għajnuna soċjali (tal-bolol) li hi intitolata għalihom u dan għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2003 u t-22 ta' Lulju 2003? Tista' il-Ministru tgħid għalfejn ittieħed dan iż-żmien kollu biex isir dan il-ħlas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Wied il-Għajn — Bejgħ ta' xorb alkoħoliku lil żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-pulizija dwar ħwienet fejn jinbiegħ u jiġi kkunsmat ix-xorb alkoħoliku f'Wied il-Għajn li qed iżommu discos u jippermettu tfal taħt l-eta' jidħlu u jibqgħu hemm għal ħinijiet twal speċjalment fil-weekends u saħansitra jien informat li xi wħud minn dawn l-istabbilimenti lanqas liċenzji ordinarji għan-negozju m'għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'dawn il-postijiet u fejn jirriżulta li jkun hemm ksur ta' liġi jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti.
Pulizija — Talba biex persuna ta' nazzjonalita' barranija tidħol Malta
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba li qiegħda ssir mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, sabiex titħalla tidħol Malta fuq viżita familjari?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi talba pendenti għal permess (visa) sabiex tidħol Malta mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt u dan sabiex jifdi ċ-ċens in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li fl-10 ta' April 2001 l-applikant ġie infurmat bis-somma tal-fidi skond l-iskema tas-sena 1996. Fil-frattemp ħarġet skema oħra aktar favorevoli għal applikant. Huwa ġie infurmat bis-somma tal-fidi riveduta u ntalab ukoll jipprovdi xi dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista jsir il-fidi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt? Jekk jista', x'inhi l-proċedura li għandu jagħmel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dipartiment għad mhux fornut bid-dokumenti kollha relattivi għal din il-proprjeta', u għalhekk mhux f'pożizzjoni jgħid jekk l-enfitewta jistax jifdi ċ-ċens. Għalhekk f'dan l-istadju jkun tajjeb li l-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, tikteb lill-Uffiċċju Konġunt biex tifdi ċ-ċens u tibgħat ukoll kopja ta' l-aħħar irċevuta tal-ħlas taċ-ċens.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjoni għal xiri ta' art/qbiela
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt biex jixtri l-art/qbiela hijiex qed tkun ipproċessata?
Response (BORG, TONIO)
Ma hijiex il-policy tal-Uffiċċju Konġunt li jbiegħ proprjeta` agrikola li tinsab barra ż-żona ta' l-iżvilupp għal bini. L-applikant qed jiġi nfurmat b`dan.
Jista' il-Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tas-salarji li rċevew matul is-sena 2003 il-lecturers u l-assistant lectureres fit-taqsimiet tal-Psychology, Primary Education u Mathematics, Science and Technical Education tal-fakulta' ta' l-edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta? Jista' jindika min huma l-lecturers u l-assistant lecturers wieħed wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-lecturers u l-assistant lecturers jirċievu s-salarji u r-remunerazzjonijiet kif stabbilit fill-ftehim kolletiv tagħhom.Nagħti biss totali għal kull dipartiment imsemmi:
Psychology
Lm58,546.14
Primary Education Lm69,193.87
Mathematics Science
& Technical Education Lm60,576.66
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt relattiv għall-fond li hu xtara fl-20 ta' Novembru 1996 f'San Pawl il-Baħar? Id-dettalji tal-fond qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji dwar iċ-ċens impost fuq l-art li fuqha huwa mibni l-fond in kwistjoni, sabiex l-ewwel ikun jista' jirrikonoxxi l-enfitewta, u mbagħad l-applikazzjoni tiegħu biex jifdi ċ-ċens.
Awtorita' tad-djar — Applikazzjoni għal stair lift
Question
Tista' il-Ministru tgħid fiex waslet l-applikazzjoni 7HA90/2003 tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, għall-istallazzjoni ta' stair lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ġie ffirmat il-ftehim għall-għotja tas-somma approvata biex jiġi stallat l-istair lift fir-residenza tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li kif l-applikant jibgħat l-irċevuti fiskali meħtieġa, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tmexxi l-pagament.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuni li huma reġistrati li mhux qed jaħdmu jew m'għandhomx impjieg, irċevewx id-Lm39 rappreżentanti bonus li ngħata fl-aħħar budget?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li kull min kien qed jirċievi pensjoni, kemm kontributorja u sew le, jew Għajnuna Soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali fix-xahar ta' Marzu 2004, tħallsu l-bonus ta' Lm39.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li Triq San Publiju f'Burmarrad tingħata l-isem ta' Triq l-Ispiżjar Joseph Sciberras (politiku)? Jaf li hemm xewqa ġenerali mir-residenti li din it-triq tissemma għall-ispiżjar Sciberras li twieled u li llum huwa midfun fl-istess lokalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali Nru. 176 ta` l-1995, kull proposta ta` tismija jew bdil fl-isem ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita`, u għalhekk din il-proposta għandha tiġi indirizzata lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal l-ilment (Ref No: 44/0124/04) li sar mal-MTC - Roads Directorate?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat li wara li l-awtorita’ dwar it-trasport investigat il-każ, instab illi l-persuna konċernata għadha m’għamlitx il-claim neċessarja mal-kuntrattur u l-kumpannija ta’ l-insurance tagħha u għalhekk għalissa ma jista’ isir xejn dwar din it-talba għall-kumpens.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif saret il-komputazzjoni għall-ħlas taċ-ċens tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji u l-kondizzjonijiet għar-reviżjoni ta' dan iċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li ċ-ċens gravanti l-proprjetajiet li l-persuna konċernata għandu, ġie rivedut a bażi tal-paga minima nazzjonali kif stipulat fil-kuntratt oriġinali tal-14 ta` Marzu 1978. B`żewġ ittri datati 14 ta` Frar u 17 ta` Frar 2004 l-enfitewta mhux biss ġie nfurmat biċ-ċens rivedut, iżda fl-istess ittra ingħata wkoll il-komputazzjoni bid-dettalji kollha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm oqbra għall-bejgħ fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Hemm applikazzjonijiet pendenti? Hemm xi ħsieb li jkabbar l-istess ċimiterju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa m' hemmx oqbra għall-bejgħ fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorat. Hemm numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra ġo dan iċ-ċimiterju li jinżammu fuq waiting list, biex jiġu allokati l-oqbra l-ġodda skond l-istess lista.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, applikazzjoni għal estensjoni ta' l-istess ċimiterju saret ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u bħalissa għadha qiegħda fi stadju ta' proċessar.
Għal aktar informazzjoni nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Numru 277 tas-Seduta 7 li saret fid-9 ta' Ġunju 2003.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jibda x-xogħol matul din is-sena sabiex isir il-bini il-ġdid ta' Naxxar Road mill-HSBC ta' B'Kara saċ-ċimiterju ta' Ħal Lija? Kemm huwa stmat li se tkun in-nefqa u kemm se jdum ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1868.
Jista' il-Ministru jgħid meta jsir ix-xogħol fuq Naxxar Road Birkirkara jista' jiġi studjat jekk huwiex possibli li jiġu nstallati traffic lights fejn ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Tasfigurazzjoni biex b'hekk isir kontroll aħjar tat-traffiku u dan jimxi hafna aħjar mil-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1868.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex żoni ġewwa Ħal Lija kienu bla dawl għal aktar minn sittax (16) il-siegħa bejn il-5.15 ta' fil-għodu sa 9.40 ta' fil-għaxija nhar il-Ħamis 29 ta' Jannar 2004? Jista' jgħid ukoll għaliex mar id-dawl fl-istess inħawi darbtejn oħra fl-għaxar tijiem ta' qabel? Jaf il-Ministru li kien hemm ilmenti mal-Enemalta Corp. dwar ħsara li saret f'xi tagħmir domestiklu minħabba dan il-qtugħ jew meta reġa' ġie d-dawl? Kien hemm talbiet għal-kumpens?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li parti minn Ħal Lija kienet bla dawl fid-29/01/2004 minħabba ħsarat fuq is-sistema tal-High Voltage fis-substation ta' Lija St Andrew's fejn kellu jinbidel it-transformer u l-conncetors tiegħu.
Fil-25/01/2004 u fil-28/01/2004 partijiet miż-żona effetwata fid-29/01/2004 kienu bla dawl minħabba overloading fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx. L-Enemalta ma kellha l-ebda talba bil-miktub għall-kumpens.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal kumpens mill-Enemalta minħabba ħsara li kkawżat minħabba qtugħ fl-elettriku fl-2003? Jista' jgħid kemm intlaqgħu minn dawn it-talbiet? X'tagħmir ġie affetwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li matul 2003 l-Enemalta rċeviet 4 talbiet għall-kumpens minħabba ħsara li ġiet ikkawżata minn qtugħ fl-elettriku.
Minn fost dawn it-talbiet ma ġiet milqugħa l-ebda waħda.
Normalment qtugħ fl-elettriku ma jaffettwa l-ebda 'appliances' jew tagħmir ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' postijiet li nfdew fl-iskema ta' l-2001, mill-Uffiċċju konġunt bejn l-1 ta' Jannar 2003 u it-12 ta' Aprtil 2003? Min kienu l-persuni kkonċernati u x'kienu l-indirizzi tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-postijiet li nfdew bl-iskema tal-2001 mill-Uffiċċju Konġunt bejn l-1 ta` Jannar 2003 u t-12 t`April 2003 jammontaw għal 65 proprjeta`.
Ma jidhirlix li għandi nagħti informazzjoni dwar min kienu dawn il-persuni li użaw dawn l-iskemi.